Imut Giorgio Napolitano - President Emeritus tar-Repubblika Taljana

Hu serva wkoll fil-Kamra tad-Deputati għal 10 leġislaturi

Il-11-il President tar-Repubblika Taljana Giorgio Napolitano miet nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru.

Huwa twieled f’Napli fid-29 ta’ Ġunju tal-1925 u żżewweġ fl-1959.

Napolitano kien l-ewwel President tal-pajjiż wara li spiċċat l-era komunista, wara li kien militant u aktar tard mexxej tan-naħa riformista tal-Partit Komunista Taljan (PCI), sakemm inħoloq il-Partit Demokratiku tax-Xellug (PDS) fl-1991.

Bħal ħafna politiċi tal-ġenerazzjoni tiegħu, hu ġġieled kontra l-faxxiżmu fl-Italja, u l-okkupazzjoni Nażżista waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.

Ma’ tmiem il-Gwerra, hu ingħaqad mal-Partit Komunista, u ġie elett fil-Parlament fl-1953. Segwentament, reġa ġie elett disa’ darbiet oħra konsekuttivament.

Bejn l-1989 u l-1992, huwa serva bħala Membru Parlamentari Ewropew, qabel ma ġie elett bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati Taljana għall-perjodu ta’ bejn l-1992 sa l-1994.

Wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin fl-1989, hu kien fost l-aktar voċifori dwar ir-riformi li kellu jagħmel il-Partit tiegħu, li wassal għall-bidla tal-isem kif ukoll it-tneħħija tas-simbolu tal-martell u l-minġel.

Waqt it-terminu tiegħu bħala Ministru għall-Intern bejn is-sena 1996 u s-sena 1998, bħala parti mill-Gvern ta’ Romano Prodi, hu ta ismu għall-ewwel leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni, imsemmija “Turco-Napolitano”.

Bejn is-snin 2006 u 20015, huwa serva bħala President tar-Repubblika, u kien l-ewwel Kap tal-Istat li reġa ġie elett għat-tieni darba. Huwa rriżenja f’Jannar tal-2005.

Napolitano qatta’ l-aħħar ġimgħat tiegħu f’sptar ġo Ruma.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni ta’ Malta għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami wassal il-kondoljanzi tal-partit tiegħu lejn l-istat u l-poplu Taljan.

“Bħala President tar-Repubblika Taljana għal żewġ termini, Napolitano serva lill-pajjiż b’lealtà, b’rispett assolut lejn il-valuri tas-solidarjetà, libertà u demokrazija. Kien politiku li dejjem emmen fil-proġett Ewropew,” qal Fenech Adami.

Il-Papa Fraġisku ukoll kellu kliem ta’ tifħir għall-President Emetirus, fejn saħaq li “hu wera intellett u passjoni sinċiera lejn il-politika Taljana, kif ukoll interess kbir fid-destin tan-nazzjonijiet l-oħra.

Il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni, li ġejja minn partit lemini fuq in-naħa opposta tal-ispettru politiku, offriet il-kondoljanzi f’isem il-partit kollu.

More in Barranin