L-Isqfijiet Maltin jiktbu lill-Isqfijiet Ewropej biex iħeġġu għas-solidarjetà mal-immigranti

49 immigrant ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma minkejja l-maltemp u l-kesħa fil-Mediterran

Il-Konferenza Episkopali Maltija bagħtet ittra lill-Isqfijiet Ewropej, permezz tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea, jitolbuhom l-appoġġ biex flimkien jitolbu lill-Istati biex joffru kenn lid-49 immigrant li ilhom jiem fil-baħar Mediterran jistennew port.

“Ironikament fil-jiem li fihom iċċelebrajna t-twelid tal-Mulej, grupp ta’ 32 immigrant kienu rrifjutati mill-Ewropa wara li kienu salvati ftit ‘il barra mil-Libja,” kitbu l-Isqfijiet. Fakkru kif dawn ilhom 13-il ġurnata bejn sema u ilma minkejja l-maltemp. Apparti minn hekk, 17-il immigrant ieħor ukoll jinsabu fuq bastiment ieħor jistennew li jingħataw kenn.

L-Isqfijiet Maltin saħqu li wieħed jista’ biss jimmaġina t-tbatija li għaddejin minnhom dawn il-persuni li ħarbu minn ambjent krudili bit-tama ta’ ħajja aħjar, “ħajja li tirrispetta d-dinjità umana li aħna l-Kattoliċi u l-Ewropew nippromovu bħala wieħed mill-valuri fundamentali.”

Il-Konferenza Episkopali Maltija fakkret li hi ħeġġet lill-mexxejja tal-partit biex juru solidarjetà ma’ dawn l-immigranti iżda insistew ukoll li Malta, minkejja ċ-ċokon tagħha, qed jilgħab rwol importanti fis-salvataġġ ta’ ħafna immigranti.

Komplew ifakkru li fl-aħħar ġimgħat, il-Forzi Armati Maltin salvaw 249 immigrant u li l-Knisja f’Malta qed taħdem id f’id mal-Gvern biex toffri akkomodazzjoni u ospitalità lil dawn l-immigranti, anke qabel ikunu relokati.

Insistew li għal din is-sitwazzjoni kumplessa hemm bżonn soluzzjoni Ewropea u għalhekk ħeġġew lill-Isqfijiet Ewropej biex anke huma jħeġġu lill-mexxejja ta’ pajjiżhom biex anke joffru solidarjetà u kenn lil dawn l-immigranti.

“Nistiednu wkoll lill-Kattoliċi madwar l-Ewropea biex dan il-kontinent missjunarju jibqa’ jgħożż il-valuri Kristjani li ffurmaw l-identità tiegħu billi juri solidarjetà u jsalva lil dawn l-aħwa fil-bżonn,” temmew l-Isqfijiet.

Aqra wkoll:

 

More in Kronaka