Biden iwaqqaf l-importazzjoni taż-żejt u l-gass mir-Russja

... il-President tal-Istati Uniti jgħid li l-istess deċiżjoni qed tiġi diskussa minn pajjiżi oħra alleati

L-Istati Uniti se tkun qed twaqqaf l-importazzjoni kollha taż-żejt u l-gass mir-Russja. Dan ħabbru l-President Amerikan Joe Biden, f’mossa li għandha l-għan li tagħmel pressjoni fuq il-President Russu Vladimir Putin biex itemm il-gwerra fl-Ukrajna.

Meta tkellem fil-White House dalgħodu, Biden qal li "din l-azzjoni qed tindirizza l-arterja ewlenija tal-ekonomija tar-Russja".

L-azzjoni ta' Biden ġiet ukoll wara t-talba tal-mexxejja u attivisti Ukreni li talbu lill-Istati Uniti u lill-alleati Ewropej biex jissanzjonaw is-settur taż-żejt u l-gass tar-Russja b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar. Din l-invażjoni diġà qerdet bliet kbar u ġiegħlet żewġ miljun ruħ jaħarbu mill-pajjiż.

Il-pajjiżi tal-Punent, speċjalment in-nazzjonijiet Ewropej li jiddependu fuq iż-żejt u l-gass Russu, għal sehem kbir mill-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom, eżitaw sforz il-biża’ din l-istess mossa minħabba li l-projbizzjoni taqtagħhom mill-provvisti tant meħtieġa u filwaqt li l-prezzijiet jogħlew.

Iktar kmieni dalgħodu: 'Il-gwerra mhux se tieqaf mal-Ukrajna;' Zelensky jwissi waqt li aktar Ukreni jkomplu jaħarbu'

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky wissa lill-pajjiżi tal-Punent li l-gwerra mhux se tieqaf fl-Ukrajna u li l-attakki fuq il-libertajiet se jkunu qed jaffetwaw id-dinja kollha.

Waqt intervista ma’ ABC News, Zelensky mill-ġdid tkellem dwar l-importanza li jkun protett u jingħalaq l-ispazju tal-ajru Ukren.

“Ma nistgħux nippermettu li r-Russja tibqa’ attiva. Qed jattakawna. Qed jibgħatu missili, ħelikopters u ajruplani militari,” insista l-President.

Saħaq li l-President Amerikan Joe Biden jista’ jagħmel aktar biex iwaqqaf il-gwerra.

“Jiena ċert li jista’. Ċert li kapaċi jagħmel dan,” insista l-President Ukren. Madanakollu, il-White House saħqet li l-President Biden jibqa’ kommess li ma jinvolvix truppi Amerikani fil-kunflitt.

Il-Ġimgħa li għaddiet, l-Istati Uniti u n-NATO ma qablux li jingħalaq kompletament l-ispazju tal-ajru Ukren għax fi kliemhom, dan jista’ jwassal għal gwerra fl-Ewropa.

Il-President Russu Vladimir Putin qal li dawk il-pajjiżi li jimpunu no-fly-zone fuq l-Ukrajna se jkunu meqjusa parteċipi fil-kunflitt.

Ikomplu l-attakki ... Persuni maqbuda 

Intant, fl-aħħar sigħat, komplew l-attakki bla ħniena mill-forzi Russi fuq diversi bliet Ukreni. Dan qed iwassal biex diversi ċittadini li jridu jaħarbu qed jispiċċaw maqbuda fl-ibliet waqt l-attakki.

Ir-Russja qed jisħaq li tinsab lesta biex terġa’ tiftaħ il-kurituri umanitarji biex ċittadini jingħataw iċ-ċans jevakwaw l-ibliet.

Ir-Russja twissi bil-pipeline tal-gass

Intant ir-Russja qed tisħaq li lesta tagħlaq il-pipeline tal-gass li għandha mal-Ġermanja jekk l-Ewropa tpoġġi projbizzjoni fuq iż-żejt Russu.

Id-Deputat Prim Ministru Russu, Alexander Novak saħaq li deċiżjoni bħal din ikollha “konsegwenzi katastrofiċi”  globalment.

L-Unjoni Ewropea ġġib 40% tal-gass tagħha u 30% taż-żejt mir-Russja.

More in Barranin