Persentaġġ sinifikanti tal-anzjani jgħaddu minn esperjenzi ta’ abbuż

Illum il-jum iddedikat lill-għarfien dwar l-abbuż tal-anżjani

Ilum il-jum iddedikat lill-għarfien dwar l-abbuż tal-anżjani
Ilum il-jum iddedikat lill-għarfien dwar l-abbuż tal-anżjani

Għar-raba’ darba konsekuttiva, il-pajjiżi kollha tad-dinja għada 15 ta’ Ġunju se jfakkru  l-jum iddedikat lill-għarfien dwar l-abbuż tal-anżjani. Dan il-jum jagħtina l-opportunità biex nirriflettu fuq id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-aktar setturi vulnerabbli ta’ ċittadini anzjani.

Fil-maġġoranza tagħhom, l-anzjani f’Malta huma mgħożża mill-qraba tagħhom u jirċievu servizzi tal-ogħla professjonalità u etika. U hekk għandu jkun għax hekk jixirqilhom. Però, ma nistgħux ninsew, jew nitfgħu taħt it-tapit, il-fatt li persentaġġ sinifikanti tal-anzjani, mhux wieħed jew tnejn, jgħaddu minn esperjenzi ta’ abbuż. L-abbuż fuq l-anzjani jista’ jkun dirett, bħal abbuż fiżiku jew psikoloġiku, kif ukoll indirett, billi l-anzjani ma jingħatawx il-kura u l-għajnuna meħtieġa dovuta lilhom minn dawk li suppost qed jieħdu ħsiebhom.

Dawn l-atti jsiru fuq l-anzjani kemm fid-djar fil-komunità u anke f’istituzzjonijiet, u sfortunatament, huma aktar prevalenti minn kemm naħsbu li verament huma. Skont stimi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, jirriżulta li madwar 5% tal-anzjani minn madwar id-dinja jsofru minn xi forma ta’ abbuż, fosthom anke abbużi ta’ natura sesswali. Dan jimplika li ta’ kull sena madwar id-dinja, mijiet ta’ eluf ta’ anzjani jisfgħu abbużati.

Għalkemm pajjiżna mhux xi eċċezzjoni għal dawn ix-xejriet, ma teżistix ċifra jew statistika li tindika kemm iseħħu każi ta’ abbuż fuq anzjani. Madankollu, minn mindu ilħaqt Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, iltqajt ma’ bosta social workers li poġġew quddiemi eżempji konkreti li jiltaqgħu magħhom b’mod regolari fil-ħidma tagħhom. Kien ghalhekk li jien mill-ewwel jum wara l-ħatra tiegħi poġġejt bħala prijorità ewlenija x-xogħol kontra l-abbuż fuq l-anzjani u favur leġiżlazzjoni u politika li jipproteġu l-anzjani vulnerabbli. Minnufih, bdejt naħdem fuq sensiela ta’ liġijiet u bi pjaċir ngħid li dan il-gvern, fis-sentejn li għaddew wasal iżjed milli kienu waslu gvernijiet Nazzjonalisti fil-ħamsa u għoxrin sena ta’ qabel.

Iva, minkejja li għal ħafna snin saru ħafna diskussjonjiet u anki konferenzi fuq is-suġġett tal-abbuż fuq l-anzjani, sa Marzu 2013 Malta kienet totalment nieqsa minn liġijiet u miżuri wiesgħa fil-politka soċjali biex l-abbuż tal-anzjani jiġi indirizzat b’mod sħiħ. Il-Prim Ministru dejjem wera ċar li dan il-gvern mhux se jmexxi bir-retorika imma bil-fatti konkreti li jwasslu għal għixien aħjar għaċ-ċittadini kollha. U dan is-settur mhux eċċezzjoni. Anzi, kien minn quddiem biex jintlaħqu l-miri fil-manifest elettorali

Tabilħaqq, fl-ewwel tlett xhur tal-ħidma tiegħi f’dan is-segretarjat kelli l-pjaċir inħabbar li l-kabinett approva l-ewwel abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu ser jiġu introdotti reati ġodda relatati mal-abbuż fuq l-anzjani u li jġorru pieni iktar ħorox appuntu għal min iwettaq dan it-tip ta’ abbuż. L-abbozz ħaseb biex ikun hemm livelli differenti ta’ pieni skont l-età tal-vittma b’pieni jiħraxu aktar jekk l-anzjan ikun ‘il fuq minn 70 sena. Il-liġi daħħlet ukoll responsabbiltà akbar fuq min jieħu ħsieb l-anzjani. Se jitqies bħala reat jekk anzjani jiġu abbandunati, każi li ħafna drabi jiġru wara li l-anzjani bħala ġenituri jkunu kitbu l-wirt tagħhom favur uliedhom.

Bis-sistema preċedenti, vittma ta’ serq kellha tagħmel il-process legali bil-kriminal, jiġifieri bil-pulizija, imbaghad il-Qorti kellha s-setgħa li tiddeċiedi jekk l-akkuzat hux hati jew le. Madanakollu, il-Qorti ma kellhiex is-setgħa li ġġiegħel lill-ħati jirritorna dak li seraq lill-vittma. Biex tieħu lura l-proprjetà tagħha, il-vittma kienet għalhekk kostretta tiftaħ kawża oħra ċivili. B’dan l-abbozz il-proċeduri tal-pulizija issa huma biżżejjed biex il-vittma tas-serq tiġbor lura l-proprjetà tagħha. B’hekk għamilniha iktar faċli għall-anzjani li jkunu vittmi ta’ serq biex ifittxu ġustizzja, u għalhekk dan jagħmlilhom ukoll iktar kuraġġ biex jersqu ’l quddiem.

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva huwa kommess li jagħmel minn kollox biex meta jsir jaf b'dawn l-abbużi, jintervjeni mill-ewwel u jieħu l-passi li fiċ-ċirkostanzi jkunu xierqa. L-istrateġiji tagħna huma varji, dawk li diġà nedejna u oħrajn li qegħdin fil-proċess li jiġu mnedija sal-aħħar ta’ din is-sena. Is-Segretarjat diġà waqqaf kumitati konsultattivi f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum u f’kull Dar għall-Anzjani mmexxija mill-gvern, sabiex nagħtu iżjed vuċi lill-anzjani. Nedejna proġett pilota ta’ servizzi minn social workers fil-komunità sabiex nippruvaw nipprevenu problemi qabel ma jseħħu. Dan il-proġett tant kien suċċess li kien benefiċjarju mill-Baġit 2015 u se jkun hemm sejħa formali għal impiegi biex dan is-servizz jitwaqqaf u jkun estiż għal Malta u Għawdex kollu.

Dan is-servizz se jiffaċilita wkoll il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni fuq l-abbuż fuq l-anzjani minn sorsi differenti, u b’hekk, fl-aħħar, inkunu nistgħu jkollna statistika ċara li tindika kemm iseħħu każi ta’ abbuż fuq anzjani.

Dan jghin ukoll biex jiġu identifikati każijiet ta’ abbuż jew sfruttament, li ħafna drabi jibqgħu moħbija fl-ambjent domestiku.  Is-Segretarjat kien wkoll strumentali biex itella’ abbozz ġdid fil-Parlament dwar il-kariga tal-Kummissarju tal-Anzjani li se jkollu rwol li jipproteġi d-drittijiet ta’ persuni anzjani.

Nassigura lil kull ċittadin Malti u Għawdxi li pajjiżna se jkollu liġijiet aktar b’saħħithom li jindirizzaw u jiġġieldu l-aspetti kollha tal-abbużi fuq l-anzjani. Tant hu hekk li, fil-ftit ġimgħat li ġejjin se tkun imnedija l-Vulnerable and Older Persons Protection Act li se jkollha rwol ċentrali biex tipproteġi l-anzjani u persuni b’diżabilità kontra abbużi minn qraba u professjonisti, kemm fil-komunità kif ukoll f’istituzzjonijiet residenzjali.  

Li jingħeleb l-abbuż tal-anzjani hija responsabbilità ta’ kulħadd – gvern, provvedituri ta’ servizzi u l-komunità. Għalhekk ma hemmx dubju li nfakkru il-15 ta’ Ġunju bħala l-jum iddedikat lill-għarfien dwar l-abbuż tal-anżjani. Huwa avveniment importanti fl-impenn tal-gvern kif ukoll is-soċjetà ċivili biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, speċjalment dawk l-iżjed vulnerabbli. Huwa permezz ta’ ġranet bħal dawn u b’dawn il-miri speċifiċi li l-gvern isib aktar kuraġġ u appoġġ biex isaħħah il-politika soċjali favur l-anzjanità attiva.

Justyne Caruana hi Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva

More in Politika