Omiċidji li xxukkjaw lil Malta: Il-famuż każ tat-tifel ta’ Ġiġa, Twannie Aquilina (3)

Għal din il-ġimgħa, din il-gazzetta tirrakkonta l-istorja tal-qtil makabru ta’ Twannie Aquilina. L-istorja ta’ Twannie Aquilina, għalkemm intemmet aktar minn 60 sena ilu għadha tiddi fit-toroq tal-Belt Valletta, speċjalment fi Triq San Duminku, fejn il-qtil taċ-ċkejken, 'kexkex b’orrur lil Malta kollha

Twannie Aquilina kellu biss tmien snin meta ħajtu ntemmet ħesrem. Anke jekk 61 sena wara, għadu mhux magħruf għaliex inqatel u sa llum għad hemm dubju inqatilx mill-ġenituri, sitt deċennji wara.  

Twannie kien iben Luiġa (Ġiġa) u Leli Camilleri, li meta seħħ id-delitt kellhom 32 sena u 29 sena rispettivament. Camilleri kien jaħdem mar-Royal Navy. Twanny u oħtu Carmen, li kellha seba’ snin meta seħħ id-delitt, ma kinux it-tfal bioloġiċi ta’ Leli iżda huwa dejjem sostna li kien jitrattahom u jrabbihom daqslikieku kienu. Leli kien qal li kien tifel bieżel u dejjem irid jaħdem. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li kien jagħmel il-faċendi. Minkejja dan, waqt il-ġuri ħarġu verżjonijiet oħra dwar it-trobbija tiegħu u li Twannie kien vittma ta’ swat, ħruq b’sigaretti u affarjiet orribbli oħra, li bla dubju ebda tifel (u anke adult) m’għandu jgħaddi minnhom.  

Leli u Ġiġa kienu joqgħodu ġo kerrejja żgħira, ma’ Twannie, Carmen u t-tifla l-oħra li kellhom flimkien, fi 33 fi Triq San Duminku l-Belt Valletta.  Ta’ min isemmi li Twannie xtaq li meta jikber isir qassis. Dan sar magħruf mix-xhieda tal-għalliema ta’ Twannie, is-Sinjura Micallef. Eventwalment insiru nafu li meta kienet marret għandhom fil-kerrejja, kienet għarrfithom b’din l-aspirazzjoni u Ġiġa irribattiet li minkejja li din kienet xi ħaġa sabiħa, dan qatt ma seta’ jsir għax it-twelid tiegħu “kien dak tal-iżball.”  

Fil-fatt fix-xhieda ntqal li missier Ġiġa offra li jieħu lil Twannie biex irabbih hu iżda Ġiġa kienet irrifjutat. Minkejja dan, ix-xewqa tiegħu ma setgħet issir qatt realtà hekk kif fit-23 ta’ Awwissu 1960, intemmet ħajjet Twannie. 

X’ġara dakinhar tad-delitt?

L-ewwel Pulizija li marru fuq il-post kienu dawk stazzjonati l-Belt, għall- ħabta tat-7:40 p.m. Il-PC Joseph Schembri kien sab lill-Kuntistabbli Attard, li kien Strada Stretta u tahom l-aħbar li kien instab tifel mejjet. Ħadd ma kien jaf eżattament kif miet u Schembri qal lill-Pulizija li t-tifel kien waqa’. 

Meta marru fuq il-post raw traċċi tad-demm mal-kuritur u t-taraġ tal-kerrejja iżda meta daħlu fl-appartament raw xena tal-waħx. Sabu kullimkien demm inkluż sikkina tal-ħobż fil-kexxun tal-mejda, firroll u ċintorin bla bokkla.  

Il-Pulizija issuspettat mal-ewwel fil-ġenituri u fil-fatt żammithom arrestati fil-kwartieri ġenerali, f’kamra tal-konferenzi. It-tabib Francis Pullicino ħa scrapings minn taħt id-dwiefer tal-koppja u din, fil-ġuri, kienet prova essenzjali li bdiet tqajjem id-dubji dwar l-innoċenza tagħhom.  

Dakinhar tad-delitt Leli wasal id-dar għall-ħabta tas-1:45p.m., intefa’ fuq is-sodda, studja - għax l-għada kellu eżami - u raqad sal-5:30p.m. Wara li qam, mar jaqta’ xagħru, mar ipaċpaċ ħdejn sħabu għand tar-roti, marru jieħdu tè u żewġ pastizzi mingħand Dimitri fi Triq ir-Repubbluka - fejn illum hemm Mcdonalds -  u eventwalment reġgħu marru lura għand tar-roti jgħidu kelma.  

X’ħareġ mill-awtopsja u x’qalu l-esperti tal-forensika?  

