Malta tagħti permess lil żewġ bastimenti bl-immigranti biex jidħlu għall-kenn

  • Aktar minn 40 immigrant ilhom jiem bejn sema u ilma u sa issa għadu ħadd ma offrilhom port 
  • 300 akkademiku minn madwar l-UE jingħaqdu f'appell wieħed

Żewġ bastimenti li jsalvaw l-immigranti li jsibu ruħhom f’diffikultà fil-Mediterran, Sea-Watch 3 u l-Professor Albrecht Penck, ingħataw il-permess biex jidħlu għall-kenn fl-ibħra territorjali Maltin, anke jekk ma tħallewx jidħlu fil-portijiet.

Iż-żewġ bastimenti għamlu din it-talba hekk kif il-kundizzjoni tal-baħar qed tiggrava minħabba l-maltemp.

Il-bastiment Sea-Watch 3 għandu fuqu 32 immigrant li ġew salvati fit-22 ta’ Diċembru, filwaqt li l-bastiment l-ieħor għandu fuqu 17-il immigrant.

Tul dawn l-aħħar 12-il ġurnata, Sea Watch talbet lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex joffru port fejn ikunu jistgħu idaħħlu l-immigranti, iżda minkejja dan, ħadd għadu ma laqa’ din it-talba.

Fuq il-paġna ta’ Twitter, l-ekwipaġġ tal-bastiment saħqu li minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar, ħafna mill-persuni abbord qed iħossuhom ma jifilħux, filwaqt li l-bastiment mhux attrezzat biżżejjed biex iżomm fuqu l-immigranti għal żmien twil.

L-ekwipaġġ, li jinkludi wkoll tobba, saħqu li n-nuqqas ta’ ilma u l-kesħa qawwija, jistgħu jikkawżaw theddida serja, anzi fatali, fuq il-ħajja ta' persuna.

Urew l-aktar it-tħassib tagħhom għat-tlett itfal li hemm abbord, aktar u aktar għax il-bastiment qed jispiċċa bla ikel u xorb, b’uħud mill-membri tal-ekwipaġġ qed iħossuhom ukoll ma jifilħux.

Aktar minn 300 akkademiku jitolbu għas-solidarjetà

Intant, 'il fuq minn 300 akkademiku minn diversi universitajiet, inkluż dik Maltija, appellaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jingħaqdu flimkien, jgħinu lil dawn l-għaqdiet u lill-bastimenti tagħhom u jiftħu l-portijiet biex l-immigranti jintiżżlu f'port sigur.

Temmew jisħqu li s-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn il-persuna hija inumana u hemm bżonn azzjoni immedjata.

More in Politika