Biden jgħid li Putin 'mhux qed jiċċajta' meta qed jhedded bl-użu tal-armi nukleari

Biden saħaq li r-riskju li jintużaw l-armi nukleari qatt ma kien daqshekk għoli mill-1962 'l hawn, meta r-Russja u l-Istati Uniti kienu f'kunflitt hekk kif r-Russja kienet bagħtet armi nukleari f'Kuba

Il-President Amerikan Joe Biden saħaq li r-riskju li jintużaw l-armi nukleari ilu ma jkun għoli hekk mill-Kriżi tal-Missili f’Kuba fl-1962.

F’diskors, Biden saħaq li l-President Russu Vladimir Putin “ma kienx qed jiċċajta” meta tkellem dwar il-possibbilità ta’ użu ta’ armi nukleari tattiċi hekk kif kompla jitlef aktar territorji li ħataf f’idejh fl-aħħar xhur fl-Ukrajna.

Il-President Amerikan qal li l-Istati Uniti qed jipprovaw jifhmu x’inhu l-pjan ta’ Putin. Din mhux l-ewwel darba li l-Istati Uniti u anke l-Unjoni Ewropea qalu li t-theddid ta’ Putin għandhom jittieħdu bis-serjetà.

Madanakollu, il-Konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti, Jake Sullivan, il-ġimgħa li għaddiet qal li minkejja l-kliem ta’ Putin, sa issa l-Istati Uniti ma rat l-ebda sinjali li r-Russja qed tipprepara biex tuża arma nukleari b’mod imminenti.

Fl-aħħar jiem, l-Ukreni għamlu avvanzi kbar u rebħu lura ħafna territorju li r-Russi ħadu f’idhom, inkluż fl-erba’ reġjuni li r-Russja, b’mod illegali, iddikjarat bħala parti minnha. Putin wiegħed li jistabblizza s-sitwazzjoni f'dawn ir-reġjuni.

Biden insista li Putin “mhux qed jiċċajta” meta jitkellem dwar l-użu ta’ armi nukleari, bijoloġiċi jew kimiċi għax, fi kliemu, huwa ċar li l-forzi militari tiegħu ma għamlux is-suċċess li kien ippjanat. 

“Għall-ewwel darba mill-Kriżi tal-Missili Kubana, għandha theddida diretta dwar l-użu tal-armi nukleari,” insista Biden meta kien qed jindirizza lil sħabu d-Demokratiċi.

Biden kien qed jirreferi għal kriżi li seħħet fl-1962 meta l-Istati Uniti u anke l-Unjoni Suvjetika, taħt il-President John F Kennedy u Nikita Khrushchev, kienu viċin li jispiċċaw b’konfront dirett nukleari wara li r-Russja kienet bagħtet armi nukleari lill-Kuba.

Fl-aħħar diskorsi pubbliċi tiegħu, Putin qal li lest juża l-mezzi kollha li għandu għad-dispożizzjoni biex jipproteġi t-territorju Russu.

More in Barranin