'Dejjem inħobb nara l-pass li jkun imiss u nimxi aktar ’il quddiem'

Carlo  Mifsud - viċi-president ġdid tal-ASA li tant iħobb il-logħba tal-waterpolo u żgur li se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex din il-logħba tkompli tikber fil-popolarità f'pajjiżna. Fil-passat riċenti okkupa wkoll il-kariga ta' Segretarju ta' San Ġiljan ASC

'Dejjem inħobb nara l-pass li jkun imiss u nimxi aktar ’il quddiem'

Carlo  Mifsud - viċi-president ġdid tal-ASA li tant iħobb il-logħba tal-waterpolo u żgur li se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex din il-logħba tkompli tikber fil-popolarità f'pajjiżna. Fil-passat riċenti okkupa wkoll il-kariga ta' Segretarju ta' San Ġiljan ASC.

"L-isport hu importanti għal kulħadd għax jagħtik dak is-sodisfazzjon filwaqt li jżommok b’saħħtek mhux biss fiżikament iżda wkoll mentalment"

"Hemm bżonn li tinħoloq akkademja fejn ikun hemm mhux biss korsijiet tar-referis iżda wkoll korsijiet tal-kowċing"

 

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Niftakar li bdejt nilgħab ta’ 12-il sena ma’ San Ġiljan, qed ngħidu 35 sena ilu. Jien waqaft ta’ età żgħira ħafna minħabba li kelli 19-il sena. Ħames snin ilu dħalt fil-kumitat ta’ San Ġiljan u erba’ snin ilu ġejt maħtur bħala s-segretarju tal-klabb.

X’inhi d-differenza li tara bejn li tkun plejer għal dik li tkun segretarju ta’ klabb?

Hemm differenza kbira minħabba li bħala plejer xogħlu hu li jitħarreġ filwaqt li s-segretarju għandu l-piżijiet u r-responsabbiltajiet kbar. Is-segretarju għandu rwol importanti ħafna fil-klabb, l-istess bħalma huma kruċjali rwoli l-oħra fil-kumitat.

X’ħajrek li tkun viċi-president tal-ASA?

Inqis ruħi bħala bniedem ambizzjuż. Dejjem inħobb nara l-pass li jkun imiss u nimxi aktar ’il quddiem. Ħassejt li fl-ASA hemm bżonn li jinbidlu xi affarijiet. Nemmen li jekk ikun hemm nies ġodda, se jkun hemm entużjasmu ġdid u nippruvaw intejbu l-affarijiet. Minkejja kollox, ngħid li din l-assoċjazzjoni għamlet affarijiet tajbin.

Waqt il-logħbiet ta’ San Ġiljan kont narak grintuż, b’mod partikolari fuq il-kontroll tar-referis. Kif qed tħossok issa li ma tistax turi l-emozzjonijiet tiegħek fil-kariga l-ġdida tiegħek?

Jien nemmen li kapaċi nżomm id-distakk f’dan ir-rwol u nħalli barra ċerti emozzjonijiet. Minkejja kollox jien Ġiljaniż kont, għadni u nibqa’. Fil-ħajja professjonali trid tara x’inhuma l-limiti tiegħek. Nemmen li l-affarijiet jistgħu jimxu ’l quddiem. Għalhekk dieħel għal din il-kariga. L-għan tiegħi hu li niżviluppaw l-isport kollu akwatiku mhux biss il-waterpolo.

Taħseb li r-referis Taljani li jiġu jikkontrollaw il-logħob lokali tal-waterpolo huma ta’ livell?

Jien xi kultant ngħid li l-uffiċjali Maltin huma aħjar minnhom. Trid tqis ukoll li Malta kienet l-ewwel pajjiż li adottajna r-regoli l-ġodda u r-referis Taljani għadhom mhux imdorrijin bihom. Dan kollu deher waqt il-logħob tas-sajf fejn l-uffiċjali Maltin kienu marru l-korsijiet u għalhekk kienu jafu x’se jsibu quddiemhom. Il-problemi dehru fir-referis Taljani għax dawn l-istess regoli ma kinux jafuhom.

Taħseb li hawn ftit referis Maltin?