It-tobba inkarigati għall-awtopsja kienu L. Manchè u F. Micallef. Manchè saħansitra kien imqabbad jagħmel eżaminazzjoni bir-reqqa tal-post. Huwa kien sab xi awrina mal-art f’kamra.  

Manchè u Micallef eżaminaw lil Twannie ftit wara mewtu, fil-fatt ġismu kien għadu sħun. Fuq il-post setgħu jinnutaw ukoll biċċiet ta’ moħħ il-vittma, uħud żgħar ħafna u oħrajn ikbar fid-daqs.  

Mill-awtopsja irriżulta li kellu ferita kbira f’rasu u numru sostanzjali ta’ feriti u brix forma ta’ ‘v’ man-naħa ta’ isfel ta’ dahru, mas-sinsla, ma’ sidru u mal-ġnub ta’ ġismu. Minkejja dan, jingħad li Twannie, b’dawn il-feriti kien għadu jieħu n-nifs. Huwa ġie imħanxar ħaj, iżda aktarx kien mitluf minn sensih minħabba d-daqqa f’rasu. Is-sikkina tal-ħobż, li qatlitu, qattgħet il-bażi ta’ għonqu u n-nervituri kollha ta’ ġismu u kkawżat ġriehi lis-sinsla. L-awtopsja indikat li l-qtil ta’ Twannie seħħ bejn is-6:15p.m. u s-6:30p.m.  

L-espert tal-marki tas-swaba inkarigat kien Wilfred Flores. L-uniċi marki tas-swaba li nstabu kienu fuq il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ u kienu tal-ġar tal-familja Alfred Fitzpatrick, li dak iż-żmien kellu 15-il sena.  

Il-magna tal-ħasil tissemma’ diversi drabi waqt il-ġuri għax kien hemm kwistjoni dwar jekk Ġiġa biddlitx il-libsa ta’ fuqha, jew le. Espert forensiku ieħor kien sab sapun bid-demm ħdejn il-pompa tal-magna.  

Misteru ieħor f’dan il-każ kien li Twannie, mhux talli nstab bil-qalziet ta’ taħt talli instab difer, li mhux tiegħu, ġol-qalziet ta’ taħt. Din is-sejba kienet waħda importanti għad-difiża hekk kif meta ttieħdu l-iscrapings minn taħt id-dwiefer tal-ġenituri, ma kinx jidher li tilfu difer.  

Minkejja li kien hemm xnigħat jiċċirkolaw li t-tabib kien qal li dan kien attakk ta’ pedofelija, huwa ċaħad dan kollu. Spjega li esplora din il-possibilità imma dan qatt ma irriżulta.  

X’ġara fil-Qorti?  

Sitt ġimgħat wara l-qtil, fl-1 ta’ Novembru 1960, il-Qorti tellgħet lil Ġiġa u Leli akkużati bil-qtil ta’ binhom. L-għada bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza quddiem il-Maġistrat G.F Gouder iżda fuq talba tad-difiża, il-Qorti ordnat li ma jiġi ippubblikat xejn minn dak li jintqal bejn l-erba’ ħitan tal-Qorti Kriminali, li dak iż-żmien kienet fi strada Merkanti, faċċata tal-Berġa tal-Italja.  

Il-ġuri beda fil-25 ta’ Frar 1961 u l-Avukat Ġenerali akkużahom bi qtil volontarju u li jiġu ikkundannati għall-piena tal-mewt. Il-Prosekutur pubbliku f’dan il-każ kien l-Avukat Maurice Caruana Curran.  

Fil-Qorti l-parrukkier ikkonferma li dakinhar Leli mar jaqta’ xagħru, madankollu qal li mar qabel il-5:30p.m., fil-ħin li Leli suppost kien għadu rieqed. Huwa qal li mar madwar siegħa qabel, filwaqt li xhud ieħor, li kien imissu jaqta’ xagħru warajh qal li fil-5:30p.m. eżatt poġġa fis-siġġu wara Leli.  

Leli qal li meta kien ħdejn tar-roti, Ġiġa u ż-żewġt ibniet marru ħdejh u wara li rritornaw mingħand tat-tè, kienu għadhom hemm. Ġiġa xehdet li kienet qalet lil Twannie biex jilbes u jmur jiltaqa’ magħhom. X’ħin kienu hemm Leli kien liebes flokk ta’ taħt u għaldaqstant Ġiġa kienet talbet lil Carmen (bintha) tmur id-dar għall-qmis. Carmen tgħid li sa dak il-ħin Twannie kien għadu ħaj u kien qiegħed jaħsel l-art. Miegħu kien hemm Fitzpatrick.  

