Iżrajel-Ħamas gwerra: 260 persuna mejta wara attakk fuq festival tal-mużika

Il-persuni mejta kawża tal-gwerra qabeż l-1,100 persuna. L-Iżrajel sejħet għal 100,000 suldat tar-riserva

Membri tas-salvataġġ qalu li sabu 260 persuna mejta wara li l-Ħamas attakkaw kunċert mużikali fin-nofsinhar tal-Iżrael is-Sibt.

Il-festival sar fid-deżert ta’ Negrev u madwar 3,000 persuna attendew is-Supernova music festival. Il-Ħamas attakkaw l-festival kmieni filgħodu. 

Bosta persuni li attendew il-festival ġew maħtufa, filfatt il-Ħamas għandha madwar 100 ostaġġ, xi persuni li nqatlu jew li ġew maħtufa huma ta’ nazzjonalità barranija: inkluż Ġermaniża u Ingliż.

Madwar 1,100 persuna ġew ikkonfermati mejta f’Iżrael u Gaża u l-għadd ta’ persuni mejta huwa mistenni li jitla’, filwaqt li eluf ta’ persuni qed jingħataw trattamenti mediċi. Intant, kelliem għall-Forzi tad-Difiża Iżraeljana qal li t-Tnejn filgħodu l-qawwiet Iżraeljani għadhom qed jiġġieldu ma’ persuni armati tal-Ħamas f’tmien siti fin-nofsinhar tal-Iżrael.

Dawn jinkludu Be'eri, komunità agrarja, li kienet infiltrata mill-ġellieda tal-Ħamas matul il-lejl. Ħafna mill-militanti nqatlu, iżda oħrajn għadhom jistaħbew fi djar fil-kibbutz, qalet l-IDF.

Il-militar Iżraeljan żied jgħid li attakka aktar minn 1,000 żona f’Gaza bla waqfien minn ajruplani tal-gwerra u drones. L-Iżrael sejjaħ għal-100,000 suldat tar-riserva barra Gaża, b’antiċipazzjoni li titwettaq offensiva massiva fuq l-art u fuq l-enklavi Palestinjana.

F’Gaża, l-attakki mill-ajru sforzaw ir-rilokazzjoni ta’ 123,000 Palestinjan b’madwar 74,000 qed ifittxu kenn fl-iskejjel, skont in-Nazzjonijiet Magħquda nhar it-Tnejn.

Laqgħa ta’ emerġenza mħejjija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti nhar il-Ħadd, naqset milli ssib qbil fuq stqarrija hekk kif il-biża’ hi li l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Ħamas jeskala f’reġjuni li diġà jinsabu mimlija tensjoni.

Iżrael temmen li l-Iran għen lill-Ħamas biex jippjana l-attakki, iżda l-Iran ċaħdu l-involviment tagħhom fl-operazzjoni tal-Ħamas. Minkejja dan huma qalu li jappoġġjaw l-azzjonijiet tal-grupp.

Sadanittant, l-Istati Uniti beħsieba tistazzjona aircraft carrier fil-Mediterran, l-USS Gerald R. Ford, sabiex ikun eqreb lejn Iżrael. Il-President Joe Biden wiegħed l-appoġġ ‘solidu’ ta’ Washington lil Tel Aviv.

Konsegwenza tal-gwerra, il-prezzijiet taż-żejt għolew, hekk kif nhar it-Tnejn li għadda, l-investituri kejlu l-possibbiltà ta’ kunflitt fit-tul fir-reġjun li jipproduċi ż-żejt.

Nhar is-Sibt, il-Ħamas wettaq attakk ikkoordinat fuq diversi bliet Iżraeljani li jmissu ma’ Gaża. L-inkursjoni fit-territorju Iżraeljan mill-Istrixxa ta’ Gaża kienet mimlija baraxx ta’ rokits u għalhekk qabdu lil Iżrael b’sorpriża. Aktar minn 700 Iżraeljan inqatlu fl-attakk.

Rokits kienu għadhom qed jiġu sparati lejn l-Iżrael it-Tnejn filgħodu, bis-sireni joħonqu it-toroq fi bliet ’il bogħod, saħansitra sa Tel Aviv.

Ir-rispons tal-Iżrael kien li jibbumbardja Gaża, fejn aktar minn 400 persuna rrappurtaw li nqatlu fit-territorju.

More in Barranin