Minn Strada Stretta għall-isport li jagħtiha tant sodisfazzjon...

L-illum.com.mt titkellem ma' Doriana Portelli dwar Strada Stretta, imma wkoll dwar l-imħabba tagħha għall-isport...

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-fencing?

Il-fencing bħala sport minn dejjem niftakarni kien ikun l-iktar ħaġa li nkun qed nistenna f’kull Olimpjadi. Iktar ma narah iktar kienet iżżid fija x-xewqa li jien nipprattika dan l-isport. U jien rasi iebsa u jekk indaħħal fellus f’rasi li rrid nagħmel xi ħaġa, nibqa’ nibqa’ sakemm nasal għaliha.

Tħoss li Malta hija attrezzata biżżejjed biex isiru kompetizzjonijiet ta' ċertu livell ta' dan l-isport?

Bħal kwalunkwe sport ieħor biex torganizza kompetizzjonijiet ta’ ċertu livell trid tkun mija fil-mija attrezzat u trid finanzi kbar.U f’kultura sportiva bħal dik Maltija fejn donnu l-futbol biss huwa importanti, ikun daqsxejn diffiċli minħabba nuqqas ta’ finanzi li wieħed ikompli jespandi kif ikun jixtieq. B’dak li hemm xorta nħoss li qiegħed isir miraklu u hemm livell li bħala Maltin għandna nkunu kburin bih.

Dan l-isport kif jgħinek fis-segwenti?

- Karattru

Karatterjalment, il-fencing jgħinni biex inkompli nsaħħaħ id-determinazzjoni li hemm fija. Il-fencing f’ħajti jirrapreżenta l-fatt li meta wieħed ikun verament jixtieq jasal jagħmel xi ħaġa, m’għandu qatt jaqta’ qalbu u jemmen li ħa jirnexxi. B’dik il-filosofija nemmen li l-karattru tiegħi komplejt insaħħu għaliex il-fencing huwa prova ċara ta’ dan kollu li għadni kif għidt.

- Psikoloġikament

Psikologikament, jgħinni negħleb ħafna ostakli. Nemmen li mhux il-fencing biss imma kull sport jgħin biex niffaċjaw il-ħajja bil-problemi li tista’ ġġib magħha, b’mod aħjar.

- Kunfidenza fik innifsek

Il-fencing huwa sport individwali. Jista’ jemmen kulħadd fik imma jekk ma temminx int stess fik innifsek għandek nofs il-battalja mitlufa. Fir-rebħ ovvjament il-kunfidenza tiżdied, però anki fit-telf din tista’ tissaħħaħ, fejn inti tagħraf fejn żbaljajt, taċċetta t-telf u tieħdu bħala spunt biex ittejjeb lilek innifsek. B’hekk anki fit-telf tkun qed issaħħaħ il-kunfidenza tiegħek billi temmen li dawn l-affarijiet jiġru fl-isport u li rridu biss nitgħallmu minnhom biex nimxu ’l quddiem bħala sportivi.

- Preċiżjoni

Il-preċiżjoni hija waħda mill-fatturi importanti f’dan l-isport, fejn għandek il-kompetitur ftit distanza biss 'il bogħod minnek u biex wieħed jirbaħ il-punti jrid biss ikun preċiż f’li qed jagħmel fl-azzjoni li verament tieħu ftit ħin.

- Relazzjonijiet ma' ħbieb u familjari

L-isport nemmen li eventwalment jgħinek biex inti tkun bniedem aħjar. Żgur jgħin biex wieħed ikun iktar rilassat mentalment u għalhekk iktar seren anki fil-kumpanija ta’ ħbieb u familjari.

M'ilux ħadt sehem f'esperjenza internazzjonali tal-fencing. Tina iktar dettalji.

Iva. Ta’ kull sena s-St Paul’s Fencing Club jitla’ Ingolstadt fil-Ġermanja fejn jipparteċipa bħala klabb f’dan l-Open fil-Foil, Epee’ kif ukoll Sabre. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħi fejn ikkompetejt barra minn pajjiżi, fejn għalkemm xtaqt ġibt riżultati aħjar, nifhem ukoll li l-ewwel wieħed irid jitgħallem jimxi qabel jiġri. Jiena bdejt il-fencing sena u tmien xhur ilu. Dan l-isport mhuwiex xi wieħed faċli però nemmen li b’iktar determinazzjoni u taħriġ kapaċi ntejjeb in-nuqqasijiet tiegħi u s-sena d-dieħla hija x-xewqa tiegħi li nerġa’ nipparteċipa f’din il-kompetizzjoni.

Int attriċi ewlenija f'Malta wkoll. Kif dħalt f'dan il-qasam?

