Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

analiżi | It-trio li bidel Għawdex minn blu għal aħmar

  • Refalo bil-ftit li kellu, qeda eluf ta’ Għawdxin u kiser kull rekord fis-suċċess Għawdxi
  • Justyne Caruana rebħet il-voti Għawdxin bix-xogħol siewi tagħha għall-ġid tal-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali
  • Clint Camilleri xpruna liż-żgħażagħ Għawdxin
  • Il-PN ma kellux proposti li messew ir-ruħ Għawdxija

John Busuttil minn Brussell / 12 ta' Ġunju 2017 09:33
Ikolli nammetti li qatt u qatt ma ħsibt li Għawdex għall-ewwel darba se jsir Laburist. Għax sa erba’ snin ilu anke meta n-Nazzjonalisti kienu fl-agħar mumenti tagħhom kienu wkoll ġabu aktar voti mil-Laburisti. Iżda Għawdex ta’ Anton Refalo ta risposta lil dawk bħali, l-opinjonisti politiċi u lill-analisti politiċi li Għawdex ma baqax tan-Nazzjonalisti iżda nbidel f’wieħed Laburist.

Interessanti li wieħed jara u janalizza x’wassal għal dan u min kienu dawk li wasslu għal din ir-rebħa kbira Laburista anke fil-gżira ċkejkna Għawdxija? Li hu żgur li dan ir-rebħ ta’ voti ma ġiex mix-xejn. Xi ħadd għandu mertu ta’ dan kollu. U bla dubju li l-mertu hu tat-trio Laburista li bejniethom ġabu l-akbar ammont ta’ voti għal-Laburisti. Mertu jmur ukoll għall-eks deputat Franco Mercieca li wkoll ta sehmu mhux ftit biex kompla jsaħħaħ il-voti Laburisti. Iżda bla dubju li l-akbar mertu jrid imur għall-eks ministru Anton Refalo li bi stil hekk imsejjaħ ‘Għawdxi’ qeda ħafna u ħafna votanti li b’hekk ikkonsalida l-vot Laburista.

L-istil parrokkjali li juża Anton Refalo ma jogħġobx lil kulħadd u hawn min jaħseb li dan hu stil li għandu jiġi abolit. Stil li ma jimxix id f’id mal-wegħda tal-moviment Laburista tal-meritokrazija u fejn jiġu moqdija aktar nies li jmorru jkellmu lill-ministru milli dawk li jistennew li għandhom jiġu moqdija għax huma kapaċi għax hekk suppost. Personalment naqbel ma tal-aħħar, iżda jibqa’ fatt li l-formula ta’ Refalo ħadmet u mhux biss ġab l-akbar ammont ta’ voti, iżda wkoll dawwar Għawdex f’wieħed Laburist.

Iżda żgur li ma kienx biss dan il-fattur li l-Għawdxi vvota Labour. L-Għawdxi vvota Labour għax ra l-ġid. Qatt l-Għawdxi ma raha ġid ekonomiku daqs f’dawn l-aħħar erba’ snin u għal dan ukoll kellu mertu Anton Refalo għax wieħed irid jammetti li Refalo lil Għawdex iħobbu ħafna u fejn jidħol Għawdex ma jidħol ħadd. Ħoloq kumitati fuq kumitati, dwar kultura, ideat turistiċi u sportivi, skemi tal-Gozo Channel biex Għawdex jimtela bil-Maltin u b’hekk jitkattar il-ġid f’Għawdex. Forsi Anton Refalo mhux wieħed mill-aqwa kelliema politiċi. Bla dubju ma naqbilx mal-iskemi li nħolqu fejn forsi darrejna ċerti ħaddiema li ma jagħtux il-ħin kollu tagħhom u jieħdu l-flus xorta. Iżda l-fatt hu li l-maġġoranza tal-Għawdxin hekk darrewhom għal ħafna snin u anke jekk żgur li mhix is-sistema li għandha tkun, xorta tat il-frott tagħha favur il-Laburisti. Għalkemm issa jidher li l-Prim Ministru jrid jeqred dik il-mentalità tal-parrokkjaliżmu u neħħieh minn ministru għal Għawdex.

Hawn tidħol il-ministru l-ġdid, Justyne Caruana, Għawdxija li fl-elezzjoni ta’ qabel telgħet b’imbuttatura, iżda wriet bil-provi li kienet kapaċi tipproduċi u taħdem ħafna fid-dekasteru tal-anzjani u pesuni bi bżonnijiet speċjali. Anke jekk id-dekasteru tagħha kien imiss biss lill-Għawdex fuq persentaġġ żgħir, ix-xogħol tagħha kien apprezzat mill-Għawdxin ukoll fejn din id-darba żiedet mhux ftit fil-voti li wkoll għenu biex Għawdex sar Laburist. Għax l-Għawdxi jinteressah dak li qed jiġri f’Malta u xi ħaġa minnu jmissu żgur. L-Għawdxi jinteressah meta Għawdxija tkun qed tagħmel suċċess anke fil-gżira oħt. Għalkemm Justyne ħadmet ukoll għall-anzjani Għawdxin, ħadmet ukoll għall-persuni bi bżonnijiet speċjali Għawdxin u ħadmet ukoll mal-kostitwenti Għawdxin fejn żammet kuntatt dejjem mal-Għawdxin anke jekk xogħolha kien Malta.

