Bit-tfigħ tat-tajn u l-attakki personali ma tirbaħx rispett - L-Avukat David Griscti

Fetħet il-kovenzjoni tal-Partit Nazzjonalista b'dibattitu fuq l-ideat u l-ideali

Joseph Pirotta jitkellem waqt il-konvenzjoni
Joseph Pirotta jitkellem waqt il-konvenzjoni

Il-Partit Nazzjonalista irid jifhem li s-soċjetà nbidlet u l-partit irid jirifletti l-aspirazzjonijiet tal-poplu jekk irid li ċ-ċittadini jirrispettawh u jivalutizza x-xogħol tiegħu. Dan kien il-messaġġ li bih infetħet din il-konvenzjoni organizzata mill-PN fil-lukanda Corinthia. L-aktar diskors dirett ġie mill-Professur Joseph Pirotta li qal lil partit biex ma jibqax jitratta lin-nies b'arroganza: "Jekk xi ħadd irid xi pjaċir u ma tistax taqdih għidlu għaliex ma tistax. Iddjalogaw maċ-ċittadini. Din la tfisser klijenteliżmu u lanqas li ssabbat il-bibien f'wiċċ in-nies."

Pirotta staqsa l-mistoqsija għaliex l-għajta ta' 'Malta Tagħna Lkoll' affetwat daqstant nies. "Għax parti mis-soċjetà ma kinitx qed tħoss il-benefiċċju tal-ġid komuni; oħrajn ħassewhom li qed jitwarrbu." Kompla jgħid li l-poplu għalhekk dar fuq partit li hu emmen li jista' jagħtihom dak li ma kienx qed jagħtihom il-partit nazzjonalista. Pirotta temm jgħid li l-importanti hu l-partit jiltaqa u jiddjaloga mas-soċjeta kollha.

L-Avukat David Grixti li fetaħ id-dibattitu tal-lejla qal li t-telfa elettorali tal-PN kien tort tal-falliment tal-partit li jkollu viżjoni friska ta' Malta. "Il-partit ma fehmx li l-poplu ried jgħix bħal kull Ewropew ieħor. Il-partit beda jistaħba wara l-maskra ta' Brussell filwaqt li l-poplu beda jitbiegħed minnu. Ma nagħtix tort lil poplu li rribellaw kontra l-partit." L-avukat Griscti kompla jgħid li l-Partit Laburista inbidel u għadu jinbidel, beda jitkellem b'mod differenti u beda jwiegħed kollox lil kulħadd, "Ma tagħtihomx tort, Joseph muscat raw opportunita u ħatfuha."

Griscti kompla jgħid li it-tfigħ tat-tajn u li użaw il-mezzi tax-xandir biex jattakkaw individwi kien ħażin ħafna. "Dan mhux il-mod li takkwista rispett."

Oliver Friggieri ħasibha mod ieħor. Hu qal li l-poplu qal lil partit nazzjonalista li issa kien imiss lil ħaddieħor li jiggverna, bħal meta tqalleb minn stazzjon għall-ieħor. "Nixtieq li l-Partit nazzjonalista jinsa li tilef elezzjoni. M'inhix nara kriżi...iżda ostaklu temporanju."

Il-ġurnalist veteran, Godfrey Grima taha parir lil partit Nazzjonalista biex iħares lejn kif mexxa u jirealizza kif iddiżappunta lil poplu.

 

More in Politika