Il-PN jieħu l-kwistjoni tal-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar fil-Qorti

Jippreżenta mandat ta' inibizzjoni u jgħid li l-Partit Laburista qed jipprova 'jaħtaf il-poter f'din il-lokalità' 

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli iressaq mandat ta' inibizzjoni
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli iressaq mandat ta' inibizzjoni

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli preżenta mandat ta’ inibizzjoni fil-Qrati  biex "jipproteġi r-rieda tal-poplu kif espressa fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2015, meta l-Partit Nazzjonalista ġab il-maġġoranza tal-voti u l-Kunsilliera fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar."

Il-Partit Nazzjonalista ressaq dan il-mandat ta’ inibizzjoni ibbażat fuq dak li tistipula il-liġi tal-Kunsilli Lokali dwar x’għandu jsir f’każ li jkun hemm riżenja ta’ Sindku. Liema liġi tistipola li, il-post ta’ Sindku għandu jimtela’ minn dik il-persuna tal-istess partit li fl-aħħar elezzjoni tkun ġabet l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd wara s-Sindku li jkun qed jispiċċa mill-kariga.

Kien dan is-sit li nhar is-Sibt li għadda żvela kif żewġ Kunsillieri, li ġew eletti bħala Kunsillieri Nazzjonalisti imma li rrizenjaw u baqgħu indipendenti ma kienux lesti li jivvotaw lil persuna li jipproponi l-PN biex ikun Sindku. Dan anke jekk huma ma kienux baqgħu jirrapreżentaw lill-PN wara diżgwid u nuqqas ta' qbil li qalu illi kellhom mal-eks Sindku Graziella Galea. Galea irriżenjat minn Sindku l-ġimgħa l-oħra.

Fi stqarrija l-PN qal illi "l-liġi titkellem ċar dwar x’għandu jseħħ u min għandu jinħatar Sindku f’każ ta’ riżenja. Bl-istess mod il-poplu ta’ San Pawl il-Baħar tkellem ċar fl-aħħar elezzjoni. Il-Kunsilliera tal-Partit Laburista u żewġ kunsilliera hekk msejjħin indipendenti, tul din il-legiżlatura għamlu minn kollox biex ifixklu, ressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku biex ikun hemm Sindku Laburista u qed jinterpretaw il-ligi kif jaqbel lilhom biex jisirqu l-poter f’dan il-kunsill."

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iressaq dan mandat ta’ inibizzjoni biex jaċċerta ruħu li r-rieda tal-poplu ta’ San Pawl Baħar tibqa’ tiġi rispettata.

Il-mandat ta’ inibizzjoni ġie iffirmat mil-Avukati Carm Mifsud Bonnici u Errol Cutajar. Clyde Puli kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar.

Fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali l-Partit Nazzjonalista kiseb maġġoranza relattiva ta' 47.7%, b'3,701-il vot filwaqt li l-PL kiseb 46.9%, jew 3,639. Minkejja li dan huwa wieħed mill-aktar riżultati qrib f'din l-elezzjoni, kienu biss 39% tal-votanti li vvutaw. 

Illum kellu jiltaqa' l-Kunsill biex jinħatar Sindku ġdid. 

B'reazzjoni, l-Partit Laburista fi stqarrija qal li filwaqt li l-Qorti għandha titħalla tieħu d-deċiżjonijiet tagħha, wieħed ma jistax ma jinnotax l-paniku tal-PN wara li ħalla l-Kunsill Lokali jitfarrak u ma kienx kapaċi jżomm it-tim tiegħu magħqud.

More in Kronaka