Aktar voti mhux miġbura: inqas interess?

Analiżi tal-fatti u l-istatistika tat-tliet elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’dawn l-għaxar snin.

Arnold Cassola
Arnold Cassola

6.5% tal-voti eleġibbli f’din it-tielet elezzjoni tal-Parlament Ewropew baqgħu mhux miġbura, bit-total jammonta għal 21,856 vot.
Dan l-ammont ta’ voti mhux miġbura kien akbar meta kkumparat maż–żewġ elezzjonijiet preċedenti; fl-2004 kien hemm 10,100 vot mhux miġbura filwaqt li fl-2009 l-ammont tela’ għal 15,862.
Għalkemm faċli tikkonkludi li ż-żieda ta’ dokumenti mhux miġbura jfisser inqas interess, ta’ min ifakkar li bejn elezzjoni u oħra l-ammont ta’ min ikun eleġibbli jivvota jiżdied ukoll. Eżempju filwaqt li fl-elezzjoni tal-PE fl-2004 kien hemm 304,000 vot eleġibbli, din is-sena t-total żdied għal 344,374, li jfisser żieda ta’ 40 elf persuna oħra eleġibbli li jivvutaw.
Iżda minkejja l-voti mhux miġbura, Malta dejjem kellha fost l-ogħla rati ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. B’turnout ta’ 82% u 78.8% fl-2004 u 2009 rispettivament, Malta kellha l-ogħla parteċipazzjoni mill-istati membri tal-UE fejn il-votazzjoni mhix obbligatorja, bil-medja tat-turnout fil-bqija tal-Unjoni Ewropea tkun ta’ 45.5% fl-2004 u 43% fl-2009.

Kwota inqas
Din l-elezzjoni hi l-ewwel waħda li teleġġi sitt MEPs għall-Brussell. Fl-2009, il-kwota xorta nħadmet fuq ħamsa iżda bi qbil li jekk it-trattat ta’ Lisbona jkun ratifikat u Malta tieħu s-sitt siġġu (kif eventwalment ġara), il-kandidat li jkun spiċċa fis-sitt post jiġi elett. Dan kien imtela minn Joseph Cuschieri f’isem il-Partit Laburista.
Għaldaqstant, kwota maħduma fuq sitt siġġijiet u mhux ħamsa se twassal biex din tkun inqas minn snin oħra. Fl-aħħar żewġ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew il-kwota kienet ta’ madwar 41 elf. F’din l-elezzjoni l-kwota tista’ tinżel għal 35 elf iżda tista’ tkun inqas ukoll jekk jonqos it-turnout, kif tidher li hi t-tendenza.
Dan iżid il-probabilità li kandidat ikun elett mal-ewwel għadd, anke jekk kollox jindika li dan ikun massimu ta’ żewġ kandidati.

