Malta Mini-Football: White Eagles u Titans iżommu rekord perfett

B’kollox ġew skurjati 35 gowl fl-erba’ partiti li ntlagħbu fil-grawnd tal-Marsa

Hekk kif intlagħbet it-tielet ġurnata tal-Malta Mini-football League, White Eagles u Titans baqgħu jżommu rekord perfett tal-bidu tal-istaġun meta fi tmiem din il-ġimgħa rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom.

Mill-banda l-oħra, it-tim ta’ Moon ħadu l-ewwel punti tal-istaġun wara rebħa tajba li kellhom fuq Mighty Knights sabiex eventwalment laħquhom fil-klassifika.

Wara din it-tielet ġurnata wieħed jista’ jkompli jara kemm il-livell f’dan it-turnament hu wieħed ferm għoli b’diversi logħob sabiħ li qed ikollna.

B’kollox ġew skurjati 35 gowl fl-erba’ partiti li ntlagħbu fil-grawnd tal-Marsa.

White Eagles baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika wara rebħa missielta u diffiċli kontra United Stars bl-iskor ta’ 5-4. Kienet logħba ferm ibbilanċjata u akkanita għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu l-White Eagles li daħku l-aħħar daħka.

Zoran Breberina kien awtur ta’ żewġ gowls filwaqt li Nenad Nikolic, Nemanja Novovic u Darko Zivkovic għaqqdu ċ-ċinkwina għal White Eagles.

Għall-United Stars, li kellhom wirja tajba ferm, sabu x-xibka Kevin Sammut, Luke Camilleri, Leontiev Konda u Sead Hoxha.

Anke Titans komplew bis-sensiela ta’ riżultati pożittivi meta għelbu lil Club de Swat 11-5. Dawn tal-aħħar għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom wara tliet logħbiet.

Titans kellhom lill-attakkant Bledi Alla f’forma mill-aqwa meta skurja xejn inqas minn ħames gowls. Emerson Vella wkoll kien protagonista meta skurja hat-trick filwaqt li Lamis Jarra skurja doppjetta. Nelson Correia għaqqad il-11-il gowl għal Titans.

Club de Swat skurjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ ShamshadAm u AlwinBabu.

Wara żewġ telfiet konsekuttivi, Moon kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Mighty Knights 8-5. Kienet wirja mill-aqwa ta’ dan it-tim li kien determinat li jikseb l-ewwel suċċess staġjonali.

Geoffrey Chaveau u Juan Navarro skurjaw tliet gowls kull wieħed filwaqt li Mathieu Verdonck u James Noona żiedu aktar gowls għal Moon.

Mighty Knights sabu x-xibka permezz ta’ Massimo Grima (3 gowls), Paul Bugeja u Sheldon Seychell.

Finalment Churchill Wise Guys kisbu t-tieni rebħa staġjonali wara riżultat pożittiv ta’ 5-2 fuq Buda. Anke dawn tal-aħħar għadhom bla punti fil-klassifika.

Churchill Wise Guys kienu determinati li jħassru t-telfa ta' qabel kontra United Stars u ħarġu mal-ewwel fuq l-attakk sabiex isibu l-gowl minn kmieni.

Shaun Bonello, Marcus Vinicius Araujo, Ryan Farrugia, Kane Valletta u Silas Caruana kienu l-iskorers għal Churchill Wise Guys.

Gjorgji Kovesi u Matyas Toth skurjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni għal Buda.

Wara li kulħadd lagħab tliet logħbiet din hi l-klassifika ta’ dan il-kampjonat:

White Eagles, Titans  9, United Stars, Churchill Wise Guys 6, Mighty Knights, Moon 3, Buda, Club de Swat 0.

More in Sports