'Il-futbol hija logħba li tgħaqqad u tagħti enerġija pożittiva'

Melania tgħid li hi kuntenta ħafna bir-rebħa ta' Birkirkara kontra Mġarr United fil finali tas-Super Cup

Melania Bajada - l-ewwel kowċ mara li mexxiet lil tim tal-futbol tan-nisa f'pajjiżna għar-rebħ tal-Kampjonat u li riċentement mexxiet lil Birkirkara FC għar-rebħ tas-Super Cup.

Kif nibtet fik l-imħabba lejn il-futbol?

Kont nilgħab il-futbol imbagħad meta bdejt nikkowċja dħalt aktar fil-fond għaliex tara lit-tfal itejbu l-livell tagħhom u jitgħallmu l-logħba.

X'tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Aħna l-għan tagħna hu li nagħmlu dak il-pass 'il quddiem billi nkomplu nirbħu u nitjiebu minn sena għall-oħra. Naħseb li sa issa mexjin tajjeb u se nkomplu naħdmu biex inkomplu mexjin u nilħqu l-għanijiet tagħna.

X'tikkummenta fuq l-isfida li mistennija jkollkom għar-rebħ tal-kampjonat minn Mġarr United u Swieqi United?

Jien naħseb li kemm Mġarr kif ukoll Swieqi li f'dawn l-aħħar logħbiet irranġaw ħafna se jkomplu jaħdmu wkoll u se jkunu ta' sfida tajba. Min-naħa l-oħra, aħna l-importanti li nkomplu niffukaw fuq xogħolna u nimxu logħba b’logħba biex ma nfallux punti u noħorġu l-aħjar logħob kontra dawn l-avversarji.

Tahseb li finalment se jirnexxilkom tirbhu l-Kampjonat?

Ma tantx nista' nirrispondi dwar il-futur imma li nista' ngħid li mexjin tajjeb u se nkomplu naħdmu bl-istess mod biex naslu għar-rebħ tal-kampjonat.

X'tikkummenta fuq ir-rebħ tas-Super Cup kontra Mġarr United? Qatt kont tistenna li tirbħu bi skor daqshekk kbir?

Ninsab kuntenta ħafna bir-rebħa u aktar bil-prestazzjoni tal-plejers! Ma kontx qed nistenna li konna se nirbħu b’dan l-iskor imma dejjem emmint li jekk aħna nemmnu u ma nibżgħux nilagħbu, konna se nirbħu! Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-plejers, kowċing staff u kumitat kollu ta' kulma jagħmlu għat-tim.

Kif tirribatti għall-kritika li ssir minn bosta persuni mhux biss f'pajjiżna, li l-futbol huwa biss addattat għall-irġiel u mhux għan-nisa, minħabba s-saħħa fiżika u l-aġilità partikolari li dan l-isport jirrikjedi?

Jien naħseb li min qed isegwi l-futbol tan-nisa fil-gżira tagħna jista' jara li l-livell qed jogħla ħafna. Qabel dejjem kienu dejjem l-istess żewġ timijiet, illum hemm Mġarr United, Kirkop United u Swieqi United li qed itejbu l-livell tagħhom u żgur li fi ftit snin oħra l-kampjonat mhux se jibqa' jiġi missielet bejn żewġ timijijet biss.

X'tikkummenta fuq wieħed mill-imħuħ wara l-qawmien tal-futbol tan-nisa f'dawn l-aħħar snin f'pajjiżna, li huwa wkoll l-eks kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa, u li preżentament qed jokkupa l-kariga ta' Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa lokali, Pierre Brincat?

Pierre Brincat kien il-bniedem li nibbet fija l-imħabba għall-kowċing. Huwa bniedem iddedikat ħafna u jaħdem b’serjetà kbira. Għandu ideat tajbin ħafna u bis-saħħa tiegħu u tal-istaff tiegħu, il-futbol fit-tfajliet qed jikber minn ġurnata għall-oħra.

Hemm xi logħbiet memorabbli ma' Birkirkara FC li jibqgħu mmarkati b'ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek sa issa?

Żgur li l-aktar logħba memorabbli se tibqa' dejjem meta rbaħna l-kampjonat bl-iskor ta' 4-1 kontra Hibernians, kif ukoll il-finali tan-knock out kontra Mġarr United fejn wara li waqt l-għoti tal-penalties konna 2-0 minn taħt irnexxielna ndawru r-riżultat favurina u rbaħna aħna.

X'tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-akbar ġid tal-football tan-nisa f'pajjiżna jew tħoss li tista' tagħmel iktar?

Naħseb li dawn l-aħħar snin qed jaħdmu tajjeb, iżda żgur li dejjem hemm post fejn nistgħu ntejbu l-livell tagħna. Imma naħseb li fil-futur ġejjieni l-futbol tan-nisa f'pajjiżna se jagħmel qabża kbira ta' kwalità.

Tikkunsidra l-possibiltà li fil-futur tmur tikkowċja xi tim barra minn Malta?

Nimxi ġurnata b’ġurnata, imma iva jekk tiġini opportunità fil-futur hija x-xewqa tiegħi li nkompli fuq il-kowċing.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma' Birkirkara? Il-futur tiegħek huwa wieħed esklussivament mal-Istripes, jew tikkunsidra li fiż-żmien li ġej tħalli lil dan il-klabb, biex tmexxi xi tim ieħor bħala kowċ?

Nixtieq naħdem tajjeb ma’ dan it-tim biex inkomplu ntejbu aktar il-livell mis-settur taż-żgħar sal-kbar. Jien nemmen ħafna fin-nursery u żgur li se nagħmel li nista' biex nara n-nursery tkompli tikber.

 

Tħoss li l-media sportiva f'pajjiżna tesponi biżżejjed lill-futbol tan-nisa, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prinċipali u importanti, li fihom ikun involut it-tim nazzjonali tan-nisa?

Il-media tjiebet ħafna għaliex qed tagħti informazzjoni tajba dwar il-futbol tan-nisa f'pajjiżna, iżda naħseb li logħob bħall-finali jistgħu jintwerew b'mod dirett fuq it-televixin.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew jieħdu bis-serjetà l-futbol, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġġuhom jagħmlu dan.

Nixtieq nibgħat messaġġ lil dawk it-tfajliet li għandhom xewqa li jilagħbu l-futbol biex ma jaqtgħux qalbom u jingħaqdu ma’ nursery f’età żgħira biex b’hekk ikunu jistgħu dejjem itejbu l-livell tagħhom. Lill-ġenituri nixtieq ngħidilhom biex jinkoraġixxu lit-tfal tagħhom biex jittrasformaw il-ħolm tagħhom f'realtà. Il-futbol hija logħba għas-subien u anke għat-tfajliet. Hija logħba li tgħaqqad u tagħti enerġija pożittiva.

More in Sports