Partiti u mexxejja
Mill-2004 s’issa, kien hemm biss kandidat wieħed li rnexxielu jiġi elett mal-ewwel għadd iżda din is-sena se jkun nieqes għax qed jokkupa l-kariga ta’ kap tal-Oppożizzjoni. Simon Busuttil kien ġab l-ammont massiċċ ta’ kważi 59 elf vot tal-ewwel preferenza fl-2004, u ħames snin wara tejjeb ir-riżultat personali tiegħu b’għaxart elef vot.
Il-Prim Ministru attwali Joseph Muscat hu t-tieni l-aktar kandidat li qatt ġab voti wara Busuttil, bi kważi 37 elf vot fid-debutt tiegħu fl-2004. Minkejja li kien ġab il-maġġoranza tal-voti Laburisti, dan ma kienx biżżejjed għal Muscat biex ikun elett mal-ewwel għadd.
Iżda l-istess Muscat kien strumentali biex fl-2009, din id-darba bħala mexxej tal-partit u mhux MEP, ġab l-akbar rebħa li partit qatt kiseb f’dawn l-elezzjonijiet, b’distakk ta’ aktar minn 35 elf vot. Dan isegwi r-rebħa b’21 elf vot li l-istess Partit Laburista kien għamel fuq il-Partit Nazzjonalista fl-2004.
In-Nazzjonalisti, li fiż-żewġ elezzjonijiet preċedenti dejjem kienu fil-gvern u b’hekk sofrew il-fattur ta’ vot ta’ protesta, għadhom iridu jirbħu din l-elezzjoni f’termini ta’ voti.
F’termini ta’ siġġijiet, l-elezzjoni tal-2014 għandha tkun dik li ġġib parità u bilanċ bejn iż-żewġ partiti. Dan wara li fl-2004 il-Partit Laburista kellu tliet siġġijiet kontra t-tnejn Nazzjonalisti, filwaqt li fl-2009 il-PL kiseb erba’ siġġijiet wara li l-PN naqas milli jikseb it-tielet siġġu. Anke jekk jitlef b’distakk sostanzjali, kollox jindika li l-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizzjoni li jirbaħ it-tielet siġġu u jġib il-parità ta’ tliet siġġijiet fuq kull naħa jekk il-voti jintirtu minn kandidat għal ieħor.
Għall-Alternattiva Demokratika l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew dehru li se jkunu art fertili fl-2004, meta l-Ħodor kisbu l-aqwa riżultat fl-istorja tagħhom bi kważi 23 elf vot tal-ewwel preferenza. Minkejja li kisbu 9.3% tal-vot, dan ma kienx biżżejjed biex Arnold Cassola jirbaħ siġġu fi Brussell għall-ħodor minħabba n-nuqqas ta’ wirt ta’ voti. Fit-tieni tentattiv tiegħu, iċ-ċermen tal-AD kiseb riżultat diżappuntanti b’2.3% tat-total, bl-ammont ta’ voti jlaħħaq il-5,800 vot.
Għal Cassola, din l-elezzjoni se tkun it-tielet tentattiv għall-Parlament Ewropew u t-tieni waħda li qed jikkontesta bħala ċermen tal-AD.
Fil-fatt, mill-partiti ewlenin issa baqgħu biss tliet kandidati li kkontestaw kull elezzjoni għall-parlament Ewropew mill-2004 s’issa: Roberta Metsola u David Casa mill-kamp Nazzjonalista, u Arnold Cassola mill-AD.
L-elezzjoni għall-Parlament Ewropew lanqas ma taw sodisfazzjon lil partiti żgħar oħra. Alleanza Nazzjonali - esperiment tal-eks deputat Josie Muscat u l-intraprenditur Anġlu Xuereb – fl-2009 kienet kisbet biss 1,600 vot. Dan ir-riżultat kien wassal għax-xoljiment tagħha.
L-istess ammont ta’ voti kienu nkisbu mill-Imperium Europa fl-2004. Ħames snin wara huma rnexxielhom jkabbru l-ammont ta’ voti b’elfejn vot ieħor. Il-każ tal-Imperium Europa jikkonferma li l-partiti żgħar iktar għandhom ċans li jmorru tajjeb f’elezzjonijiet ‘sekondarji’. Fil-fatt, il-partit ta’ Imperium Europa kien ittanta xortih fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2008 imma dakinhar kienet ġabret biss 84 vot… minn żewġ distretti.

Kandidati
Għall-elezzjonijiet tal-lum qed jikkontestaw total ta’ 32 kandidat, wieħed inqas minn ħames snin ilu.
L-ewwel elezzjoni kienet lanqas waħda kkontestata, b’26 kandidat. Dakinhar, iż-żewġ partiti l-kbar preżentaw tmien kandidati biss.
Għal din is-sena, oriġinarjament il-kandidati Laburisti kienu jammontaw għal 13 qabel ma’ Cyrus Engerer irtira mit-tellieqa fl-aħħar jiem wara sentenza sospiża mill-Qorti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista prefera li jippreżenta 11-il kandidat.
Il-kandidati kollha li kkontestaw matul is-snin kienu ta’ nazzjonalità Maltija, ħlief għall-eċċezzjoni waħda. Infatti fl-2004, kien ikkontesta n-Niġerjan Damian Iwueke bħala indipendenti. Hu kien kiseb isem għalih fid-dinja tal-futbol bħala aġent tal-FIFA, meta ġab diversi plejers Niġerjani li għamlu isem f’Malta fosthom Orosco Anonam, Murphy Akanji u Anthony Evi-Parker. Eventwalment Iwueke kien ġab biss 153 vot.

 

More in Politika