23,000 għasfur tal-għana mistennija jingħataw ħajja f'gaġġa

Jumejn ilu l-gvern taha l-barka biex jinfetaħ l-istaġun tal-insib wara nuqqas ta' ħames snin anke jekk din qatt ma kienet wegħdha elettorali tal-gvern preżenti.

Ktieb dwar l-insib
Ktieb dwar l-insib

Eżatt fl-20 ta' Ottubru infetaħ l-istaġun tal-insib. Eluf ta' nassaba kienu ilhom li neħħew mill-gaġeġ kbar tagħhom l-għasafar tal-għana bħal mlievez, sponsuni u pluvieri fost oħrajn u poġġewhom f'gaġeġ ċkejknin biex bihom iħajru għasafar oħra jiġu viċin biex ħajjithom tinbidel minn ħajja selvaġġa u libera għal ħajja magħluqa ġo gaġġa. Eluf ħadu l-vaganzi mix-xogħol billi faddlu l-'leave' kollu ta' matul is-sena biex l-isbaħ partijiet mal-kosta ġew maħtufa minnhom biex jaqbdu lil dawn il-ħlejjaq ċkejknin. Fost in-nassaba jingħad li l-għasafar maqbuda fil-gaġeġ ikollhom ħajjithom imtawla.  Dawk li huma favur l-ħajja libera jwieġbu li aħjar sena liberu milli għaxar snin maqbud ġo gaġġa.

Il-gvern għamel regolamenti fejn qed jgħid li kull nassab jista' jaqbad biss 10 għasafar tal-għana fi staġun (f'xahrejn) u dan ifisser li jekk hawn 2,300 nassab reġistrat, 23,000 għasafar tal-għana huma rassenjati li se jkollhom ħajja ġdida, dik ta' ġo gaġġa Maltija.

Il-ftuħ tal-istaġun tal-insib ġab miegħu rejazzjoni qawwija minn organizzazzjonijiet ta' kontra l-kaċċa u l-insib u anke mill-Unjoni Ewropeja li qed titlob lil gvern malti biex jerġa jaħsibha dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-insib. il-Kummissjoni rat li l-applikazzjoni tal-Gvern Malti ma timxix ma’ mal-kriterji mitluba u għalhekk kellha tibgħat avviż formali lill-Gvern. 

Bil-gvern Malti jwieġeb li l-istaġun tal-insib se jibqa’ għaddej kif ippjanat. Il-Gvern qal li ma jaqbilx mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-mod kif qed tinterpreta d-Deroga fid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.

Fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-istaġun tal-insib, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), illum, ippubblikat ktejjeb bl-isem "L-Insib għall Għasafar tal-Passa fil-Gżejjer Maltin". L-awtur, Lino Farrugia, nassab u kaċċatur huwa stess, ħass il-ħtieġa li permezz ta’ dan il-ktejjeb, jispjega fi ftit kliem u mill-esperjenza personali tiegħu, l-insib u n-nassaba. Għax skont hu "Ftit li xejn jinstabu dokumenti u mezzi oħra ta' komunikazzjoni, minfejn wieħed jista’ jkun jaf fir-realtà,  fiex tikkonsisti n-namra jew il-passjoni tat-tradizzjoni soċjo-kulturali tan-nassaba Maltin u Għawdxin: għaliex isir l-insib; id-dedikazzjoni meħtieġa; il-kura tal-għasafar matul is-sena kollha; il-jargon tan-nassaba; x'fih mansab, kif jintrama u jiżżarma; il-kapaċità u s-sengħa tan-nassab; eċċ."

More in Socjali