Żewġt irġiel jissieltu għal ħajjithom u erba' oħra jweġġgħu gravi f'inċident f'Ħal Far

Ilbieraħ seħħet ħabta bejn Isuzu D-Max u Peugeot 308 għall-ħabta tal-11p.m. 

Ilbieraħ għall-ħabta tal-11 p.m. il-Pulizija ġiet infurmata b'inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Isuzu D-Max, misjuq minn raġel ta' 51 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u Peugeot 308, misjuqa minn Pakistan ta' 33 sena residenti Ħaż-Żabbar. 

Fil-Peugeot kien hemm ukoll erba' Bulgari, tliet irġiel u mara, li l-età tagħhom tvarja bejn 23 u 50 sena. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu u permezz ta' diversi ambulanzi ttieħdu l-Isptar Mater Dei il-persuni kollha involuti fl-inċident. 

Aktar tard ir-raġel ta' 33 sena u l-ieħor ta' 50 sena weġġgħu serjament u għaldaqstant qegħdin fil-periklu tal-mewt. Il-mara u l-irġiel l-oħra ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi. 

il-Maġistrat tal-Għassa Dott Joe Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka