'Il-ħolma tiegħi dejjem tibqa' illi nirrappreżenta lil Malta f'kompetizzjoni sportiva mat-tim nazzjonali'

Ryan Spiteri - triatleta ewlieni f'pajjiżna li għandu l-għan ewlieni li jirrapreżenta lil pajjiżna f'dan l-isport li tant iħobb mat-tim nazzjonali f'kompetizzjoni uffiċjali

Kif tħajjart tibda t-triathlon? Bdejt minn xi sport ieħor?

Qabel bdejt il-multisport kont għamilt numru ta' snin nilgħab ir-rugby tant li kont wasalt anke sabiex nintgħażel mill-kowċ nazzjonali Damian Neill sabiex inkun parti mill-Malta Select Team, li kien ikun grupp ta' plejers li jidhirlu li għandhom potenzjal sabiex jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali.

Biss din il-ħolma spiċċat ħesrem minħabba li kont weġġajt irkoppti serjament waqt waħda mil-logħob lokali. Tant li meta ġejt operat irriżulta li kelli cruciate kompletament imċarrat. Kien hemm li ġejt affrontat b'deċiżjoni ferm diffiċli dak iż-żmien. 

It-tabib kien qalli li sabiex nerġa' nilgħab ir-rugby, irrid nerġa' nopera ruħi, u apparti li r-riabilitazzjoni kienet tinvolvi ħafna xhur, xorta ma kienx hemmx garanzija li tirnexxi. Biss imbagħad qalli li alternattivament nista' ma noperax ruħi u nżomm il-muskolatura ta' sieqi b'saħħitha u nevita attività fiżika li tinvolvi moviment laterali bħal mhu r-rugby u minflok nagħmel sport li jinvolvi moviment fid-dritt. Bħala eżempji semmieli l-għawm, ir-rota u l-ġiri.

U kien hemm li jien iddeċidejt li nagħlaq il-kapitlu tar-rugby u nibda wieħed ġdid fit-triathlon u multisport.

X'tinvolvi eżatt it-triathlon?

It-triathlon huwa sport li jinvolvi tliet dixxiplini sportivi: l-għawm, iċ-ċikliżmu u l-ġiri illi kull atleta jrid jagħmel waħda wara l-oħra f'dik l-ordni fl-inqas ħin possibbli.

X'unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek?

It-tieni post fill-Mochika Multisport Series 2015 u fil-Corporate Team Relay fl-2016 bhala parti mit-tim Outdoor Living Malta; rebbieħ overall tall-Agones SFC Adventure Race fl-2015 u l-2016 flimkien ma' Justin Gauci u Ackerley Hili rispettivament, it-tielet post fil-kategorija waqt l-Ocean Lava 2016; rebbieħ fil-kategorija over 30 fil-Malta National Triathlon Championships tal-2017; it-tielet post fil-kategorija waqt l-Ocean Lava Malta (1.9km għawm / 90km rota / 21km ġiri) u l-ewwel fil-kategorija fi 2018 Spoleto Urban Trail (21km ġiri).    

Ilkoll nafu kemm it-triathlon huwa sport li fih trid tkun aġli immens. X'tikkummenta?

Huwa veru speċjalment waqt il-fażi ta' transizzjoni bejn dixxiplina u oħra. Tant hu hekk, illi atleti jagħmlu anke taħriġ speċifiku fuq din il-parti tat-tellieqa sabiex it-transizzjoni jagħmluha fl-inqas ħin possibbli.

Ġieli sofrejt xi injury f'dan l-isport?

Iva. Darba sofrejt tailbone injury waqt waqgħa bir-rota. Sfortunatament, din ġrat fl-istess sena li kont eleġibbli li nikkompeti bħala National Over 30 Age Grouper, u tlift iċ-ċans li nikkompeti fl-ETU European Championships ġewwa Glasgow fl-Iskozja fl-2018.

Huwa minnu li dan l-isport jinvolvi ħafna injuries?

Kull min jagħmel l-isport huwa suġġett għall-injuries. Biss min jitħarreġ bil-għaqal u jsegwi l-pariri ta' min ikollu iktar esperjanza (bħal kowċ pereżempju) u jkun jista' għall-inqas jevita injuries ikkawżati minn overtraining.

X'sagrifiċċji u impenn jinvolvi dan l-isport?

Minħabba l-fatt li jinkorpora tliet dixxiplini, ikollok tiddedika ħafna ħin sabiex titħarreġ f'kull waħda minnhom. Fattur ieħor huwa wkoll illi mhuwiex sport irħis minħabba li l-ispejjeż huma tripli minħabba l-ammont ta' dixxiplini. Barra minn hekk, iktar ma tilħaq livell għoli dejjem trid tara kif tista' dejjem ikollok l-aħjar apparat u fejn tista' tagħmel upgrades bħal pereżempju fil-komponenti tar-rota.

Rigward riżorsi biex titħarreġ dan l-isport hemm biżżejjed f'pajjiżna meta kkumparati ma' pajjiżi oħra?

Minħabba l-fatt li ninsabu fuq gżira mhux daqshekk kbira, ninsabu daqsxejn limitati sabiex nitħarrġu bir-rota. Pereżempju m'għandniex meded twal ta' toroq jew inkella muntanji fejn kieku tagħmel ċertu tip ta' taħriġ li jiswik imbagħad għat-tlielaq. Mill-banda l-oħra nistgħu ngħidu li ċ-ċokon tagħna mbagħad jaħdem favurina sabiex ngħumu fil-baħar, għax dejjem nistgħu nagħżlu l-aħjar bajja fejn immorru ngħumu skont it-temp tal-ġurnata.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f'dan l-isport li tant tħobb?

Jien il-ħolma tiegħi dejjem tibqa' illi nirrappreżenta lil Malta f'kompetizzjoni sportiva mat-tim nazzjonali. Fill-passat, kont kważi wasalt bir-rugby. Issa nittama li eventwalment inkun nista nagħmel dil-ħolma realtà bit-triathlon jew b'xi waħda mid-dixxiplini li nipprattika issa.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal jew żgħażagħ li qed jitħajru jagħmlu karriera f'dan l-isport tat-triathlon.

Jien ngħidilhom jagħmlu kuraġġ u ma jaqtgħux qalbhom. Biss jekk se jidħlu għal dan l-isport biex jilħqu ċertu livell ta' kompetittività, iridu jkunu ppreparati li jagħmlu sagrifiċċji kbar, iżda s-sodisfazzjon u l-'feel good factor' li jagħtik, jagħmlu dawk is-sagrifiċċji kollha vallapena. Nixtieq nirringrazzja u nsellem lill-kowċ David Galea u sħabi ta' Team David kif ukoll l-isponsors tiegħi Dr. Juice (Malta), Mochika - Outdoor Life, Rosemont (Malta), HEAD Swimming by Subacqua Supplies & Services Ltd, PAPA's (Siġġiewi), MAYPOLE, Outdoor Living Malta - Teambuilding & Adventure u Can-Am powered by BRP Transport Malta.

More in Sports