'Kien test kbir għalija u issa qed inħares lejn il-ħajja b’lenti u perspettiva differenti' - Alfred Attard

Alfred Attard - kowċ b'esperjenza wiesgħa fil-futbol lokali u li tant għandu għal qalbu din il-logħba ferm sabiħa. Riċentement kien involut f'inċident ikrah tat-traffiku li iżda ħareġ rebbieħ minnu u li ġiegħlu jibda jħares lejn il-ħajja b'mod differenti

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Niftakar kelli dawk l-14-il sena meta ngħaqadt ma’ Birkirkara St Joseph bħala plejer. Madankollu minn dejjem kont dilettant tal-ballun għax il-familja tiegħi kienu litteralment iffissati fuq dan l-isport. Daqqa mmur il-grawnd, daqqa nilgħab ma’ sħabi logħba futbol u xi waqtiet nara xi logħba futbol fuq it-televixin. L-imħabba kbira lejn il-futbol kompliet tikber u tiżviluppa u nista’ ngħid li dan l-isport hu parti integrali minn ħajti.

Kellimni dwar l-esperjenzi li kellek bħala plejer.

Għamilt ħafna snin nilgħab ma’ Birkirkara fejn tajt l-aqwa tiegħi bil-flokk ta’ pajjiżi. F’dan iż-żmien kelli ċ-ċans nilgħab ukoll mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena. Anke hawn kienet esperjenza mill-isbaħ li tilgħab għal pajjiżek.

Fuq livell ta’ klabbs lgħabt ukoll ma’ Sirens FC u staġun f’Għawdex ma’ Qala St Joseph. L-aħħar żminijiet tiegħi bħala plejer ilbist il-flokk ta’ Balzan Youths FC. Imbagħad iddeċidejt li ndendel għalkollox iż-żarbun tal-futbol u niddedika ruħi għall-kowċing.

X’differenza tara li hemm bejn li tkun plejer u li tkun kowċ?

Hemm differenza kbira bejn li tkun plejer u li tkun kowċ. Li tkun plejer għandu s-sabiħ tiegħu minħabba li tkun il-protagonista waqt il-logħba. Xogħlok hu li titħarreġ bl-akbar serjetà u tipprova tilgħab tajjeb waqt xi logħba.  Madankollu meta tkun kowċ, hemm sodisfazzjon enormi involut. Għandek grupp ta’ nies li trid issib l-aqwa ingredjent biex tgħaqqadhom flimkien.

Minkejja kollox irid ikollok responsabbiltà kbira ma jiddispjaċini xejn li qbadt din il-linja. Issa ili 25 sena nagħmel dan ix-xogħol u jien u nħares lura nara ħafna pożittiv.

Liema kienu dawk it-timijiet li kkowċjajt?

Bħala klabbs kont fit-tmexxija tal-minors ta’ Balzan FC u Birkirkara FC. Bdejt nikkowċja lit-timijiet tal-kbar fis-sena 2005 meta kont fit-tmun ta’ Santa Venera Lightnings fejn għamilt żewġ staġuni u ksibna wkoll il-promozzjoni. Imbagħad mort ma’ Balzan Youths u hemmhekk ġejna l-ewwel tant li rreġistrajna għaxar logħbiet konsekuttivi ta’ rebħ. L-isfortuna kellha tkun dik li tlifna d-decider kontra Rabat Ajax.

Ma nistax ma niftakarx ukoll b’għożża ż-żmien li qattajt bħala assistent kowċ ma’ Sliema Wanderers fejn hemmhekk irbaħna t-trophy.

Imbagħad kienu kkuntattjawni Żabbar St Patrick fejn għamilt żewġ staġuni u nofs u ħadna l-promozzjoni mit-tieni għall-ewwel diviżjoni. Segwew nofs staġun ma’ Marsaxlokk FC, żewġ staġuni maż-żgħażagħ ta’ Pieta’ Hotspurs, Żebbuġ Rangers, għal darb’oħra Żabbar St Patrick u finalment nofs staġun ma’ Mqabba FC. Kienu esperjenzi mill-aqwa li tgħallimt ħafna minnhom u li ma jiddispjaċini xejn li għamilt.

Taqbel ma’ 14-il tim fil-kampjonat Premier?

Ifhem inutli ngħidlek jekk naqbel jew ma naqbilx. Jien għandi fiduċja fin-nies li qed imexxu li riedu li tinbidel għal sistema ta’ 14-il tim. Dik hi t-triq ’il quddiem u għalhekk irridu naħdmu fuq li hemm.

Taqbel mal-11-il barrani fil-kampjonat Premier?

Jekk nitkellmu fuq il-ftit ċansijiet li jista’ jkollhom iż-żgħażagħ Maltin, ngħid li ma naqbilx. Madankollu kif diġà għedtlek, jien naqbel mal-inizjattivi l-ġodda li se tkun qed tintroduċi l-MFA u jien għandi l-unur ngħid li nappoġġjahom.

X’taħseb dwar it-tim nazzjonali Malti s’issa?

Ħa ngħidlek, nemmen li formula maġika m’hawn imkien. Wieħed forsi jagħmel pjanijiet għal tul ta’ żmien u forsi soluzzjonijiet oħrajn li huma għal ftit żmien.