Iva sfortunatament l-għażla ta’ referis Maltin naqset ferm. L-għan tagħna bħala assoċjazzjoni hi li rridu naraw kif nattiraw uffiċjali ġodda. Waħda mill-ideat tiegħi hi dik li plejers ta’ taħt il-15-il sena jieħdu l-kors ta’ referì forsi jekk ma jħossux li għandhom ikomplu jilagħbu, tal-anqas ikomplu bħala uffiċjali tal-logħba.

Għalhekk hemm bżonn li tinħoloq akkademja fejn ikun hemm mhux biss korsijiet tar-referis iżda wkoll korsijiet tal-kowċing. Dawn l-affarijiet għadhom ma jeżistux u huwa għalhekk li għandi f’moħħi li noħolqu struttura sabiex dawn l-ideat jkunu jistgħu jiġu attwati.

Int għandek xogħol ta’ importanza kbira fis-soċjetà Maltija. Kif se tlaħħaq ma’ din il-kariga ġdida li għandek kif ukoll max-xogħol?

Jien bniedem organizzat u nemmen li jekk inqassam il-ħin sew jirnexxili nlaħħaq.

Xi tgħidli dwar il-pixxina nazzjonali u l-ftit spazju li jkun hemm biex titħarreġ?

L-ewwel u qabel kollox naħseb li l-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq għandha tgħaddi f’idejn l-ASA. Diġà kellna xi diskussjonijiet f’dan ir-rigward u kellimna xi ministri u segretarji parlamentari. Issa li hawn il-liġi tal-kummerċjalizazzjoni kieku nistgħu nużawha bl-aħjar mod possibbli. Jien tal-opinjoni li hemm spazju għal żewġ pixxini indoor u nużawha anke biex xi timijiet barranin jiġu jagħmlu xi trainingcamps f’pajjiżna. Dawn huma kollha ideat importanti li jgħinu fl-iżvilupp tal-isport akwatiku f’pajjiżna.

Semmejt l-indoor pool. Ilu jissemma dan il-proġett.

Fil-verità dan hu proġett tal-Gvern. Aħna bħala assoċjazzjoni akwatika u l-klabbs fi ħdanha ftit għandna x’naqsmu miegħu. Naf li nfetħu t-tenders iżda issa rridu naraw il-proċess tagħha.

Taħseb li hemm biżżejjed sigurtà fil-pixxina nazzjonali?

Fl-opinjoni tiegħi nara li iktar ma jkollok sigurtà u ruxxmata pulizija iktar toħloq tensjoni fost l-ispettaturi. Jien ma nemminx li għandna problemi bis-sigurtà fil-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq.

Xi tgħidli dwar it-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Karl Izzo?

Ngħidlek illi dan il-kowċ flimkien ma’ dawk kollha involuti għamlu affarijiet kbar b’mod partikolari li rnexxielhom jikkwalifikaw għall-kampjonat Ewropew għal darb’oħra. Issa li ninsabu fil-fażi finali ta’ Budapest għandna t-tama li ntejbu l-pożizzjoni tagħna u nemmen li mat-Turkija għandna ċ-ċans nieħdu xi punti.

Kellek iċ-ċans li tkellem lis-sur Joe Caruana Curran?

Iva diġà tkellimt miegħu. Mal-ewwel urejtu x-xewqa li jkolli din il-kariga. Hu ma kellux problemi b’dan kollu minħabba l-fatt li fil-passat konna diġà ħdimna flimkien u għandna relazzjoni tajba ħafna. Għalhekk se nkunu qed naħdmu spalla ma’ spalla flimkien.

X’se jkun ir-rwol il-ġdid tiegħek?

Jien se nkun qed nieħu ħsieb l-iżvilupp u l-amministrazzjoni tad-dixxiplini kollha li jaqgħu taħt l-ASA.

X’inhuma d-dixxiplini li għandkom fi ħdankom?