Ir-reċtar minn dejjem kien ġo fija. Il-palk kont inħobbu immensament u dejjem kont issibni nieħu sehem f’xi Prize Day jew attività fl-iskola fejn kienet tinvolvi l-palk. Għamilt żmien twil anki kont nieħu sehem f’Pantos fejn is-sehem tiegħi kien iktar involut fiż-żfin. Iktar tard kont għamilt kors fejn kont ġejt imħarrġa minn John Suda fejn ressaqni wkoll fuq il-palk b’xogħol kbir bħalma hi ‘L-Medea’. Fl-2007/8 ddeċidejt li ninvesti ħini iktar fil-fond fejn jidħol reċtar u tħajjart nagħmel kors tad-drama mal-Freespirit fejn kont ġejt mgħallma minn Carlos Farrugia li llum il-ġurnata huwa wieħed mill-ħbieb kbar tiegħi u jimmotivani ħafna kull meta jkun meħtieġ. Iktar tard dik is-sena ġejt imħajra biex nagħmel audition għal 'Evanġelisti' fejn kien l-ewwel tentattiv tiegħi fejn jidħol reċtar fuq televiżjoni, u kien hemmhekk li ntgħażilt biex ninterpreta lil Cassandra f’'Evanġelisti'. Minn hemmhekk imbagħad qatt ma ħarist lura u bqajt niġi avviċinata biex ninterpreta rwoli differenti f’serje oħra Maltin.

Kif jgħinek ir-reċtar fil-ħajja inġenerali?

Permezz tar-reċtar niltaqa’ ma’ ħafna nies interessanti minn dan il-qasam li jkollhom għal qalbhom l-istess passjoni tiegħi. Għamilt ħafna ħbieb ġodda li llum il-ġurnata tista’ tgħid iffurmajt ħbiberiji sodi li ħafna minnhom b’xi mod jew ieħor jagħmlu parti importanti minn ħajti.

Irrakkontalna l-esperjenza tiegħek fid-drama lokali 'Strada Stretta'.

'Strada Stretta' hija waħda mill-iktar esperjenzi sbieħ ta’ ħajti fejn tatni ħafna lura sa mill-bidu nett. Ħdimt ma’ nies li tista’ tgħid kienu qishom it-tieni familja tiegħi għal dawn l-aħħar sentejn. Meta nħares lura, issa li spiċċat is-serje, inħossni ffortunata li kelli parti minnha u rwol u karattru li ħadt pjaċir ninterpretah. Kelli xeni kemmxejn diffiċli wkoll biex wieħed jinterpreta però dejjem sibt l-għajnuna tad-diretturi u l-atturi li ħdimt magħhom biex finalment dejjem ħareġ ir-riżultat mixtieq.

Naf li int issegwi mill-viċin ukoll il-futbol lokali fejn int partitarja ferventi ta' Valletta FC. X'tikkummenta fuq dan l-istaġun li jista' jitqies bħala wieħed diżappuntanti għall-Beltin? X'taħseb li mar ħażin għal Valletta FC?

Fuq dan l-istaġun tal-futbol Malti ntemm ftit tal-ġimgħat ilu, nista’ faċilment ngħid li kien hemm livell fejn it-timijiet komplew jersqu lejn xulxin. Il-Belt kienu ġejjin minn rebħ ta' kampjonat u matul dan l-istaġun ħabbtu wiċċhom ma' bosta problemi ta' plejers li ħallew il-klabb u oħrajn importanti ħafna li kienu mweġġgħa għal tul ta' żmien. Hija xi ħaġa diġà kbira li minkejja dan komplew sal-aħħar b'ċans li jerġgħu jirbħu l-Kampjonat. Il-Belt huwa klabb li kontra klabbs oħra li jikkuntentaw b'xi unur wara tant snin jippretendu dejjem li fl-aħħar tal-istaġun qisu bi dritt jintrebaħ xi unur prinċipali. Min ikun imdaħħal fl-isports jaf li fl-istess ħajja sportiva jiġu mumenti meta toħroġ rebbieħ u oħrajn li toħroġ tellief. Huwa f'dan il-mument li joħroġ il-kobor tiegħek għax filwaqt li tirrikonoxxi t-tajjeb li jkun għamel l-avversarju tkun lest li tqum malajr biex tkompli l-battalja tiegħek.

Titla' ssegwi lil Valletta fid-diversi stadia li fihom jilagħbu b'mod regolari?

