Tellieqa Viċi President MFA, kulħadd b’ċans tajjeb li jiġi elett

L-ikbar kurrenti jonfħu favur Greenland u Paris

L-ikbar kurrenti jonfħu favur Greenland u Paris
L-ikbar kurrenti jonfħu favur Greenland u Paris

Kollox jinsab lest biex jumejn oħra, issir l-elezzjoni għall-Viċi President tal-Malta Football Association u li għal din l-elezzjoni se jikkontestaw seba’ kandidati li kollha kemm huma qed jaraw ċans tajjeb li jiġu eletti.

Din l-elezzjoni se ssir skont l-Istatut tal-MFA, li jgħid li l-President irid isejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja jekk kemm-il darba jkun hemm reżenja ta’ xi uffiċjal fl-Assoċjazzjoni, eskluża l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. U din seħħet proprju fl-aħħar ġimgħat bir-riżenja ta’ Chris Bonett, l-aktar kandidat bi prospetti b’saħħithom li jieħu t-tmun tal-Assoċjazzjoni hekk kif Darmanin Demajo jtemm l-aħħar mandat tiegħu. Iżda għal dawn is-sentejn u nofs li ġejjin, Bonett se jkun qed jaħdem fil-UEFA, fil-kariga ta’ Integrity Officer.

Jidher li għall-elezzjoni tat-Tlieta li ġej, il-kandidati li se jikkontestaw qed jaraw iċ-ċans tajjeb tagħhom li jiġu eletti f’din il-kariga. Il-kandidati huma Cory Greenland, Membru tal-Kumitat ta’ Marsascala FC u Membru tal-Kunsill; Silvio Galea, Membru tal-Kumitat ta’ Mdina Knights FC u Membru tal-Kunsill; Duncan Borg Myatt, Membru tal-Kumitat ta’ Hibernians FC; Victor Cassar, eks Membru tal-Kumitat ta’ Hamrun Spartans FC; Peter Fenech, eks viċi President tal-MFA; Matthew Paris, Membru fil-Kumitat ta’ Floriana FC; u Adrian Camilleri, Prosekutur tal-MFA. L-elezzjoni bdiet jumejn ilu, fil-ġurnata tal-Ġimgħa, meta vvutaw dawk il-membri tal-Kunsill li mhux se jkunu f’pajjiżna dakinhar tal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja.

Sorsi li għandha din il-gazzetta jikkonfermaw li jista’ jkun li l-ebda kandidat minn dawn is-sebgħa mhu se jirtira l-kandidatura tiegħu u dan ifisser li jista’ jkollna elezzjoni b’ħafna kandidati u li jirbaħha dak li jġib l-aktar voti mal-ewwel għadd.

Fl-aħħar jiem, jidher li ssaħħew ħafna l-kurrenti ta’ żewġ kandidati partikolari, Cory Greenland u Matthew Paris, li finalment tista’ tkun tellieqa finali bejniethom. Greenland jidher li qed igawdi popolarità kbira fost ħafna mill-Membri tal-Kunsill li kellu Bonett u dan anki jekk l-Avukat mill-Gżira għamilha ċara mal-kandidati kollha li minħabba kwistjoni ta’ etika u ħbiberija, ma seta’ jgħin lil ħadd mill-kontestanti. Iżda dan kollu ma jnaqqasx il-fatt li l-persuna li kellu madwaru Bonett, qishom għażlu l-kandidat preferut tagħhom f’Greenland, sa minn ġimgħat ilu.

Paris hu persuna aċċettata ħafna wkoll fiċ-ċrieki tal-futbol Malti. Meqjus intelliġenti ħafna iżda jista’ jkollu problema waħda, dik li hu wisq inklinat lejn il klabb ta’ Floriana FC minħabba li dan hu klabb tal-Premier fejn ir-rivalità bejn il-klabbs hi kbira. Sorsi li għandha din il-gazzetta jikkonfermaw li fl-aħħar jiem, Paris ġie avviċinat saħansitra minn persuni li kienu fl-amministrazzjoni tal-MFA fil-passat riċenti u talbuh biex jirtira l-kandidatura tiegħu u dan bl-intenzjoni li tissaħħaħ dik ta’ Peter Fenech, ħaġa li milli jidher u bir-raġun ġiet skartata minn Paris anki għax tidher ċara kristall li llum il-ġurnata, l-istess Paris popolari aktar minn Fenech. Mhux eskluż li fost dawk li jixtiequ lil Peter Fenech, magħruf aħjar fiċ-ċrieki tal-futbol Malti bħala, ‘il-Jumbo’, hemm l-eks President tal-MFA, Joe Mifsud, li qed jara l-aħħar ċans ta’ ħajtu li xi darba jerġa’ jkun fl-MFA, anki jekk għamel 18-il sena President u llum jgħodd kważi 70 sena. Huwa fatt li matul l-aħħar snin u anki wara t-telfa kbira tal-istess Fenech fis-sena 2013 meta kkontesta lil Darmanin Demajo għall-kariga ta’ President, id-delegati riedu jbiddlu l-paġna u r-rizultat ta’ dik l-elezzjoni jindika l-messaġġ ċar tal-votanti, liema messaġġ jidher li l-uniku persuna li għadu ma fehmux hu proprju Peter Fenech.  

Il-kandidat Peter Fenech u s-sostenitur tiegħu, Joe Mifsud
Il-kandidat Peter Fenech u s-sostenitur tiegħu, Joe Mifsud

Kandidat ieħor li għandu appoġġ notevoli hu Victor Cassar, sinonimu mal-klabb Ħamruniż u li f’Lulju li għadda kien kandidat tellief għall-istess siġġu mil-Laqgħa Ġenerali Annwali fejn fiha kien ġab miżerja ta’ voti. Cassar għamel żmien twil fil-Kunsill tal-MFA u din il-ħaġa tista’ tgħinu għaliex għandu relazzjoni tajba ma’ ħafna mill-membri li huma ntitolati għall-vot.

Wiċċ mhux ġdid fil-futbol Malti, li iżda qed jirrappreżenta ruħu għall-ewwel darba f’elezzjoni ta’ dan it-tip hu l-avukat Adrian Camilleri, Prosekutur tal-MFA u stmat ħafna mill-familja tal-futbol. Camilleri jista’ jkun is-sorpriża fost il-kandidati u jekk jiġi elett żgur li mhux se jkollu diffikultà biex jintegra fis-sistema.

Il-kumplament tal-kandidati qegħdin kollha b’ċans tajjeb u jidher li ħadd mhu se jċedi pulzier milli jieħu ċ-ċans tiegħu li jakkwista wieħed mis-siġġijiet tat-tmexxija tal-futbol Malti u l-Assoċjazzjoni.  

Il-vojt li se jħalli l-avukat Bonett illum mhux se jkun kbir daqs kemm jistgħu jkunu kbar l-opportunitajiet li se jinfetħu wara dan l-aħħar terminu ta’ amministrazzjoni ta’ Darmanin Demajo u għalhekk, min jidħol Viċi President jumejn oħra se jkun qed jitfa’ l-ankri fl-MFA għall-futur. Bla dubju, is-sena 2019, se tkun interessanti ħafna għall-futbol Malti u mil-lat ta’ amministrazzjoni, jiddependi ħafna x’deċiżjonijiet se jkunu qed jieħdu Chris Bonett mill-UEFA u Bjorn Vassallo mill-FIFA u jekk jippreferux ir-ritorn lura fl-MFA jew hux aħjar għalihom l-arja friska tal-muntanji tal-Iżvizzera.

More in Sports