Iżrael u l-Ħamas jilħqu ftehim biex jitwaqqaf il-ġlied għal erbat ijiem

Il-gvern Iżraeljan u l-Ħamas se jieqfu mill-ġlied f’Gaża għall-ħelsien ta’ 50 ostaġġ Iżraeljan u 150 Palestinjani miżmuma fl-Iżrael

Il-gvern Iżraeljan u l-Ħamas qablu li jwaqqfu l-ġlied u n-nar f’Gaża sabiex jinħeslu 50 ostaġġ maqbuda waqt l-attakk terroristiku tal-Ħamas ix-xahar li għadda f’Iżrael, u l-ħelsien ta’ 150 priġunier Palestinjan miżmuma fl-Iżrael.

Il-waqfien min-nar se jitħabbar fl-24 siegħa li ġejjin u se jdum għal mill-inqas erbat ijiem, qal il-Qatar, li huwa l-medjatur ewlieni.

Il-pawża fil-ġlied, hi kemm hi qasira, tista’ ġġib xi miżura ta’ serħan liċ-ċivili Palestinjani f’Gaża. Il-Gaża kuljum qed tonqos mill-affarijiet neċċesarji u bażiċi bħall-ikel u ilma. Iżrael ukoll qata’ l-elettriku lejn Gaża u mblokka l-kunsinna tal-fjuwil.

L-uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ħabbar id-deċiżjoni tiegħu f'messaġġ WhatsApp, u qal li se jippermetti pawsa ta’ mill-inqas erbat ijiem fil-ġlied f'Gaża, li jagħmilha l-itwal waqfa li tħabbret minn mindu beda l-bumbardament.

Fost l-ostaġġi se jkunu meħlusa nisa u tfal.

"Il-gvern Iżraeljan huwa impenjat li jġib l-ostaġġi kollha d-dar," żied il-gvern.

Il-Ħamas aktar tard ħabbar fi stqarrija fuq Telegram li qablet ma’ waqfien mill-ġlied ta’ erbat ijiem li jippermetti li 50 ostaġġ liberi u jingħataw lura 150 Palestinjani li huma maqbuda minn Iżrael. “Wara ħafna jiem diffiċli ta’ diskussjonijiet kumplessi, inħabbru, bl-għajnuna u l-barka ta’ Alla, li lħaqna tregwa umanitarja,” hemm miktun fl-istqarrija tal-Ħamas.

Mohammed Al Khulaifi, il-ministru tal-istat tal-Qatari li kien negozjatur ewlieni fit-taħditiet, ħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jaqdu l-obbligi tagħhom taħt il-ftehim u qal li jittama li dan iwitti t-triq għat-tmiem tal-gwerra. "Dan il-ftehim huwa l-ewwel darba li ż-żewġ naħat qablu li jappoġġaw it-triq diplomatika dwar il-ġlied kontinwu, li kkaġuna tant uġigħ u tbatija fuq ċivili innoċenti."

Il-Ħamas madankollu xorta qalu li min-naħa tagħhom se jibqgħu b’seba’ għajnejn.

Iżrael u l-Ħamas ilhom ġimgħat jinnegozjaw indirettament dwar l-240 ostaġġ li ttieħdu f’Gaza fl-attakki tal-Ħamas. Ftehim kien deher li kien jista' jintlaħaq fi ftit okkażżjonijiet iżda f’mumenti id-diskussjonijiet kienu jieqfu għalkollox.

It-Tlieta, Netanyahu qal li l-kampanja ta’ Iżrael sabiex jipprevjeni lill-Ħamas milli jikkontrolla kwalunkwe parti ta’ Gaża, l-Iżreal se jkompli wara l-waqfien mill-ġlied. "Qegħdin fi gwerra, u se nkomplu din il-gwerra sakemm nilħqu l-għanijiet kollha tagħna: iż-żarmar tal-Ħamas, ir-ritorn tal-ostaġġi tagħna, u niżguraw li f'Gaża ma jkun hemm ħadd li jhedded lill-Iżrael."

More in Barranin