Xhud oħra kienet Mary Caruana, tfajla ta’ 15-il sena li marret ħdejn tar-roti u talbet lil Ġiġa biex iġġarbilha libsa. Il-ħin kien preċiżament is-6:30p.m. għax Caruana semgħet is-sigla ta’ programm fuq l-istazzjon Taljan, Rai. Il-Qorti talbet għall-uffiċjal tar-Rai, Carlo Bressan u huwa ikkonferma li dakinhar il-programm kien ixxandar kif skedat, fis-6:30p.m. eżatt. Meta qaltilha għat-tieni darba biex imorru jfasslu l-libsa, Ġiġa irrispondiet, “issa immorru, għadu l-ħin.”  

Inħatar ukoll espert minn Scotland Yard u xehed li la l-libsa ċ-ċilesta, li jingħad li Ġiġa kienet liebsa qabel id-delitt u lanqas il-libsa skura (li seba’ xhud qalu li kienet liebsa wara l-qtil) ma kienet maħmuġa b’xi demm. Kienet biss “xjentifikament maħmuġa”, jiġifieri li ntlibbset wara li nħaslet jew li missewha ħafna idejn. L-espert kompla jixhed li filwaqt li nstabet tebgħa waħda, kienet tal-ikel u mhux tad-demm. 

Iżda x’ġara wara li telqu mingħand tar-Roti? Fejn marret Ġiġa?  

L-omm qabdet liż-żewġt ibniet tagħha u tifla oħra u marru jixtru għand tal-ħanut. Xtraw il-ħobż, il-perżut u l-ġobon. Sid il-ħanut ikkonferma dan, però xehed ukoll li għall-ħabta tas-6p.m. kien ra lil Leli sejjer lejn Triq San Duminku. Qal ukoll li xi nofsiegħa wara ra lil Leli tiela’ lura ‘l fuq.  

Leli xehed li kien mar jixtri pitazz u l-inka u tista’ tgħid li dahar il-ħwienet tal-Belt kollha biex jixtrihom. Fil-fatt, Caruana Curran irrimarka li għal xi ħadd li kellu eżami l-għada qatta ħafna ħin jitlajja u jdur, anke biex ifittex pitazz u naqra inka. Sadanittant, wara li Ġiġa marret għand tal-merċa, baqgħet sejra ħdejn il-Fossa u damet hemm għal madwar 20 minuta. Hija xtrat waħda chips u qasmithom mat-tfal. Xtrat ukoll bajtar tax-xewk minn mara li kienet fil-qrib. Kien hawn li Ġiġa bdiet titħasseb u qalet lil bintha Carmen biex tmur id-dar u tgħajjat lil Twannie biex jieħu l-bajtar. Iżda Twannie ma weġibhiex lil Carmen.  

Meta irritornat lura qaltilha li ma riedx iwieġeb u li d-dawl kien mixgħul. Inkwetata l-omm marret lura l-kerrejja u kien hemm li ndunat b’dak li ġara. Minn hemm marret tiġri għal Leli u għajjtet “qatlu lit-tifel.”  

Diversi xhieda ma qablux jekk Leli kellux l-oġġetti li xtara f’idejh jew le.  

Erba’ persuni, verżjoni waħda: Twannie waqa’ t-taraġ u ħanxritu ommu 

Minkejja li Mary Caruana rat lil Ġiġa barra fil-ħin li miet Twannie u li awtomatikament din kienet teħlisha minn kull akkużi kontriha, erba’ persuni oħra kellhom verżjoni oħra tal-fatti. L-ewwel xhieda kienet tal-ġar żagħżugħ, Fitzpatrick 

Huwa qal li kien ra lil Twannie jaqa’ u lil ommu tiġbru minn mal-art bid-demm ma’ rasu. Fil-fatt qal ukoll li t-tiċpis li kien hemm mal-ħajt sar meta ommu refgħatu u tellgħatu fuq. L-istess qalet omm Fitzpatrick, li rat l-istess demm mal-kuritur.  

Dakinhar tad-delitt, Fitzpatrick kien ra xena oħra makabra. Irrakkonta li fl-istess jum li nqatel Twannie, “Leli kien tah xebgħa ċintorin, rabtu mas-sodda u tah daqqiet ta’ lembuba fuq patattu.” Apparti minn hekk Fitzpatrick qal li Leli rabat lil Twannie mal-gallarija b’ħabel minn idejh, saqajh u għonqu u ħarqu ripetutatment b’sigarett. Omm ix-xhud kienet insistiet biex ma jħallihx marbut mal-gallarija. Leli kien qal li sawwtu għax kien qiegħed igiddeb lis-Sinjura Micallef, dwar xi flus neqsin u qal ukoll illi rari kien isawwtu. 

