Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

‘Ma kinitx wisq diffiċli li nikkonvinċuhom jiġu Għawdex għax kollha xtaqu jiġu’

Ir-reġjuni ż-żgħar isemmgħu leħinhom fl-ewropa minn Għawdex

John Busuttil / 13 ta' Marzu 2017 08:34
  • Anton Refalo jgħid li meta sema bit-tieqa tad-dwejra beka ‘qisu spiċċat xi ħaġa minn ġismi’


“Minbarra l-prestiġju li jkollok ħafna gżejjer jiltaqgħu hawn, din il-laqgħa se tagħmel ħafna ġid, għall-fatt li għandna ħafna problemi komuni speċjalment fejn jidħol l-‘istate aid’. Qed niddiskutu wkoll flimkien dwar il-futur tal-Ewropa għax aħna għandna problemi komuni għal kulħadd u l-linji gwida u l-parametri li sejrin noħolqu f’din il-konferenza żgur se jservu ta’ sostenn kif aħna bħala gżejjer nistgħu nimxu ’l quddiem. Ma kinitx diffiċli biex ikkonvenċejniehom li jiġu hawn għax huma stess xtaqu jiġu Għawdex għax kulħadd jaf xi gżira sabiħa għandna. Anke jekk issa spiċċatilna t-tieqa tad-Dwejra, xorta għad għandna ħafna iżjed sabiħ x’noffru f’din il-gżira.”

Din il-gazzetta talbet lill-Ministru għal Għawdex biex jgħidilna kif ħadha personalment meta sar jaf li waqgħet it-tieqa tad-Dwejra. “Bkejt...verament bkejt. Qisni kelli xi ħaġa minn ġismi li spiċċat. Iżda trid tħares ’il quddiem għax għandna ħafna affarijiet oħra sbieħ u nippruvaw nippromwovu dak li għandna sabiħ.”
  • Il-Ministeru għal Għawdex jirnexxilu jorganizza konferenza ta’ livell għoli b’120 delegat minn madwar l-Ewropa


Għawdex ukoll messha biċċa mill-Presidenza, meta l-Ministeru ta’ Għawdex bl-għajnuna tal-uffiċċju tal-presidenza ta’ Malta irnexxielu jġib fil-gżira Għawdxija l-Laqgħa Ġenerali tal-kummissjoni tal-gżejjer tas-CPMR. Kienet l-ewwel darba li il-konferenza Ġenerali tas-CPMR saret f’Għawdex, fejn għaliha attendew 120 delegat minn madwar 15-il nazzjon Ewropew.

Ċipru, Danimarka, Estonja, Franza, il-Polineżja Franċiża, Guadeloupe, Kreta u ħafna mill-gżejjer Griegi, Sqallija, l-Azores u l-Portugall, Spanja u l-Canary Islands, l-Iżvezja, l-Ingilterra permezz tax-Shetland Islands kollha kellhom diversi delegati preżenti. Dan minbarra delegati li kienu qed jirrapreżentaw lill-Parlament Ewropew fejn attendiet għaliha Miriam Dalli, rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, il-Ministru u Deputat Prim Ministru Louis Grech, il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, is-segretarju Parlamentari li taħtu taqa’ l-presidenza Ian Borg u diversi organizzazzjonijiet minn madwar l-Ewropa fosthom il-Gozo Business Chamber li kien rappreżentat mill-viċi president tagħhom, Joseph Borg.

L-ILLUM kienet l-unika gazzetta akkreditata u preżenti f’dawn il-jumejn interessanti li saru fil-lukanda Kempinski u ħadna xi kummenti dwar x’ġid tagħmel konferenza bħal din lil Għawdex u anke lil pajjiż bħal Malta li hu wkoll stat gżira bħal ħafna minn dawk preżenti.

Interessanti tisma gżejjer oħra jilmentaw dwar il-problemi kbar li għandhom fejn id-deputat Ministru Grieg Nektarios Santorinios semma kif il-Greċja għandha mijiet ta’ gżejjer li fihom jgħixu anke sa 22,000 persuna li dawn fil-maltemp jkunu maqtugħa għal kollox mill-‘mainland’. Qal li dawn lanqas tobba m’għandhom u l-gvern issa qed jibgħatilhom tobba tal-armata għax la hemm kliniċi u lanqas tobba li jridu jmoru jgħixu hemm. Dan ifisser ukoll li biex jaraw tabib jew anke dentist iridu jħallsu 5 darbiet aktar mill-bqija tal-Griegi. Santorinios qal li l-gvern tiegħu qed jagħmel minn kollox biex jgħinhom, iżda hemm bżonn għajnuna mill-Ewropa fejn qed jittamaw li Malta u Għawdex jistgħu jifhmuhom u l-presidenza ta’ Malta żgur li se twassal leħinhon aktar.
John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook