"L-elezzjoni hi żrara żgħira ħdejn il-weġgħat kbar li kelli f’ħajti" – Simon Busuttil

“Il-fatt li jien single father ifisser li għaddejt minn ħafna f’ħajti. Nista’ nassigurak li l-weġgħa u d-diżappunt tal-elezzjoni li għaddiet hija biss żrara żgħira ħdejn il-weġgħat kbar li diġà għaddejt minnhom f’ħajti u rnexxieli negħleb"

Simon Busuttil ma' ibnu
Simon Busuttil ma' ibnu

Mhux soltu li l-mexxejja politiċi jitkellmu dwar il-ħajja personali tagħhom. Forsi kien għalhekk li lejn l-aħħar ta’ intervista fuq radju RTK ilbieraħ filgħodu, Simon Busuttil inħasad xi ftit meta l-preżentatur staqsieh jekk il-fatt li hu single father tfixklux mill-ħidma ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
“Din mistoqsija personali,” kienet l-ewwel reazzjoni ta’ Busuttil, qabel ma ħa nifs ’il ġewwa u beda jirrakkonta aspetti li ftit li xejn nisimgħu mill-mexxejja politiċi, fosthom li jrabbi waħdu wieħed miż-żewġt itfal tiegħu.
“Forsi m’iniex l-aqwa missier, imma bil-limitazzjonijiet tiegħi nipprova nkun. Għandi l-aqwa tip ta’ relazzjoni mat-tifel tiegħi u dak ifisser li bħal kull missier ieħor insajjarlu, naħsillu l-ħwejjeġ, nixtrilu u nagħmillu l-lunch… allaħares le, jien missieru!” jirrakkonta Busuttil dwar wieħed miż-żewġt itfal tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista jispjega li l-fatt li jrabbi waħdu fissret żmien iebes għalih iżda li dan ma jfixklux biex jaqdi l-funzjoni ta’ mexxej politiku.
“Il-fatt li jien single father ifisser li għaddejt minn ħafna f’ħajti. Nista’ nassigurak li l-weġgħa u d-diżappunt tal-elezzjoni li għaddiet hija biss żrara żgħira ħdejn il-weġgħat kbar li diġà għaddejt minnhom f’ħajti u rnexxieli negħleb,” qal Busuttil.
“Għalhekk bqajt determinat wara r-riżultat għax diġà rajt ħafna affarijiet f’ħajti, imma jien kuntent ħafna bil-ħajja personali wara li għaddejt minn ċertu sitwazzjonijiet.”
Simon Busuttil jissokta jgħid li f’dan il-kuntest, il-fatt li hu single father ma ttelfux fix-xogħol tiegħu anzi tagħmlu aktar determinat.
“Anzi, l-esperjenza personali għallmitni ħafna f’ħajti,” itemm jgħid Busuttil qabel ma’ l-programm reġa’ dar fuq temi politiċi.

 

More in Politika