Hemm l-għawm inġenerali, għawm sinkronizzat u ma ninsewx ukoll dak li bl-Ingliż jissejjaħ “Open Sea Swimming”. Dawn huma tip ta’ dixxiplini li se nkun qed nieħu ħsieb. Nixtieq li ċerti dixxiplini jkunu iktar magħrufa sabiex inkabbru mhux biss il-parteċipazzjoni iżda wkoll il-popolarità. Xhieda ta’ dan hu l-għawm sinkronizzat. Din hi dixxiplina ferm interessanti u nixtiequ nattiraw iktar atleti għaliha.

Taħseb li hemm bżonn ta’ uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi?

Iva nemmen ħafna li hemm bżonn inxerrdu l-prodott tagħna aktar u aktar. Din hi waħda mill-ewwel affarijiet li beħsiebni nagħmel. Illum il-ġurnata għandna l-midja soċjali li hi importanti u mezzi bħal Facebook u aġġornament ta’ sit tal-internet saru wisq importanti. Nara li b’dawn l-affarijiet tattira ħafna nies. Naf li hemm żewġ stazzjonijiet televiżivi li jagħmlu l-programmi tagħhom iżda hemm bżonn aktar.

Minkejja kollox, fil-kampjonat tas-sajf tal-waterpolo tara l-aqwa plejers fid-dinja li jiġu jilagħbu hawn.

Iva veru. Sabiħ li jkollok dawn il-plejers anke għax it-tfal tagħna jitħarrġu magħhom u għandhom ħafna x’jitgħallmu minnhom.

Madankollu rridu naraw kemm qed nieħdu u x’qed nieħdu minn dawn il-barrani. Il-mistoqsija hi waħda; ikollna barrani wieħed jew tnejn jilagħbu fil-pixxina? Qed ngħid dan għax l-ispejjeż kibru u wieħed għad irid jara jekk hux qed iħallu l-frott mixtieq.

Fuq lat ta’ spettaklu m’hemmx xi ngħidu dawn huma plejers li rebħu ħafna mat-timijiet nazzjonali rispettivi.

Iżda int favur jew kontra żewġ barranin?

Bħala klabb ta’ San Ġiljan nista’ ngħidlek li konna ressaqna emenda fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li jekk ħa nibqgħu b’żewġ barranin, wieħed minnhom ikun plejer ta’ taħt l-20 sena u mhux xi plejer kbir. Nerġa’ ntenni, l-ispejjeż kibru wisq. Fl-aħħar mill-aħħar inħoss li mhux nieħdu biżżejjed minn dawn il-plejers.

X’taħseb dwar il-waterpolo tan-nisa f’pajjiżna?

Ifhem ninsabu sodisfatti li għandna sitt timijiet. Jien għamilt proposta sabiex ikun kampjonat tax-xitwa ddedikat lin-nisa wkoll. Dan minħabba l-fatt li huma jilagħbu fis-sajf biss u nemmen li rridu nagħtuhom iċ-ċans jilagħbu fix-xitwa wkoll.

Taħseb li n-nurseries jew akkademji tal-waterpolo lokali huma b’saħħithom biżżejjed?

Meta tara timijiet bħal Sliema, Sirens u San Ġiljan li jmorru tajjeb u jiksbu suċċess barra minn Malta nara li qed jagħmlu xogħol tajjeb. Fl-opinjoni tiegħi rridu ninvestu iktar f’dawn in-nurseries sabiex nieħdu l-potenzjal kollu tagħhom.

Kemm tgħallimt f’dawn l-aħħar snin kemm ilek involut fil-waterpolo f’karigi oħra?

Titgħallem ħafna affarijiet partikolari. Kont inkun preżenti anke fl-appelli li kienu jsiru. Jien nemmen li l-kummissarju u l-proċess dixxiplinari għandu bżonn jinbidel. Nirringrazzja lil Duncan Bonello li nafu kemm għamel ħidma sfiqa.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ dwar l-importanza tal-isport akwatiku u anke dwar dixxiplini oħra inġenerali.

L-isport hu importanti għal kulħadd għax itik dak is-sodisfazzjon filwaqt li jżommok b’saħħtek mhux biss fiżikament iżda wkoll mentalment. L-għan tagħna hu li mmexxu ’l quddiem dan l-isport li tant qed jagħmel suċċess. Hemm bżonn ta’ iktar riżorsi u fuq kollox tfal li jmorru jilagħbu barra minn Malta.

More in Sports