[Aġġornat b'aktar dettalji u ritratti] It-tieni omiċidju din is-sena

Raġel jinqatel b’diversi tiri ta’ arma tan-nar. Il-vittma, Raymond Caruana, kien involut fil-każ ta’ tixħim ta’ Imħallef

Ix-xena tal-qtil f'San Blas. Ritratt John Pisani
Ix-xena tal-qtil f'San Blas. Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Uffiċjali tax-Xena tar-Reat jimmarkaw traċċi u skrataċċ. Ritratt John Pisani
Uffiċjali tax-Xena tar-Reat jimmarkaw traċċi u skrataċċ. Ritratt John Pisani

lbieraħ filgħaxija, ftit wara d-9.30pm, il-Pulizija kienu informati li kienet seħħet sparatura fi Triq il-Buskett fl-inħawi ta’ San Blas bejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ fejn ħalliet raġel mejjet. Il-vittma, Raymond Caruana ta’ 53 sena minn Ħaż-Żebbuġ, kien involut fl-allegat tixħim tal-Imħallef Ray Pace sentejn ilu.

L-ewwel ma waslu fuq il-post kienu l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit fejn qrib razzett sabu Jeep Wrangler  bil-ħġieġ imkisser u ftit passi ’l bogħod kien hemm Caruana mitluq fl-art mejjet.

B’dan it-tieni qtil ta’ din is-sena ġew informati l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali kif ukoll tad-Distrett. Fi ftit ħin marru fuq il-post id-Deputat Kummissarju Pierre Calleja, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta  flimkien mal-Ispettur Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidji kif ukoll l-Ispetturi James Grech u Michael Mallia. Min-naħa tad-Distrett kien hemm l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina flimkien mal-Ispetturi Kevin Farrugia u Kyle Borg u uffiċjali oħrajn.

Peress li tħallejna aktar minn 200 metru ’l bogħod, kien id-dlam u ma kien hemm ħadd biex jagħtina l-ewwel informazzjoni, xogħolna l-ġurnalisti preżenti kien diffiċli ħafna. Minn dak li b’xi mod stajna naraw, jidher li l-qattiel kien qed jistenna fi trejqa faċċata tad-daħħla tar-razzett fejn kien Caruana flimkien ma’ mara li fil-ħin tal-isparatura x’aktarx li kienet ġewwa u li kienet hi li ċemplet lill-Pulizija.

Jidher li kif Caruana kien ħiereġ bil-Jeep tiegħu, il-qattiel ħareġ minn fejn kien moħbi u spara numru ta’ tiri wara xulxin. Minkejja li kien ferut gravi, Caruana rrnexxielu joħroġ mill-vettura, imma kif għamel ftit passi, jew waqa’ u miet jew il-qattiel kompla jispara. Fil-fatt l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat immarkaw mill-inqas 33 post ta’ traċċi li nemmnu li ħafna minn dawn, jekk mhux kollha, huma skrataċċ li jindika li l-arma li ntużat tista’ tkun xi tip ta’ machine gun. Mhux eskluż li seta' kien hemm aktar minn qattiel wieħed u li ġew sparati bejn 40 u 50 tir.

B’dan il-qtil ġiet informata l-Maġistrat Dr Gabriella Vella li marret fuq il-post fejn mexxiet l-aċċess u ħatret diversi esperti fosthom lit-Tabib Forensiku Mario Scerri, lill-Perit Richard Aquilina flimkien mal-esperti ballistiċi.

Minkejja li hemm installati cameras tas-sigurta, nifhmu li ftit li l-filmati ftit li xejn juru x’ġara.

Fl-2012 Raymond Caruana kien akkużat flimkien ma’ Sandro Psaila ta’ 43 sena mill-Belt li ppruvaw jikkorrompu lill-Imħallef Raymond Pace bil-għan li tiżdied sentenza fil-konfront ta’ Darren Charles Desira minn Ħaż-Żebbuġ. Desira kien ingħata sentenza ta’ 18-il sena ħabs u multa ta’ €46,000 wara li ammetta l-involviment tiegħu fl-importazzjoni tad-droga kokaina.

Aktar dettalji dwar dan it-tieni omiċidju kif jidħlulna.

 

More in Kronaka