Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Is-suċċess f’Għawdex m’għandux jitkejjel skont kemm jaqsmu l-fliegu

Il-Ministeru għal Għawdex irid ikun Ministeru u mhux Kunsill lokali għal Għawdex kollu

John Busuttil / 5 ta' Settembru 2016 09:57
 

Li din is-sena qasmu l-fliegu rekord ta’ nies hu fatt. Li dan ir-‘rekord’ ta’ nies ħolqu ‘rekord’ fl-ekonomija Għawdxija hu fatt ukoll. Li r-rekord fl-ekonomija wassal għal aktar flus fil-bwiet tal-Għawdxin hu fatt li ma jista jmerih ħadd. Li dan is-suċċess f’Għawdex hu mertu għas-servizz li taha bla waqfien il-Gozo Channel irid jingħad ukoll. Bħalma jrid jingħad li anke l-Ministeru għal Għawdex bill subgħajh sew biex ntlaħqu l-livelli li ntlaħqu dan is-Sajf.

Pero wieħed irid jitfa fil-borma tas-suċċess wkoll s-sindki ta’ diversi lokalitajiet li organizzaw avvenimenti matul is-Sajf kollu biex il-maltin u turisti li jaqsmu ma jmorrux biss Ta Pinu, l-Arkadia, Id-dwejra, Xlendi u Marsalforn. Lokalitajiet b’avveinmenti organizzati ġibdu ħafna turisti biex igawdu magħhom ġranet u serati tipiċi Għawdxin. Sidien ta’ ristoranti f’kull naħa ta’ Għawdex offrew prodott tajjeb u anke irħas minn ta’ ħuthom il-Maltin. Il-farmhouses bis-swimming pools komplew ikunu n-nasba Għawdxija biex jaħtfu lil Maltin, flimkien mal-karattru tipiku Għawdxi li bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu dejjem ġibed is-simpatija tal-Malti u t-turist. Anke dawk li jorganizzaw id-diving għandhom mertu kbir bħal dawk li jikru l-quad bikes u l-karrozzi u anke r-roti għax dawn jiġbdu lit-turist. Bħalma għandhom parti mill-mertu l-lukandiera anke jekk hemm min imissu jbiddel ftit l-għamara u s-servizz u jgħollih skont l-istilel tal-lukanda.

Kulħadd għandu mertu għal dan is-suċċess, anke l-istess Għawdxi li kellu jitqanna bi storbju mhux tas-soltu u anke b’aktar ħmieġ  li jġibu magħhom l-eluf żejda fil-popolazzjoni. Fejn l-Għawdxi jrid anke Jitqana bil-ħmieġ tal-klieb billi ħafna Maltin jidhru li jinsew il-boroż tal-plastik Malta waqt li jkunu jdawru lil kelb tagħhom li wkoll hu turist f’Għawdex. Iżda l-Għawdxi jaf li aktar nies ifisser aktar flus u aktar xogħol għall-Għawdxin. Issa ġejja x-Xitwa u suppost Għawdex ibatti min-nies li jaqsmu u naturalment bil-katina ekonomika tinqata.

Li tfaħħar u ssemmi s-suċċess hu faċli għax tgħoġob lil kulħadd u kulħadd jarak sabiħ. Iżda nemmen li wieħed irid jara oltre s-Sajf u t-Turiżmu li jġib miegħu. Għax it-turiżmu jibqa fatt li hu staġjonali, anke jekk din ix-Xitwa kienet ‘Sajfija’ u bi ftit jew xejn maltemp. Tinsewx li m’hemm l-ebda garanzija li se jerġa jkollna xitwa kwieta. Tagħmel kemm tagħmel pubbliċita, issebbaħ kemm issebbaħ il-gżira, torganizza kemm torganizza attivitajiet, il-maltemp, riħ u baħar qawwi jkissirlek kollox u jħallik lampa stampa. Jekk il-ħaddiema tal-Gozo Channel jiddeċiedu li jieqfu b’xi strajk, Għawdex jieqaf u l-ekonomija tisfaxxa. Jekk jieqaf għal kollox vapur wieħed żgur li ma nibqħux nitkellmu dwar suċċessi iżda dwar falliment. Waqt li mhux ta’ min jinsa li t-turiżmu Għawdxi kien megħjun ukoll mill-atti terroristiċi li ħakmu l-ewropa u kien hemm min għażel Għawdex milli jsiefer band’oħra

