Kelb tal-pulizija jinterċetta 100 kapsula kokaina fl-istonku ta' raġel

Minkejja li fit-tfittxija inizjali ma nstab xejn huwa baqa' jidher aġitat u kien hemm li l-kelb indika li kien hemm xi ħaġa suspettuża

Raġel ta' 35 sena ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta wara li nqabad, permezz ta' kelb tal-pulizija, b'madwar kilo droga suspettata kokaina moħbija fl-istonku.

Ftit wara l-10:30.p.m. tas-Sibt li għadda, waqt li l-Pulizija kienet qed twettaq spezzjonijiet ta' passiġġieri li ġew minn titjira diretta minn Brussell, il-Belġju, innutaw movimenti suspettużi tar-raġel. Kien għalhekk li waqqfuh u saret tfittxija fuqu iżda dak il-ħin kollox irriżulta fin-negattiv. Madankollu, minħabba li r-raġel baqa' jidher aġitat u ma tantx beda jikkopera intalbet aktar assistenza u kelb tal-Pulizija beda jindika li r-raġel seta' kien qiegħed iġorr xi ħaġa suspettuża fl-istonku. 

Għaldaqstant, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei, saru testijiet b'x-ray u rriżulta li kellu ftit iktar minn 100 kapsula ta' droga suspettata kokaina li tammonta għal madwar kilo u b'valur fi triq ta' kważi €130,000. 

Huwa qed jinżamm l-istpar taħt osservazzjoni u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin. 

More in Kronaka