Nitla’ nsegwi kull logħba dejjem fejn inkun nista’, għaliex bl-impenji tiegħi, dan mhux dejjem ikun possibli. Imma jekk fiżikament ma nkunx il-grawnd, moħħi u qalbi hemm ikunu, f’li jkun għaddej tul dawk id-90 minuta. Nemmen li sapporter mhuwiex dak biss li jitla’ l-grawnd. Nifhem li mhux għal kulħadd din tkun possibli ta’ kull ġimgħa. Però sapporter huwa dak li demmu jbaqbaq għall-arma li jemmen fiha, irrilevanti jersaq jew ma jersaqx lejn il-grawnd. Qed ngħid dan kollu għax ma rridx nagħti l-impressjoni li biex wieħed jissejjaħ sapporter denju jrid bilfors ikun preżenti fiżikament ta’ kull ġimgħa ġewwa Ta’ Qali.

Xi tfisser il-familja għalik?

Il-familja tfisser ħafna għalija. Il-familja hija mħabba, għaqda u dak il-fulkrum fejn kollox fil-ħajja ddur madwar. Il-familja għandha tkun hemm kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin u flimkien jitgawdew mumenti sbieħ u memorabbli kif ukoll jingħelbu diffikultajiet li kapaċi ġġib magħha l-ħajja.

Għandek xi idoli kemm fil-kamp sportiv kif ukoll f'dak tar-reċtar?

Fil-kamp sportiv l-idolu tiegħi huwa Javier Zanetti li baqa’ jilgħab għall-flokk tat-tim tiegħu sal-aħħar minuta tal-karriera. Minbarra d-doti sportivi li għandu, wieħed jista’ jgħid li huwa bniedem komplet anke fejn tidħol għajnuna għat-tfal inqas fortunati minn oħrajn li twieldu fil-kwartieri tiegħu fl-Arġentina. Huwa t-tip ta’ bniedem li jiġbed l-ammirazzjoni ta’ kulħadd inklużi tal-avversarji tiegħu. Fir-reċtar, ma nistax ngħid li hemm xi ħadd wieħed partikolari għax wisq nibża’ li kif issemmi lil xi ħadd tkun qed tinsa lil ħaddieħor. Hemm bosta fil-kamp lokali li minn barra li ħdimt magħhom kienu ta’ ispirazzjoni għalija biex inkompli fil-karriera tiegħi.

Kif jirnexxielek tlaħħaq bejn ir-reċtar, xogħol u fencing?

Ma nafx mod ieħor. Jien ħajti dejjem niġri minn ħaġa għal oħra. U sakemm ikolli ċ-ċans u l-ħajja tippermettili, hekk ħa nibqa’. Pjuttost inħossni stramba meta ma jkollix il-ġurnata mimlija. Is-sigriet ta’ kollox huwa li tkun organizzat, jekk le tispiċċa żżid fl-istress u finalment wieħed jagħmel l-affarijiet li jħobb żgur mhux biex jispiċċa stressjat. Dik, u li tkun taf tgħid le jekk tara li mhux se tlaħħaq fl-iskeda tiegħek ta’ kuljum. Bħal kollox, irid jinħoloq bilanċ bejn dak li tixtieq tagħmel u dak li huwa possibli twettaq.

M'ilux rajnik tippreżenta wkoll is-serata finali ta' Sanremo Junior. X'kienet l-esperjenza hemmhekk?

Kienet l-ewwel esperjenza tiegħi bħala prezentatriċi fejn nammetti li daqsxejn friefet kelli wkoll. Imma sibt għajnuna kbira u konna ppreparati u mħarrġin sew minn qabel fejn allura fil-lejl finali kont sodisfatta bir-riżultat u li nħares 'il quddiem b’entużjażmu jekk terġa’ tiġini xi opportunità simili.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek kemm fil-fencing kif ukoll fir-reċtar?

Jiena m'iniex xi waħda li nħobb nippjana bil-quddiem għal tul ta’ żmien. Inħobb ngħix il-mument, u dak li nkun qed nagħmel nara li nagħmlu sew b’ħafna dedikazzjoni. Imbagħad bħalma dejjem ġara, ħaga ġġib lil oħra u r-rota tibqa’ ddur. Li hu żgur li nista’ ngħidlek, li hija x-xewqa tiegħi li kemm il-fencing kif ukoll ir-reċtar jibqgħu jagħmlu parti minn ħajti.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ biex jutilizzaw it-talenti tagħhom bl-aħjar mod li jistgħu kif għamilt int.

Il-messaġġ tiegħi huwa li sakemm wieħed ikollu ċ-ċans jisfrutta dejjem it-talenti tiegħu bl-aħjar mod possibli, ma jaqta’ qalbu qatt għaliex ostakli wieħed se jsib dejjem f’kull settur tal-ħajja, u anzi propju l-ostakli li niltaqgħu magħhom noħduhom bħala spunt biex nissaħħu u jagħmluna bnedmin aħjar. Il-ħajja trid tgħixha qabel jiġi żmien fejn imbagħad tħares lura u jkun tard wisq biex forsi tagħmel dak li tkun stajt għamilt meta kellek iċ-ċans.

More in Sports