Il-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq jibqa’ mingħajr qafas leġiżlattiv

Mistoqsija fuq il-progress li sar wara wegħdiet ta’ qafas leġiżlattiv, kelliem għall-Ministeru b’mod vag wieġeb li l-operazzjonijiet 'se jibdew fix-xhur li ġejjin'

F’Novembru li għadda, il-Ministeru għat-Trasport kien qal li “l-Gvern qed joqrob lejn it-tlestija ta’ proċess leġiżlattiv. Dan l-Avviż Legali se jintroduċi qafas leġiżlattiv robust, iżda minkejja l-ħatra taċ-Chairperson Therese Bajada, il-Kunsill baqa’ mingħajr pubblikazzjonijiet. 

Il-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, li hu mmirat biex isaħħaħ il-miżuri tas-sigurtà fit-toroq, għadu mingħajr data preċiża stabbilità. 

Il-gazzetta ILLUM bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru responsabbli għat-Trasport Chris Bonnett fuq il-progress li sar biex jiġi stabbilit dan il-Kunsill. Minkejja l-wegħdiet ta’ qafas leġiżlattiv, kelliem għall-Ministeru b’mod vag wieġeb li l-operazzjonijiet “se jibdew fix-xhur li ġejjin”, fosthom għall-pubblikazzjoni ta’ avviż legali li jintroduċi qafas leġiżlattiv.  

F’Novembru li għadda, il-Ministeru għat-Trasport kien ħatar lil Therese Bajada biex isservi fl-irwol ta’ Chairperson tal-Kunsill wara Pierre Vella, u fi stqarrija, il-Ministeru wiegħed tranżizzjoni li tasal f’“mument kruċjali”. Iżda minkejja li għaddew numru ta’ xhur minn din il-ħatra, il-Kunsill għadu bla qafas leġiżlattiv.  

Mitluba għal kumment fuq il-ħidma li qed issir biex it-toroq Maltin ikunu iktar siguri, Bajada għażlet li ma tikkummentax u minflok talbet li nkellmu l-Ministeru. 

Il-funzjonijiet primarji tal-Kunsill huma estensivi u għandhom l-għan li jħarsu s-sigurtà fit-toroq madwar Malta. Il-Kunsill se jipprovdi sorveljanza f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti. Barra minn hekk mistenni joffri gwida dwar l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki.  

Fost ir-responsabbiltajiet tiegħu, il-Kunsill mistenni jħejji l-estimi tal-baġit għall-inizjattivi tas-sena segwenti kif approvati mill-Kunsill innifsu u jippreżenta tali estimi lill-Ministru u jħejji rapport annwali li jiddeskrivi fil-qosor il-ħidma u l-azzjonijiet tal-Kunsill, kif speċifikat fir-regolament.  

Addizzjonalment, il-Kunsill se jkun mistenni jagħti pariri lill-Ministeru dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza fit-toroq, filwaqt li jaħdem mill-qrib mal-partijiet interessati biex jindirizza l-isfidi li jaffaċċjaw is-sewwieqa.  

Wieħed mill-irwoli kritiċi tal-Kunsill huwa li janalizza informazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq u jikkummissjona riċerka biex jidentifika xejriet u oqsma ta’ titjib. Ir-riċerka se tevalwa wkoll l-effettività tal-miżuri tas-sikurezza billi tipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni. 

Attwalment, il-Kunsill għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq fost il-pubbliku billi jippromovi mġiba responsabbli permezz ta’ programmi u inizjattivi edukattivi, iżda minkejja wegħdiet b’saħħithom favur is-saħħa u s-sigurtà fit-toroq Maltin, il-Kunsill għadu mingħajr qafas leġiżlattiv. 

More in Kronaka