Ġurnalist jitkellem fil-Qorti dwar 'in-nasba' mill-avukati ta' Yorgen Fenech

Ivan Martin, ġurnalist minn The Times of Malta kien allega li dawn iż-żewġ avukati li jiffurmaw id-difiża ta' Yorgen Fenech, kienu offrewlu "bejn żewġ u erba' noti ta' €500" biex ixaħħmuh

Il-ġurnalist ta’ The Times of Malta, Ivan Martin, qal fil-Qorti li wara li allegatament ġie offrut ħlas mill-avukati ta’ Yorgen Fenech, huwa kien inkwetat li l-laqgħa kollha li kien għadhom kif kellhom setgħet kienet biss nasba.

Martin kien kontro-eżaminat mill-avukat Giannella De Marco, li qed tidher flimkien mal-avukat Steven Tonna Lowell għall-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran, quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras aktar kmieni llum. Mercieca u Caruana Curran jinsabu akkużati b'tixħim.

Matul id-90 minuta li Martin għamel quddiem l-avukati, irrifjuta li jwieġeb ċerti mistoqsijiet li ħass li setgħu jaffettwaw il-kunfidenzjalità tas-sors bħala ġurnalist.

Huwa qal li kien l-ewwel f’kuntatt ma’ Mercieca wara li dan tal-aħħar kien waqaf mix-xogħol tiegħu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. It-tnejn kienu ltaqgħu nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru u ddiskutew l-investigazzjonijiet ta’ Martin dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

"Kien hemm qbil dwar aktar laqgħat", qal Martin filwaqt li kkonferma li kien bagħat lill-avukat abbozz ta’ artiklu li kien kiteb, ibbażat fuq din il-konversazzjoni u investigazzjonijiet tiegħu stess.

Qal li kien staqsa lill-avukat jekk kienx jaf id-data tas-sejħa ta' Cutajar. Din kienet l-unika mistoqsija li kien għamillu, qal Martin. “Kien hemm mistoqsijiet oħra f’moħħi li ma kontx staqsejt.”

L-avukat esebixxa kopja tal-artiklu miktub minn Martin u l-kollega tiegħu, il-ġurnalist Jacob Borg, u staqsieh jekk kienx l-istess artiklu li kien qed jirreferi għalih. Martin ikkonferma li hekk kien.

Fost mistoqsijiet li Martin ma rrispondiex, kien hemm iktar minn mistoqsija waħda dwar l-avukat u d-Deputat Nazzjoanlista Jason Azzopardi.

Il-każ se jkompli f’Novembru. Is-Supretendent James Grech u l-Ispettur Anthony Scerri qed imexxu l-prosekuzzjoni.

Agħfas hawn għal aktar informazzjoni dwar din l-istorja: Il-Qorti tordna li l-istqarrija ta' Ivan Martin lill-pulizija tingħata lil Mercieca u Caruana Curran

More in Kronaka