'Se nagħmlu dak kollu possibbli sabiex niksbu riżultati tajbin'

Zeljko Anicic - esperjenza wiesgħa fil-futsal lokali u anke internazzjonali li wasslitu biex riċentement jinħatar bħala kowċ tat-tim nazzjonali tal-futsal

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

Bdejt nipprattika l-futsal mis-Serbja fejn ta’ spiss konna nilagħbu ġewwa kif ukoll barra. Hemmhekk lgħabt ukoll il-futbol ma’ diversi timijiet fiż-żona tiegħi. Ġejt anke nilgħab f’Malta iżda mbagħad qbadt il-futsal u bqajt f’dan l-isport tant sabiħ.

X’inhi d-differenza bejn il-futsal u l-futbol?

Jien ngħid li huma simili iżda fl-istess ħin differenti. Jixbhu lil xulxin minħabba li hemm il-ballun u l-lasti iżda differenti minħabba d-daqs tal-court u fuq kollox il-veloċità li biha jintlagħab dan l-isport. B’konsegwenza ta’ dan wieħed irid jieħu deċiżjonijiet ta’ malajr għax issib l-avversarju tiegħek lest sabiex jisraqlek il-ballun. Il-futbol jintlagħab b’ritmu iktar kajman mill-futsal u dan jagħmel l-affarijiet differenti.

Taħseb li wieħed jista’ jilgħab il-futbol u l-futsal fl-istess ħin?

Ħa ngħidu hekk ma nafx kemm tista’ tkun possibbli. Hemm taħriġ li ħafna minnu hu l-istess għalkemm fil-futsal ikollok iktar pussess tal-ballun.

Meta ġejt Malta liema kienu t-timijet li lgħabt magħhom?

Jien lgħabt ma’ żewġ timijiet. L-ewwel isseħibt ma’ Balzan Youths imbagħad mort ma’ Lija Athletic.

Kif  kienu dawn l-esperjenzi?

Kienu esperjenzi sbieħ u interessanti. Meta bdejt ma’ Balzan Youths, it-tim kien qed jilgħab fl-ewwel diviżjoni u kellu barrani wieħed biss. Ma kellniex staġun daqshekk faċli minħabba li kif nafu l-kampjonat tal-ewwel diviżjoni jkun dejjem bilanċjat u kumbattut.

Fl-istaġun ta’ wara mort ma’ Lija Athletic fejn ukoll lgħabt fl-ewwel diviżjoni. Hawnhekk ġejna promossi għall-kampjonat Premier u nista’ ngħid li kelli staġun ferm tajjeb. Is-sena ta’ wara ġejna relegati u kien hawnhekk li ddeċidejt li nieqaf mill-futbol milgħub. Minn hemm qbadt il-karriera tal-futsal fejn lgħabt ma’ Jeepers FC.

 

Kif tiddeskrivi l-bidu tiegħek fil-futsal Malti?

Jeepers kien tim ferm tajjeb u kont nieħu gost nilgħab magħhom. Dak iż-żmien il-futsal kien għadu jibda u kien jintlagħab barra. Aħna konna nilagħbu ħafna logħob fil-grawnd 5-a-side ta’ Ħaż-Żabbar. Dak iż-żmien kien hemm madwar 60 tim li kienu jieħdu sehem f’dan il-kampjonat maqsum f’erba’ diviżjonijiet. Bdejna mit-tielet diviżjoni u bqajna telgħin sal-ogħla kampjonat ta’ dak iż-żmien. Kelli ċ-ċans ukoll li nipparteċipa fil-FutsalCup Ewropea fl-Iżvezja. Madankollu dak kien żmien ieħor.

Taħseb li dak iż-żmien kien hawn iktar interess fil-futsal mil-lum?

Bla dubju li qabel kien hawn iktar interess. Ma tistax tikkompara dak iż-żmien ma’ dak tal-lum. L-affarijiet fil-preżent huma differenti. Illum għandna 12-il tim u kollha armati. Dak iż-żmien kien hemm diversi timijiet ta’ ħbieb u l-kampjonat kien miftuħ għal kulħadd. Illum il-ġurnata l-kwalità ta’ plejers u logħob hu ferm aħjar.

Int kont ukoll assistent kowċ ma’ Luxol. Kif tiddeskrivi dan iż-żmien?

Kienet esperjenza mill-isbaħ meta kont assistent kowċ ta’ Luxol. Kelli ħafna sodisfazzjon u rbaħna l-kampjonat. Irnexxielna wkoll naqbżu r-rawnd preliminari tal-UEFA FutsalCup. X irrid ngħid iktar? Esperjenza mill-aqwa.

Int kont ukoll assistent kowċ ma’ VicHermans fit-tim nazzjonali Malti. Kemm tgħallimt mingħandu?

Nista’ nistqarr miegħek li tgħallimt ħafna. VicHermans kien kowċ ferm intelliġenti li kellu għarfien kbir tal-logħba. Hu kien FIFA instructor u għalhekk jaf il-logħba tal-futsal sew.

Fil-verità jien kont ukoll assistent kowċ ma’ Mark Marlow u Peter Pullicino li wkoll taw il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ta’ dan l-isport f’pajjiżna.

X’inhi d-differenza li tara bejn li tkun kowċ u plejer tal-futsal?

Id-differenza hi kbira. Meta int tkun plejer, taħseb biss fuqek innifsek filwaqt li tagħti l-aqwa tiegħek waqt il-logħba. Xogħlok hu li timxi mat-tattika li jtik il-kowċ u l-bqija dak kollox.

