“B’telfa ta’ 24,000 vot inkun kuntent” – Edwin Vassallo

Manuel Micallef
Manuel Micallef
Edwin Vassallo
Edwin Vassallo

L-eks deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li hu jkun kuntent b’telfa ta’ 24,000 vot. F’kummenti lil din il-gazzetta, Vassallo sostna li l-Partit Nazzjonalista għadu jbati mill-vot ta’ protesta tas-sena li għaddiet u għalhekk diffiċli li l-PN jirnexxielu jegħleb lill-Partit Laburista f’termini ta’ voti.

“Jekk ikollna telfa ta’ 20-24 elf vot ikun ifisser li nkunu diġà naqqasna d-distakk, ikun ifisser li l-PL tilef 10 elef jew 15-il elf vot. F’dak il-kuntest aktar ikollu mistoqsijiet x’jirrispondi Joseph Muscat milli Simon Busuttil,” spjega l-eks Membru Parlamentari.
Hu żied jgħid li għal PN ikun riżultat sodisfaċenti jekk jikseb it-tielet siġġu u jnaqqas kemm jista’ jkun id-distakk f’termini ta’ voti. Skont Vassallo, tkun disfatta għall-Partit Laburista jekk ma jżommx ir-raba’ siġġu u l-35 elf vot maġġoranza.
Mhux tal-istess fehma hu l-opinjonist Manuel Micallef, li sostna li r-rebħa tat-tielet siġġu Nazzjonalista għandu jkun biss il-minimu.
“Dan ir-riżultat isalva l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil fi ħdan il-PN iktar milli jfisser rebħa għall-partit. L-istrateġija Nazzjonalista kienet waħda li tipprova tħammeġ lill-partit fil-gvern kemm jista’ jkun waqt li ma tgħollix l-aspettattivi tal-partitarji Nazzjonalisti.”
Mistoqsi jekk din l-elezzjoni tistax titqies biss bir-rebħa tas-siġġijiet, Micallef sostna li l-għeruq tal-partit Nazzjonalista jistgħu jiġġudikaw ir-riżultat bis-siġġijiet miksuba iżda b’mod ġenerali l-partitarji se jagħtu każ ukoll tad-distakk.
“Se jaraw ukoll x’wassal għal dan id-distakk, jekk hux riżultat ta’ vot ta’ protesta kontra l-gvern jew jekk hux vot ‘pro-PN’ ta’ konvinzjoni favur il-politika u l-pożizzjonijiet li ħa l-Partit waqt il-kampanja elettorali.”
It-tielet opinjonist li tkellem mal-Illum, Michael Briguglio, ukoll jaqbel li l-kisba tat-tielet siġġu huwa l-minimu aċċettabbli għal riżultat diċenti għall-Oppożizzjoni.
“Jekk il-PN ma jġibx tliet siġġijiet, u jekk iġib distakk ta’ voti simili għal dak tal-elezzjoni ġenerali, naħseb li din tkun problema għat-tmexxija tal-PN; dan għaliex ikun hemm perċezzjoni li l-PL għadu b’saħħtu anke sena wara elezzjoni ġenerali, minkejja l-kritika tal-PN fuq oqsma varji. Naħseb li hu ġustifikat li wieħed jaħseb li l-PL iġib iktar voti mill-PN, ġaladarba kien hemm distakk daqshekk kbir fl-2013. Iżda biex il-PN juri li qed ikun effettiv fl-oppożizzjoni, irid jibda jnaqqas dan id-distakk minn issa,” qal Briguglio.
L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se tkun l-ewwel test elettorali għal Simon Busuttil, sena biss wara li ħa t-tmun tal-Partit Nazzjonalista. X’jistgħu ikunu l-implikazzjonijiet għal Busuttil jekk ifalli dan it-test?
“Il-magna tal-PN matul il-kampanja elettorali diġà ħasbet għal din l-eventwalità,” jispjega Manuel Micallef.
“L-insistenza li f’sena ma tistax tirkupra 36,000 vot jixhdu li l-PN għadu ma organizzax ruħu biex jilqa’ għal kull eventwalità li tista’ tinqala’ fl-arena politika. Strateġija maħsuba biex ma jinqalax mewġ jew ċaqliq intern fi ħdan il-PN ħalli Simon Busuttil jibqa’ fit-tmun, irrispettivament ta’ x’ikun ir-riżultat,” jargumenta l-eks Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Mhux l-istess jaħsibha Edwin Vassallo, li jħares lejn it-tmexxija ta’ Simon Busuttil b’mod aktar pożittiv.
“Naħseb li Simon Busuttil f’din il-kampanja wera kwalitajiet pożittivi fit-tmexxija tiegħu. Ħareġ b’personalità li għamel ħafna progress fil-learning curve. L-impatt tiegħu fil-kampanja elettorali kien wieħed pożittiv ħafna, fl-opinjoni tiegħi ħareġ b’saħħtu fl-argumenti u l-komunikazzjoni tal-messaġġ,” argumenta l-eks deputat Nazzjonalista.
Vassallo ssokta jgħid li madankollu, wara l-elezzjoni l-mistoqsijiet u d-dubji aktar kienu se jqumu dwar il-futur tal-pajjiż milli dwar il-partiti politiċi.
“Issa qed joħroġ aktar il-kuntrast bejn Lawrence Gonzi u Joseph Muscat. Gonzi kien lest jieħu deċiżjonijiet iebsa għal ġid komuni irrispettivament mill-effett li jkollu fuq ir-riżultati elettorali, filwaqt li Muscat moħħu biss fl-elezzjoni. S’issa Muscat għadu kap ta’ partit mhux Prim Ministru ta’ pajjiż,” temm jgħid Vassallo.

 

More in Politika