It-trepied tas-suċċess kien il-perit żagħżugħ Clint Camilleri li wara li falla bi żbrixx l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, akkwista Għawdex. Dan iż-żagħżugħ xpruna liż-żgħażagħ Għawdxin u barra li ħa siġġu fil-parlament akkwista wkoll segretarjat parlamentari dwar biedja, sajd u drittijiet tal-annimali. Hawnhekk ħafna kkritikawh għax hu kaċċatur u nassab, allura ma jemminx fid drittijiet tal-annimali. Ifhimni stramba, però jibqa’ l-fatt li qabel kien hemm Clint, kien hemm Joseph, Gonzi,Sant, Eddie, Mifsud Bonnici, Mintoff, Borg Olivier eċċ eċċ, kien hemm il-kaċċa u l-insib. L-ebda gvern ma waqqafha. L-ebda gvern ma abolixxieha. Għax kull gvern u kull partit ried il-voti tal-kaċċaturi u tan-nassaba u allura Clint x’għandu differenti minn ħaddieħor?

Jibqa’ fatt li Clint għen ħafna bix-xogħol tiegħu fejn dar kważi kull dar f’Għawdex biex isaħħaħ il-vot laburista f’Għawdex.

Barra dan it-trio wieħed ma jistax ma jsemmix lil Franco Mercieca li permezz tax-xogħol professjonali tiegħu bħala tabib tal-għajnejn għen Għawdxin ta’ liema kulur kienu, u dan nista’ naħilfu jien personali. Iva u dan ukoll assigura vot Laburist f’Għawdex. Għalkemm naħseb li l-Għawdxi ma ħafirlux meta Franco ċeda l-post ta’ segretarju parlamentari għall-professjoni tiegħu.

Wieħed ma jistax ma jsemmix is-suċċess li kellu Joe Cordina fil-Gozo Channel fejn irnexxielu jmexxiha bil-qligħ flok il-miljuni ta’ telf li kienet tagħmel fl-amministarzzjoni ta’ qabel. Anke l-managemnt skills ta’ Cordina assigura vot Laburist f’Għawdex għalkemm ma kienx biżżejjed għalih għax kien qed jikkompeti ma’ tankijiet ta-gwerra politiċi.

Iżda barra dawn il-gwerriera Laburisti xi ħaġa oħra li għenet li Għawdex isir Laburist kienu l-proposti mqanżħa u ftit emmnuti tal-PN. Fejn f’ħafna minnhom jew kien diġà hemm suċċess Laburist fihom bħal fil-każ tad-dimensja, turiżmu, fast ferry, it-tieni fibre optic eċċ. Filwaqt li kien hemm oħrajn li l-Għawdxin ħaduhom bin-n.... Bħal fil-każ tar-roti u karozzi tal-elettriku, bħall-gimmick tal-kampanja li min imur jgħix Għawdex jingħata €10,000, li Għawdex ikun reġjun meta kienu l-istess Nazzjonalisti li m’applikawx għalih ħalli ma jnaqqrilhomx mill-fondi Ewropej ta’ Malta. IL-fatt li l-PN ma kienx jaf eżatt fejn kien il-polz Għawdxi ma ġiex emmnut u dan kompla jnaqqar dik li xi darba kienet maġġoranza Nazzjonalista. Il-partit Nazzjonalista kien b’saħħtu biss f’Għawdex mill-hardliners tiegħu tant li l-voti marru kollha għand Chris Said u Marthese Portelli li wkoll ġabret il-voti tal-Għawdxin meta hi ħadmet f’Malta u mhux f’Għawdex. Forsi wkoll il-voti tagħha ġew mill-5,000 votant Malti li jivvutaw Għawdex. Il-wegħdiet fil-proposti tal-PN li kienu jagħmlu sens ma ġewx emmnuti mill-Għawdxin għax dawk kienu wegħdi li ma twettqux tul is-snin kollha li l-PN kien fil-gvern allura l-votant Għawdxi injorawhom. Il-ħasra għall-PN kienet li kandidati bħal David Stellini li seta’ jagħti stil ġdid ta’ politika f’Għawdex min-naħa tal-PN dam jaħsibha u kien tard wisq biex jagħmel xi tip ta’ impatt.

Iżda kull partit politiku għandu jifhimha darba għal dejjem li Għawdex mhu tal-ebda partit, darba l-eks Prim Ministru Gonzi kien qal li Għawdex Nazzjonalist u malajr ħadha r-risposta tal-Għawdxin. Għawdex hu biss tal-Għawdxin. L-Għawdxi tih serħan il-moħħ. L-Għawdxi jrid iħoss is-suċċess f’butu u mhux fil-wegħdiet fiergħa. Taħt gvern Laburista, l-Għawdxi ħass ġid kbir fil-gżira tiegħu anke jekk dak kollu mwiegħed lilu ma ħadux. Il-karba tiegħu nstemgħet mill-gvern Laburist anke jekk baqa’ ħafna u ħafna xi jsir.

Interessanti wieħed isegwi b’liema stil se tmexxi Għawdex il-ministru l-ġdid Justyne Caruana. Għax kollox jindika li l-istil tagħha se jkun differenti minn kif kien imexxi Anton Refalo. Jidher li anke l-Prim Ministru ma xtaqx ikompli fuq l-istil ta’ Refalo għax kieku kien iħallih hemm!

Justyne Caruana wriet kapaċità kbira fid-dekasteru li kienet tmexxi iżda żgur li għandha biċċa xogħol akbar fid-dekasteru tal-gżira tagħha. Bħala Għawdxija taf sew u fid-dettall il-mentalità tal-Għawdxin fejn jidħol il-ministru tagħhom.

Il-Prim Ministru Malti wera fiduċja fiha li kapaċi tbiddel it-tmexxija ta’ Għawdex għal politika tal-moviment imsejsa fuq il-meritokrazija, il-produttività u xogħol li jwassal biex il-ġid f’Għawdex ikompli jitkattar.

Nemmen li l-ministru l-ġdid se tkompli fejn ħalla ta’ qabilha, Il-ħidma li tkattar il-ġid f’Għawdex. Minn dawn il-paġni aħna nawgurawlha!

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook