Il-Qorti Suprema tal-Messiku tiddekriminalizza l-abort fl-istati kollha

Tgħid li, "l-possibbiltà li tiġi miċħuda t-talba ta’ mara għal terminazzjoni tat-tqala tagħha tikser id-drittijiet tal-bniedem"

Il-Qorti Suprema tal-Messiku ħabbret l-abort huwa dekriminalizzat madwar il-pajjiż kollu, filwaqt li saħqet li il-possibbiltà li tiġi miċħuda t-talba ta’ mara għal terminazzjoni tat-tqala tagħha tikser id-drittijiet tal-bniedem.

Din tiġi sentejn wara li l-Qorti ddikkjarat favur sfida lejn il-liġi eżistenti fl-istat ta’ Coahuilla, fejn qalet li proċeduri kriminali kontra minn jittermina t-tqala jmorru kontra l-Kostituzzjoni.

Id-deċiżjoni tal-Qorti se twassal għal-legaliżżazzjoni tal-abort fit-32 stat kollha, wara li dawn, flimkien mal-Gvern federali, kaxkru saqajhom sabiex jabolixxu l-liġi l-antika. Dan minkejja li xi stati kienu diġa għamlu dan il-pass qabel, b’Mexico City tkun l-ewwel waħda lura fl-2007.

Id-deċiżjoni ġiet milqugħa tajjeb ferm minn gruppi li jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa.

“F’każijiet ta’ stupru, l-ebda tifla ma tista’ tkun sfurzata sabiex issir omm, la mill-istat u lanqas mill-ġenitur tagħha,” żied il-mexxej tal-Qorti suprema Arturo Zaldívar. “Hawnhekk, il-ksur ta’ drittijietha huwa aktar gravi, kemm minħabba li hija vittma, kif ukoll għax hija minuri, allura rridu nanalizzaw il-kwistjoni mill-perpettiva ta’ x’inhu l-aħjar għal persuna taħt l-età”

Ħafna qed ibassru li din id-deċiżjoni se tqajjem furur mill-politiċi konservattivi tal-pajjiż, kif ukoll mill-Knisja Kattolika, hekk kif il-Messiku huwa t-tiena l-akbar nazzjon Kattoliku fis-Sud Amerika. Minkejja dan, l-influenza tal-Knisja dehret li qed tmajna tul dawn l-aħħar snin, bil-Gvern jikkunsidra lilu nniffsu bħala sekulari.

Fis-Sud Amerika b’mod ġenerali hemm xejra lejn il-legaliżżazzjoni tal-abort, f’dak li qed jissejjaħ bħala “mewġa ħadra.” L-abort bl-għażla tal-mara huwa legali fil-Kolombja, fil-Kuba, fl-Urugwaj u fl-Argentina, għalkemm il-favorit għall-elezzjoni presidenzjali li ġejja f’Ottubru, Javier Milei, irid jipprojbixxi l-proċedura.

Is-sitwazzjoni fis-Sud Amerika taqta’ kuntrast ma’ dak li ġara fl-Istati Uniti s-sena li għaddiet, meta d-deċiżjoni ta’ Roe v Wade tal-1973, li kienet tiggarantixxi d-dritt għall-abort fl-istati kollha, ġiet revokata.

More in Barranin