Ġiġa kienet ċaħdet li binha kien maħruq bis-sigaretti iżda ma ċaħditx li t-tifel kien marbut, għalkemm mhux minn għonqu.  

It-tieni u t-tielet xhieda li raw dan kollu kienu: Dolor Cauchi - oħt Leli - u bintha.  

Ix-xhieda ta’ Dolor kienet waħda mill-aktar kontroversjali. Bejn xhieda u oħra kienet biddlet xi fatti, fil-fatt hija kienet waħda miż-żewġ xhud li spiċċaw arrestati għax kienu gidbu fl-iżbarra. It-tifla ta’ Dolor, li wkoll kien jisimha Carmen, kienet semgħet lil Twannie jgħajjat “ajma! ajma! ajma pa!” Qalet ukoll li kienet rat lil Twannie jitgerbeb l-aħħar erba’ tarġiet tal-indana.  

Aktar tard Carmen qalet li meta kienu ħerġin hi u ommha, Twannie kien għadu mal-art, b’rasu ma digħrajh u irrakkontat li ommha kellha tqabbiżhom minn fuq Twannie biex jgħaddu mit-taraġ u qaltilhom “tindaħlux għax neħlu aħna.”  

Xhud ieħor, Carmelo Camilleri, qal li hu kien ra lil Dolor Cauchi għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart, kienet fuq ġebla fi Triq Sant’Anna u x-xhud staqsiha xi ġralha. Din qaltlu li Ġiġa kien waqgħalha t-tifel, li kienet qed tibża’ u li ma riditx toqgħod hemm, fil-fatt aktar tard marret toqgħod il-Ħamrun.  

Ir-raba’ persuna li xehdet kienet Carmen, oħt Twannie li r-rakkont tagħha kien dak li kkonvinċa lil ġurati.  

Hija kienet qalet li Twannie kien qiegħed jilgħab bl-għodda ta’ missierhom u Ġiġa ma ħaditx gost, bdiet tiġri warajh u tagħtu xi daqqiet u rnexxielu jaħarbilha. B’konsegwenza ta’ dan kien waqa’ t-taraġ, bħalma qalu x-xhud l-oħra. Tellgħatu fil-kamra u tefgħetu fuq is-sodda li malajr imtliet kollha demm. Irrakkontat li ommha bagħtitha tgħajjat għal Leli u meta irritorna qabduh u tefgħuh mal-art lil Twannie. Qalet ukoll li rat lil ommha taqbad is-sikkina mill-kexxun u tinżel kokka, sakemm bagħtitha l-barra. Aktar tard, fit-tieni xhieda hija ikkontradixxiet lilha nnifisha u qalet li kien hemm min daħlilha l-kliem f’ħalqha. 

Joħroġ il-verdett... Ġiġa għall-forka 

Waqt il-ġuri intbagħtet ittra anonima, magħmula minn ittri maqtugħa mill-gazzetta li tgħid: “X’aħna nistennew? Mewt għall-assassini!”  

Kien nhar il-Ħamis 9 ta’ Marzu 1961, meta l-President tal-Qorti u l-Imħallef Sir Anthony Mamo – li snin wara sar l-ewwel President tar-Repubblika - qal li meta nstemgħet l-aħbar tal-mewt ta’ Twannie Aquilina, “tkexkixa ta’ orrur ġriet ma’ Malta kollha. Aħna, poplu li jħobb it-tfal, ħassejna rabja meta sirna nafu kif ġie imbiċċer u mqatta’ dan it-tifel.”  

Wara l-indirizz estensiv tiegħu, il-ġurati ħarġu bil-verdett. Leli nstab ħati b’sitt voti kontra tlieta u ngħata sentenza ta’ 20 sena priġunerija, b’xogħol iebes. Filwaqt li Ġiġa nstabet ħatja b’mod unanimu, ġiet ikkundannata għall-mewt. Minkejja dan, ħelsitha ħafif b’petizzjoni ffirmata minn 80 persuna u ngħatat sentenza ta’għomorha ħabs. Grazzi għal diversi maħfriet li ngħatawlha Ġiġa ħarġet mill-ħabs fl-1970 u għexet il-bqija ta’ ħajjitha f’Bormla. Sal-aħħar ta’ ħajjitha hija baqgħet tinsisti li ma qatlitx lil binha u fuq programm radjufoniku ma’ Peppi Azzopardi kienet qalet hekk: “Kif omm tista’ toqtol lil binha?” 

L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ttieħdet minn diversi siti tal-aħbarjiet, mill-ktieb tal-kriminologu Edward Attard u programmi ta’ Xarabank, ta’ Peppi Azzopardi.  

More in Kronaka