Il-Ħamas jgħidu li nqatlu 241 persuni f'Gaża fl-aħħar 24 siegħa

Filmati li ttieħdu permezz ta’ drones juru boroż tal-plastik jindifnu f’oqbra tal-massa, skont il-Ħamas

Tal-inqas 241 persuna nqatlu fl-aħħar 24 siegħa kawża ta’ bumbardamenti mill-Iżrael, skont il-Ministeru tas-Saħħa, immexxi mill-Ħamas.

Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddeskriva l-attakk bħala "reat gravi" kontra niesu stess.

Intant, il-Kap tal-Armata Iżraeljan Herzi Halevi qal li l-kunflitt mal-Ħamas mistenni jkompli “għal diversi xhur oħra”.

Fix-Xatt tal-Punent okkupat, sorsi mediċi Palestinjani qalu li sitt Palestinjani nqatlu f’attakk li sar b’drone Iżraeljan matul il-lejl fil-kamp tar-refuġjati ta’ Nur Shams f’Tulkarem. Il-Ministeru tas-saħħa ta’ Gaża qal li 382 persuna ndarbu wkoll matul l-istess 24 siegħa.

Skont il-ministeru, mill-inqas 20,915-il Palestinjan inqatlu – l-aktar tfal u nisa – f’aktar minn 11-il ġimgħa ta’ ġlied.

Il-gwerra bdiet fis-7 ta’ Ottubru wara li l-Ħamas mexxa mewġa ta’ attakki fatali fuq komunitajiet ġewwa Iżrael. Madwar 1,200 persuna, l-aktar ċivili, inqatlu. Madwar 240 persuna ttieħdu lura f’Gaża bħala ostaġġi, u għadd minnhom inħelsu aktar tard.

More in Barranin