35 membru ġdid fil-Korp tal-Pulizija

F’sena, l-Korp tal-Pulizija se jkun iġġedded b’102 kuntistabbli ġodda, filwaqt li bħalissa hemm 55 rekluta jagħmlu l-kors ta’ pulizija fl-Akkademja

35 persuna ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija wara li temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati.

Dan ifisser li f’sena, l-korp se jkun iġġedded b’102 kuntistabbli ġodda, filwaqt li bħalissa hemm 55 rekluta jagħmlu l-kors ta’ pulizija fl-Akkademja.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ġurament, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri inkoraġġixxa l-membri ġodda filwaqt li fakkar fir-responsabiltajiet li membru tal-Korp tal-Pulizija jġorr miegħu.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid kif il-Gvern qed ikompli jinvesti u jsostni lill-Korp tal-Pulizija. Huwa semma t-titjib fid-drittijiet u kundizzjonijiet tal-pulizija, it-tisħiħ tal-penzjoni bi 23% għal min joffri 29 sena servizz u allowance addizjonali sa’ massimu ta’ erba’ snin daqs il-ħlas ta’ sentejn paga għal min joffri aktar servizz lill-pajjiż u għan-nies fost oħrajn.

Il-Kummisarju tal-Pulizija Angelo Gafà saħaq li l-kuntistabbli l-ġodda għandhom ikunu kburin jilbsu l-uniformi sabiex b’ħidmiethom jagħmlu ġieh lill-kollegi u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Huwa kompla jgħid kif jinsab kburi li l-istatistika tal-NSO żvelat li 90% tal-poplu Malti u Għawdxi qal li għandu fiduċja fil-Pulizija u fil-ħidma professjonali li jwettaq il-Korp tal-Pulizija”

More in Kronaka