Is-suċċess f’Għawdex m’għandux jibqa biss jitkejjel fuq kemm jaqsmu nies lejn Għawdex. Irridu nħarsu lejn Għawdex bla dipendenza assoluta fuq turiżmu. Għawdex fil-maltemp, Għawdex bla vapur (bil-ħsara), Għawdex bla internet, Għawdex bla xogħol u anke bla ħaddiema għax jitilqu kollha lejn Malta.

Min jaħseb u joħlom li mina hi soluzzjoni żgur li mhux Għawdxi għax jaf li anke jekk issir din żgur li titlesta aktar minn 10 snin oħra. Għawdex irid jibda jaħseb illum għal futur tiegħu meta ma jkunx jiddependi biss mit-turiżmu. Irid jaħseb illum qabel għada dwar il-fast ferry b’diversi waqfiet f’Malta. Trid tispiċċa l-burokrazija jew skuża li kollox jinsab f’fażi ta’ studju. Għawdex irid jaħseb biex tinħoloq ‘hub’, illum qabel għada għall-igaming, għal aġenziji finanzjarji għax il-futur taż-żgħażagħ hemm jinsab. U dan jista jsir billi jkun hemm server ieħor li għandu jkun prijorita aktar minn fibre optic cable ieħor (anke jekk anke dan għadu fl-ajru u f’fażi ta’ studju). Għawdex għandu bżonn li l-ħaddiema żgħażagħ isibu xogħol adekwat u mhux biss ta part time waitresses jew part time salesgirls inkella fil-community work (anke jekk dan importanti wkoll). U dan jista jsir biss jekk dan ix-xogħol adekwat jinħoloq b’investiment qawwi f’oqsma fejn l-Għawdxin qed jistudjaw.

L-Iskola medika hu investiment tajjeb ħafna, iżda ma rridux nieqfu hawn. Il-gvern ċentrali jrid jaħseb lil lill-Ministru ta’ Għawdex jagħtih l-għodda ta vera biex jaħdem billi Għawdex ikun parti minn Malta anke f’dawk li huma finanzi. Ma jistax ikun li l-Ministru għal Għawdex jibqa jikkuntenta bil-ftit li jagħtuh minn Kastilja, jew li ma jkollux id fuq is-saħħa u l-edukazzjoni ta’ Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex irid ikun Ministeru u mhux Kunsill lokali għal Għawdex kollu. Il-Gvern ċentrali jrid jiftakar f’Għawdex f’kull Novembru (żmien il-baġit) u mhux kull ħames snin. Għawdex hu parti minn Malta u mhux estensjoni ta’ Malta. Għawdex u l-Għawdxin iridu jgħixu komdi u jgawdu mit-tkattir ekonomiku bħal maltin kollha u mhux għax it-temp ikun tajjeb u jżuruh il-Maltin biss. Infakkarkom li jekk iż-żgħażagħ Għawdxin jibqgħu Għawdex, ikollhom il-familji tagħhom f’Għawdex, uliedhom f’Għawdex u l-iskejjel jimtlew bi tfal Għawdxin bi bżonn aktar ta’ għalliema Għawdxin li jkollhom xogħol f’Għawdex u mhux ikollhom imorru Malta biex jgħallmu għax tfal f’Għawdex ma baqax.

 Għax is-suċċess Għawdxi ma jista jibqa jitkejjel skont kemm jaqsmu l-fliegu.

 

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook