Malta tissuġġerixxi distinzjoni bejn proġetti b’riskju għoli u oħrajn ħżiena

Huwa kruċjali li ssir distinzjoni bejn dawn il-proġetti – Edward Scicluna

Il-Ministru Scicluna waqt il-laqgħa fi Brussell
Il-Ministru Scicluna waqt il-laqgħa fi Brussell

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, issuġġerixxa proċess li jgħin biex issir distinzjoni bejn proġetti b’riskju għoli u oħrajn ħżiena, li jkun mifrux fuq l-UE kollha kemm hi fil-qafas tal-“pjan Juncker”. “Hemm proġetti li huma ta’ benefiċċju kbir, iżda li jistgħu jkunu riskjużi wisq għas-suq jew għal kwalunkwe pajjiż waħdu,” qal il-Ministru Scicluna.

Waqt il-laqgħa tal-lum tal-Kunsill tal-UE għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (l-ECOFIN) fi Brussell, il-Ministru Scicluna rrimarka li jista’ jkun hemm proġetti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riskjużi wisq mill-banek, iżda li jistgħu jkunu proġetti essenzjalment tajbin. Għalhekk, huwa kruċjali li ssir distinzjoni bejn dawn il-proġetti u oħrajn ħżiena. Qal li l-kriterji għandhom ikunu jekk humiex proġetti tajbin jew le.

Il-Kunsill tal-lum ġie mgħarraf dwar fiex waslu n-negozjati li qed isiru bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal Regolament li se jistabbilixxi l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi. Il-ħolqien tal-Fond huwa parti mill-pjan ta’ investiment għall-Ewropa, magħruf aħjar bħala l-“pjan Juncker”.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar analiżi fil-fond ta’ żbilanċi li saret mill-Kummissjoni Ewropea f’16-il Stat membru (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Islovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit). Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2015 identifika lil dawn il-pajjiżi bħala li qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi, li jitolbu analiżi fil-fond sabiex tiġi ddeterminata n-natura tagħhom.

Punt ieħor fuq l-aġenda tal-ministri kien kif l-Istati membri implimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-2014 għal kull pajjiż, li nħarġu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew – il-proċess tal-koordinazzjoni tal-politiki fl-UE.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar ir-rapport tal-2015 dwar it-tixjiħ. Ir-rapport joffri projezzjonijiet tal-impatt tat-tixjiħ fuq il-baġits fil-perjodu bejn l-2013 u l-2060 għat-28 Stat membru tal-UE u n-Norverġja. Ir-rapport jiġi aġġornat kull tliet snin.

More in Politika