Kompla jisraq nisa fl-istess inħawi

Każ ieħor ta’ Snatch&Grab f’Ħal Tarxien

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Kollox jindika li l-ħalliel li aktar kmieni din il-ġimgħa wettaq serje ta’ serqiet fuq nisa u anke ittantanta jisraq mara oħra, dalgħodu reġa’ wettaq serqa oħra f’Ħal Tarxien. Sadanittant ħalliel ieħor wettaq reat simili fuq mara fl-Imqabba.

Dalgħodu għall-ħabta tad-9.30 a.m. mara ta’ 49 sena minn Ħal Luqa kienet qrib Carter’s Supermarket li jinsab fi Triq Luqa f’Ħal Tarxien meta waqfet karozza Peugeot bajda qrib tagħha u s-sewwieq ħatfilha l-basket minn idejha. Huwa mifhum li fil-basket, barra xi dokumenti personali, kellha madwar €30 fi flus.

Il-Pulizija temmen li dan huwa l-istess ħalliel, li nhar it-Tlieta rrapportajna b’mod esklussiv fuq dan is-sit elettroniku, li fil-jiem li għaddew wettaq serq simili u anke pprova jisraq mara oħra f’Santa Luċija liema serqa fallit meta l-mara rreżistitu.

Il-mewġa ta’ serq mill-istess ħalliel bdiet nhar it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tad-9.15 p.m. fi Triq is-Sur, l-Isla meta għadda minn ħdejn karozza u minn ġo fiha seraq bottijiet tal-luminata.

Kmieni t-Tlieta filgħodu għall-ħabta tas-6.10 a.m. l-istess kriminal seraq basket ta’ mara ta’ 78 sena minn Ħal Tarxien meta kienet fi Triq l-Iskola f’Ħal Tarxien stess meta kienet sejra tisma’ quddiesa.

Aktar tard it-Tlieta waranofsinhar ipprova jisraq basket ta’ mara ta’ 54 sena minn Santa Luċija meta din kienet mixja f’Santa Luċija stess, iżda fallilu għax il-mara baqgħet iżżomm sod u l-ħalliel kellu jċedi.

Minn hemm baqa’ sejjer Ħal Luqa u fi Trejqa Dun Ġulju Muscat waqaf ħdejn bejjiegħ tal-ħaxix, raġel ta' 60 sena minn Ħaż-Żebbuġ, u seraqlu l-kexxun bil-flus li kien fih madwar €150.

Sadanittant f’każ separat li seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-5.30 a.m., mara ta’ 60 sena mill-Imqabba li kienet qegħda tistenna fuq stejġ tal-linja spiċċat vittma ta’ serqa. Raġel li resaq lejn il-mara bil-mixi ħatfilha l-basket u telaq jiġri fejn deher jidħol f’karozza kannella x’aktarx xi mudell antik.

Dwar dawn is-serq il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.

More in Kronaka