Residenti u NGOs jingħaqdu kontra 'l-indħil' fuq art pubblika

Waqt konferenza stampa fil-Belt Valletta, dawk preżenti talbu infurzar aktar stretti tar-regolamenti biex titrażżan l-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika

Attivisti waqt il-konferenza stampa
Attivisti waqt il-konferenza stampa

Gruppi ta’ residenti u organizzazzjonijiet soċjo-ambjentali mhux governattivi (NGOs) f’Malta u Għawdex ingħaqdu fil-Belt Valletta filgħodu biex iwasslu l-messaġġ kontra t-teħid ta’ art pubblika minn interessi kummerċjali.

Il-kampanja hija mmirata biex tindirizza l-espansjoni ta’ stabbilimenti tal-catering li jokkupaw art pubblika bil-għan li jittrasformawhom f’żoni li xi darba kienu aċċessibbli liberament.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, huma qalu li l-ispazji pubbliċi, inklużi bankini, pjazez, u l-kosta, ta’ kuljum qed jiżdiedu fin-numri; minn imwejjed, siġġijiet, u tined fost oħrajn. Dan l-invażjoni jgħidu, mhux biss tfixkel il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti iżda wkoll tikser id-drittijiet tagħhom li jutilizzaw l-ispazji pubbliċi b’mod ħieles.

Barra minn hekk saħqu li din qed toħloq tħassib dwar is-sikurezza, tirrestrinġi l-mobbiltà għall-persuni u tinterferixxi mas-servizzi ta' emerġenza, simili għal dak li ġara f'Marzu li għadda meta ambulanza ma setgħetx tgħaddi minħabba li t-triq kienet mimlija siġġijiet, imwejjed u tined.

Minkejja l-eżistenza ta’ linji gwida u standards deskritti fil-Policy for Outdoor Catering Areas in Public Open Spaces, attivisti qed jgħidu li dawn ir-regolamenti qed jiġu injorati.

Huma saħqu li bosta stabbilimenti tal-catering qed jokkupaw art pubblika mingħajr ma jiksbu l-permessi meħtieġa, u anke meta jiġu rrappurtati ksur, ħafna drabi l-awtoritajiet qed jagħlqu għajnejhom.

Addizjonalment enfasizzaw li r-residenti li jippruvaw jirrappurtaw ksur qed jiltaqgħu ma’ ostakli burokratiċi, bir-responsabbiltà għall-infurzar ‘bħal ballun tat-table tennis’ qed tgħaddi bejn awtorità u oħra fosthom: l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Artijiet, u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Dan in-nuqqas ta’ responsabbiltà, jgħidu li qed jqajjem frustrazzjoni fost ir-residenti.

“Il-gruppi kollha f’Malta u Għawdex, kemm formali kif ukoll informali, jistgħu japprovaw din l-inizjattiva billi jikkuntattjawna bl-email,” tgħid il-koalizzjoni, filwaqt li tistieden lill-NGOs, residenti, studenti, u ħaddiema biex jingħaqdu mal-kampanja tagħhom.

Preżenti għal konferenza kien hemm l-MP Nazzjonalista Albert Buttigieg, kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fosthom Billie McBee, kandidati għall-elezzjonijiet Ewoprej inkluż Arnold Cassola u c-Chairman tal-ADPD Sandra Gauci.

 

Il-koalizzjoni ressqet sett ta’ talbiet biex tindirizza l-kwistjoni:

Reviżjoni tal-Leġislazzjoni:

Il-koalizzjoni tappella għal reviżjoni bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti li tirregola ż-żoni tal-catering fuq barra fi spazji pubbliċi. Huma jirrakkomandaw infurzar aktar strett tar-regolamenti u l-introduzzjoni ta’ pieni aktar ħorox għal min jiksirhom.

Rilaxx ta' Informazzjoni:

Biex ittejjeb it-trasparenza, il-koalizzjoni titlob li l-applikazzjonijiet fuq art pubblika jkunu disponibbli għall-pubbliku qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet. Jappellaw ukoll għall-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-permessi u d-dritt għal partijiet terzi li joġġezzjonaw għalihom.

Dritt ta' Azzjoni:

Il-koalizzjoni tipproponi l-introduzzjoni ta’ dritt ta’ azzjoni, li jippermetti lil kull persuna tħarrek għar-revoka ta’ permessi ta’ invażjoni f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet. Dan jagħti s-setgħa lill-individwi biex jikkontestaw l-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika mingħajr il-bżonn li juru interess personali fil-kwistjoni.

More in Kronaka