Meta int tkun kowċ, l-istorja hi ferm differenti. Għandek ħafna preparamenti tas-sessjonijiet ta’ taħriġ u fuq kollox trid tkun kapaċi żżomm atmosfera tajba fid-dressingroom peress li jkollok plejers b’karattru differenti. Minkejja kollox, ir-rwol ta’ kowċ itik ħafna sodisfazzjon.

Taqbel mal-format tal-kampjonat Malti fejn hu maqsum bejn il-kategorija Elite u dak amateur?

Iva naqbel ma’ dan il-format. Kif għedtlek, il-kwalità ta’ logħob fil-kategorija Elite żdied ħafna u qed naraw futsal veloċi. Naqbel ukoll li nqasam għax qed nevitaw li naraw skors kbar bħal 23-0 jew 21- 5. Ix-xewqa ta’ kulħadd hu li nattiraw aktar klabbs tal-futsal li jagħmlu l-qabża fil-kwalità u b’hekk ikollna aktar konkorrenza u timijiet b’saħħithom.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-faċilitajiet li hemm fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke?

Fl-opinjoni tiegħi, il-faċilitajiet li hemm fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport huma tal-ogħla livell. Anke l-plejers jinsabu sodisfatti li mxejna mill-Padiljun Sportiv ta’ Kordin għal hemmhekk. Qabel kellna court li kien iebes, il-logħob kien kajman u fuq kollox il-post hu xi ftit antik. Issa verament qed inħoss li qed jintlagħab l-aqwa futsal. Anke meta xi tim partikolari jsiefer biex jikkompeti barra minn Malta, ma jkunx hemm dik il-qabża fil-post fejn ikun qed tintlagħab il-kompetizzjoni.

Issa li lħaqt kowċ tat-tim nazzjonali tal-futsal x’inhuma l-aspirazzjonijiet tiegħek?

Fil-verità jien kelli ċ-ċans li nilħaq kowċ nazzjonali wara li spiċċa Mark Marlow iżda fl-aħħar mill-aħħar ma qbilniex fuq xi affarijiet u għalhekk iddeċidejt li nibqa’ bħala assistent kowċ. Issa li ftiehmt mal-MFA dwar din il-kariga, ninsab ħerqan li nibda naħdem sabiex intejbu r-riżultati u l-wirjiet tagħna. Se nipprova nintroduċi xi plejers ġodda għax hemm bżonn. L-isfortuna hi li għandna numru limitat ta’ plejers li jilagħbu l-futsal. Irridu nattiraw aktar plejers jilagħbu din il-logħba tant sabiħa. Jien se nagħti sehmi sabiex dan kollu jseħħ.

Kont ferm kuntent li l-MFA uriet appoġġ sħiħ fija. Għandi responsabbiltà li nkompli fuq ix-xogħol tajjeb li għamel VicHermans. Kif għedtlek nixtieq li ntejbu r-riżultati tagħna.

Taħseb li l-MFA qed tagħti importanza lill-futsal lokali?

Jekk jirnexxielna nagħmlu dan il-proġett tat-tim ta’ taħt id-19-il sena, l-MFA lesta li tgħin mill-aħjar li tista’ sabiex tiżviluppa din il-logħba f’pajjiżna. Dan hu proġett ambizzjuż li fiduċjuż li se jitwettaq u b’hekk naraw żieda fil-parteċipazzjoni tal-plejers.

Issa qed tippreparaw għat-turnament internazzjonali li se jsir f’Jannar. Ma’ min se tkunu qed tikkompeti u kif miexja l-preparazzjoni?

Aħna se nkunu qed nipparteċipaw fir-rawnd ta’ kwalifika tal-UEFA Futsal EURO 2022. Aħna bħala tim nazzjonali tlajna biex nilagħbu fi Grupp C mal-Polonja, l-Iżvezja u l-Greċja. Għallinqas kellna x-xorti li se nkunu qed nospitaw dan it-turnament internazzjonali li se jsir bejn id-29 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2020. Se nkunu qed nerġgħu nilagħbu kontra l-Iżvezja wara li kienu rebħulna 5-1 ftit taż-żmien ilu.

Se nkunu qed nippreparaw bis-sħiħ għal dan it-turnament tant li mhux se jkun hemm logħob tal-kampjonat Elite matul ix-xahar ta’ Jannar. Għalhekk għandi xahar sħiħ inħarreġ il-plejers li se nsejjaħ u nkunu lesti naffaċċjaw lil dawn l-avversarji tagħna.

Hu veru li jkun hemm xi klabbs li forsi jgergru li t-tim nazzjonali jieħu xi plejers minn tagħhom iżda din hi xi ħaġa normali fil-pajjiżi kollha, anke fil-futbol.

Aħna min-naħa tagħna se nagħtu l-aħjar tagħna sabiex niksbu riżultati pożittivi.

Kemm taħseb li huma importanti t-training camps bħala tim nazzjonali?

Naħseb li t-training camps huma importanti għalkemm mhux faċli tagħmilhom b’mod frekwenti. Normalment il-kowċ tat-tim nazzjonali jkollu l-plejers tiegħu għal ftit żmien u jrid jagħmel mill-aħjar li jista’ sabiex jieħu l-massimu mis-sessjonijiet qosra ta’ taħriġ li jkollu.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk is-segwaċi tal-futsal sabiex jiġu jagħtukom is-sapport neċessarju waqt dawn il-logħob internazzjonali.

Il-fatt li se nilagħbu f’darna tiswa ħafna. Kif nafu s-sapport li nagħtu lill-plejers jiswa ħafna u għalhekk inħeġġeġ lid-dilettanti kollha tal-futsal sabiex jiġu jarawna u jtuna l-kuraġġ. Jien flimkien mal-plejers li se nsejjaħ se nagħmlu dak kollu possibbli sabiex niksbu riżultati tajbin.

More in Sports