Jien personalment nippreferi pjanijiet fit-tul iżda fis-sitwazzjoni ta’ transizzjoni li ninsabu fiha aħjar nibdew naħsbu bil-mod sakemm nersqu lejn l-objettivi tagħna.

Kemm għandek fiduċja fil-president il-ġdid tal-MFA Bjorn Vassallo?

Għandi fiduċja assoluta fil-president il-ġdid Bjorn Vassallo u anke l-viċi-presidenti kollha eletti. Prattikament id-diriġenza kollha li qed jaħdmu għal għan wieħed; il-ġid tal-futbol Malti. Nemmen li hemm taħlita tajba bejn nies stabbiliti u oħrajn li huma emerġenti. Dan kollu juri li se jkun hemm sinerġija tajba bejn dawk kollha involuti fl-amministrazzjoni ta’ din l-ogħla assoċjazzjoni tal-futbol Malti.

Ma nistgħux ma nitkellmux fuq l-inċident tat-traffiku li kellek ftit tal-ġimgħat ilu.

Nixtieq nirringrazzja lil kull persuna li għamlet kuntatt miegħi permezz tal-media soċjali. Nista’ ngħid li kien hemm eluf kbar ta’ nies li bagħtuli messaġġi ta’ kuraġġ u minn hawn verament inroddilhom ħajr. Nirringrazzja wkoll lill-familjari tiegħi kif ukoll lill-membri tat-tim tal-programm ‘L-Argument’ li jixxandar fuq ONE TV li għenuni bis-sħiħ. Dawn l-istess ħbieb li ħafna minnhom nafhom u oħrajn li ma nafhomx, tawni kuraġġ nibni tama ġdida. Issa qed nirkupra bil-mod. L-għan tiegħi hu li nkompli miexi ’l quddiem u hekk se nagħmel.

Jien bħala bniedem inħobb ħafna napprezza l-ħajja u nista’ ngħid li s’issa gawdejtha mill-aħjar li stajt. Wara dak li ġrali, nista’ nistqarr miegħek li qed naraha b’lenti u perspettiva differenti. Ngħidlek li dan kien test kbir għalija minn dawk is-46 sena ta’ qabel.

Kif għedtlek, għamilt kuraġġ kbir minn din l-imħabba li wrew in-nies lejja. Naħseb li huma kienu s-saħħa sabiex illum ninsab fejn ninsab.

L-isport ibiegħdek minn kull vizzji koroh li b’xorti ħażina hi miżgħuda biha d-dinja u jtik skop kbir f’ħajtek"

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Bħalissa ngħidlek il-verità m’iniex naħseb fuq kowċing minħabba li qed nirkupra bil-mod il-mod. Hemm ħafna affarijiet li qed ixekkluni biex nerġa’ nasal għal dan il-pass. Hemm elementi fiżiċi li għad iridu jiġu analizzati. Jien se nagħmel minn kollox biex nirkupra fiżikament u nieħu l-pariri tat-tobba li tant qed jieħdu paċenzja bija.

Minkejja kollox, nista’ ngħidlek li l-futbol mhux se nitilqu. Qed inħares lejn proġetti nazzjonali u rrid nibqa’ nagħti sehmi sabiex ngħin fl-iżvilupp tal-futbol f’pajjiżna. Jien għandi ċerti prinċipji li qed inħaddan u li nixtieq li nwettaq ħalli meta jgħaddu 15 jew 20 sena oħra ma ngħidux li ħlejna ż-żmien. Għalhekk nixtieq li ċerti proġetti jitwettqu u se nagħmel ħilti sabiex ngħin għall-iżvilupp tagħhom.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li fih tispjega kemm hu importanti l-futbol u l-isport inġenerali fis-saħħa tal-bniedem.

M’hemmx dubju li l-isport inġenerali, mhux biss il-futbol jgħinek għal ħafna affarijiet. L-ewwel u qabel kollox jgħinek fuq livell fiżiku u emozzjonali iżda barra minn hekk itik għajnuna kbira fuq livell soċjali. Jien fil-karriera tiegħi f’dan l-isport l-ewwel bħala plejer imbagħad bħala kowċ, għamilt ħafna u ħafna ħbieb li għenuni ferm fil-maturità tiegħi bħala individwu.

Bħal f’kull tim ikollok l-argumenti iżda dawn huma normali. Jekk imbagħad int tiddiskuti fl-aħħar mill-aħħar tasal għall-kompromess dejjem.

Fl-aħħar nett l-isport ibiegħdek minn kull vizzji koroh li b’xorti ħażina hi miżgħuda biha d-dinja u jtik skop kbir f’ħajtek.

Ipprattika xi tip ta’ sport sabiex trabbi karattru, fiżikament tħossok ferm aħjar u tkabbar iċ-ċirku soċjali tiegħek"

B’hekk il-messaġġ huwa wieħed. Ipprattika xi tip ta’ sport sabiex trabbi karattru, fiżikament tħossok ferm aħjar u tkabbar iċ-ċirku soċjali tiegħek.

More in Sports