Biżgħat li l-Korea ta’ Fuq se tgħin lir-Russja fil-gwerra

Dan wara laqgħa li saret bejn il-President tar-Russja Vladimir Putin u d-Dittatur tal-Korea Ta' Fuq Jim Jong-Un

Waqt laqgħa bejn il-mexxejja tar-Russja u l-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-Un irrefera għall-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja bħala waħda “sagra” kontra l-Punent, filwaqt li saħaq li jemmen bis-sħiħ li r-Russja se tipprevali.

“Jiena nemmen li l-armata Russa se jkollha vittorja kbira fil-gwerra sagra kontra l-ħażen,” kompla jgħid. Dan filwaqt li r-Russja ingħaqdet maċ-Ċina sabiex topponi sanzjonijiet mill-Ġnus Magħquda lejn il-Korea ta’ Fuq.

L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel esprimew il-biża’ li l-Korea ta’ Fuq se tkun qed tipprovdi lill-armata Russa b’armamenti u munizzjoni, wara li l-ħażna ta’ dawn ġiet eżewrita wara 18-il xhar ta’ gwerra mal-Ukranja. Dan minkejja li ż-żewġ nazzjonijiet xejnu dawn l-allegazzjonijiet.

Il-President Russu Vladimir Putin saħaq li l-laqgħa kienet tirregwarda għajnuna mir-Russja lejn il-Korea ta’ Fuq rigward bini ta’ satelliti.

Wieħed jinnota li din il-laqgħa saret fil-Vostochny Cosmodrome, ċentru spazjali Russu, hekk kif żewġ attentati sabiex jittellgħu satellite spijji mill-Korea ta’ Fuq fallew tul dawn l-aħħar erba’ xhur.

More in Barranin