Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Inawgurata l-wirja agrarja ta’ Santa Marija f’Għawdex

l-161 sena minn meta s-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali organizzat din il-wirja għall-ewwel darba fl-1855 fl-iskola primarja ta’ Triq il-Vajrinġa fir-Rabat, Għawdex.

John Busuttil / 15 t'Awwissu 2016 09:15
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo inawgura l-wirja agrarja ta’ Santa Marija fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle. Din hija wirja tradizzjonali tal-biedja u s-snajja’ li ta’ kull sena tiġi organizzata mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali Għawdxija fil-jiem tal-festa ta’ Santa Marija, bejn it- tlettax u l-ħmistax ta’ Awwissu.

Din hi l-161 sena minn meta s-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali organizzat din il-wirja għall-ewwel darba fl-1855 fl-iskola primarja ta’ Triq il-Vajrinġa fir-Rabat, Għawdex.

Wirja li hija l-vetrina tal-gżira Għawdxija, għaliex il-bidwi u r-raħħal jesebixxu l-aħjar prodotti tagħhom. Il-wirja tikkonsisti f’diversi taqsimiet li juru l-prodott tipiku Għawdxi minn annimali, ħxejjex, ċerejali, u anke prodotti oħra ta’ snajja tipikament Għawdxin. Kull sena din il-wirja tiġbed numru kbir ta’ esebituri kif ukoll ta’ nies li jżuruha. Il-Ministru Refalo tenna l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li jibqa’ impenjat u jsostni din l-attività, anke għaliex hija l-aqwa riklam għall-prodott Għawdxi.

Il-Ministru Refalo semma wkoll diversi inizjattivi u skemi li saru f’din il-leġiżlatura fosthom l- iskema tal-ġarr tal-ġwież, fejn qed tingħata għajnuna lir-raħħala fl-ispejjeż biex iġibu l-għalf tal- bhejjem. Bdiet tintuża wkoll il-biċċerija ta’ Għawdex b’iktar effiċjenza sabiex il-laħam li tixtri l- mara tad-dar f’Għawdex tjieb sostanzjalment fil-kwalità. Fl-istess waqt naqsu l-iskariġġ u t-tbatija kemm tar-raħħala u anke tal-bhejjem peress li dawn ma jridux jitwasslu l-biċċerija ta’ Malta. Dan wassal ukoll għal inqas inkonvenjent għal dawk in-nies kollha li jkunu qed jużaw il-vapuri tal-Gozo Channel. Il-qatla żdiedet minn darba għal darbtejn fil-ġimgħa.

Sar ftehim mal-Gozitano fuq l-agrikoltura u nfetaħ l-uffiċċju tal-World Bird Regulation Unit (WBRU). Dan l-uffiċċju jnaqqas l-iskariġġ tal-Għawdxin lejn Malta filwaqt li jaqdi l-istess funzjoni ta’ Malta. Il-Ministru rrefera wkoll għax-xogħol infrastrutturali fil-port ta’ Marsalforn sabiex jitjiebu l-faċilitajiet għas-sajjieda f’dawn l-inħawi u b’hekk ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti u effettiv. Dan il-proġett sewa kważi tliet kwarti ta’ miljun, bl-għajnuna ta’ fondi mill- Unjoni Ewropea.

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook