Protesti fil-Libja wara laqgħa bejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u dak tal-Iżrael

In-nies ħarġu bi ħġarhom ixejjru l-bnadar tal-Palestina, jaħarqu t-tyres u jimblokkaw it-toroq

Fil-Libja, in-nies ħarġu jipprotestaw fit-toroq ixejjru l-bnadar tal-Palestina, jaħarqu t-tyres u jimblokkaw it-toroq, wara li ġie mħabbar li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Najla al-Mangoush, kellha laqgħa mhux uffiċċjali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżrael, Eli Cohen.

Għalkemm il-Ministeru ħareġ stqarrija fejn qal li al-Mangoush irriffjutat li tiltaqa’ ma kull uffiċċjal mill-Iżrael, iddiskriva il-laqgħa bħala waħda ta’ koinċidenza u mhix uffiċjali, il-protesti fit-toroq kienu diġa bdew f’bosta bliet Libjani. Dan minkejja li, dejjem skont il-Ministeru, il-laqgħa “m’involviet l-ebda diskussjoni, ftehim jew konsultazzjoni, u li l-Ministru terga’ tafferma l-pożizzjoni tagħha u tal-Libja fir-rigward tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina.”

Minn naħa l-oħra, stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Iżrael jagħti verżjoni differenti, fejn jgħid li kien hemm diskussjonijiet dwar “l-imporanza li jkun preżervat il-Wirt Kulturali tal-Libjani Lhud, billi jiġu restawrati sinagogi u ċimiterji.”

Storikament, il-Libja għandha kultura rikka ħafna, partikolarment fejn jidħol il-Ġudaiżmu, bħal ħafna mill-pajjiżi fit-Tramuntana tal-Afrika. Minkejja dan, deċenji ta’ tmexxija mill-eks dittatur Muammar Gaddafi, li kien proponent kbir tal-kawża Palestinjana, wassal għat-tkeċċija ta’ eluf ta Lhud mill-pajjiż, kif ukoll it-tkissir ta’ ħafna sinagogi.

Minħabba din il-laqgħa, al-Mangoush ġiet sospiża mill-Prim Ministru tal-pajjiż Abdul Hamid Dbeibah. Hu qal li sospensjoni hija waħda temporanja, sakemm issir investigazzjoni amministrattiva li se titmexxa mill-Ministru għall-Ġustizzja.

More in Barranin