L-eks Kunsilliera Nazzjonalisti f'San Pawl se jivvutaw għal Sindku Laburista

Joseph Vella u Robert Piscopo, eks Kunsillieri tal-PN f'San Pawl il-Baħar mhux lesti jivvutaw lil Kunsillier tal-PN biex ikun Sindku, għax....

Robert Piscopo (xellug) u Joseph Vella (lemin)
Robert Piscopo (xellug) u Joseph Vella (lemin)

Joseph Vella u Robert Piscopo, żewġ eks Kunsillieri tal-PN li baqgħu Kunsillieri Indipendenti fil-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, nhar it-Tnejn se jivvutaw biex il-lokalità ikollha Sindku Laburista. Fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali l-Partit Nazzjonalista kiseb maġġoranza relattiva ta' 47.7%, b'3,701-il vot filwaqt li l-PL kiseb 46.9%, jew 3,639. Minkejja li dan huwa wieħed mill-aktar riżultati qrib f'din l-elezzjoni, kienu biss 39% tal-votanti li vvutaw. 

Dan ifisser li l-lokalità allura se jkollha Sindku mill-Partit Laburista. 

Vella u Pisscopo, irreżenjaw wara nuqqas serju ta' qbil ma' Graziella Galea, li rriżenjat minn Sindku din il-ġimgħa. Dan is-sit għamel kuntatt u staqsihom jekk humiex lesti li jappoġġjaw Kunsillier tal-PN għal Sindku, ladarba din il-pożizzjoni mhux se tibqa' okkupata minn Galea. 

Vella sostna illi "l-PN tilef il-maġġoranza tal-Kunsill Lokali gewwa San Pawl il-Baħar minħabba l-arroganza u t-tip ta' tmexxija ħażina mar-residenti u magħna l-kunsilliera. Mhux l-ewwel darba li sfajt attakkat inġustament għalxejn," sostna Vella. Hu kompla jgħid li minkejja l-ħidma tiegħu, "dan kien kollu għalxejn għax ma tħallejtx naħdem, dejjem sibt bieb magħluq mit-tmexxija tal-PN. Meta tkellimt mal-PN dejjem injorawni għax il-PN moħħhom biss f'dawk li huma tal-qalba ġewwa l-istamperija milli l-lokalita'. F'dan il-mument, għalhekk le mhu ser nappoġġja l-ebda kandidat min-naħa tal-PN."

Intant dan is-sit għamel kuntatt ukoll ma' Piscopo u staqsa l-istess mistoqsija. Piscopo qal illi minħabba li "l-PN jinsab f'minoranza, jekk jiġi proponut mill-PN is-Sindku ser jistaġna l-andament tal-Kunsill. Jien ma nistax nappoġġja lil xi ħadd illi ser jeħel u jwaħħal il-progress. Diġa qiegħdin tard f'ħafna kwistjonijiet importanti."

Fl-ittra tar-riżenja tagħha Graziella Galea kienet wriet it-tama li l-PN jibqa' jmexxi l-Kunsill Lokali biex il-formazzjoni tiegħu tibqa' tirrifletti r-rieda tal-elettorat ta' San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra/Xemxija/Wardija u Burmarrad.

More in Politika