Għargħar fil-Greċja jwassal għal 10 imwiet

Dan in-numru kapaċi jogħla hekk kif il-ħaddiema tas-salvataġġ jiksbu access għal aktar distretti li huma mgħerrqa

Uffiċċjali Griegi ħarġu b’ordnijiet sabiex ċittadini jitilqu mill-belt ta’ Larissa, fejn joqgħodu madwar 150,000 persuna, u l-madwar, hekk kif ix-xmara Pineios faret minħabba l-maltempata Daniel. Kawża ta’ dan, bosta żoni fil-madwar tax-xmara sfaw mgħerrqa.

Il-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis stqarr li l-Griegi qed jaffaċċjaw “battalja kontra n-natura”, hekk kif l-għargħar qed ikun kaġun ta’ numru kbir ta’ familji li jkollhom jiċċaqlaqu minn naħa għal oħra tal-pajjiż.

Ħaddiema tas-salvataġġ għadhom għaddejjin b’xogħlijiet sabiex jiġu salvati mijiet ta’ persuni li għadhom maqbudin fiċ-ċentru tal-pajjiż, hekk kif il-maltempata radmet komunitajiet sħaħ u kkaġunat il-mewt ta’ 10 persuni. Madankollu, din il-figura mistennija togħla hekk kif il-ħaddiema tas-salvataġġ jiksbu access għal aktar distretti li huma mgħerrqa.

Thessaly, reġjun ċatt fiċ-ċentru tal-Greġja, esperjenza madwar 800mm ta’ xita f’ġurnata waħda, liema figura hija akbar minn dik li normalment taqa’ f’sena sħiħa.

Il-maltesmpata ħalliet impatt ukoll fuq il-provvisti tal-ikel, hekk kif karkret magħha metri kwadri ta’ prodotti agrikoli miżrugħin.

More in Barranin