Il-moħħ wara r-rebħ tat-23 Kampjonat minn Valletta FC

Paul Zammit - il-kowċ ta’ Valletta FC li wassal lil dan it-tim mill-kapitali għar-rebħ tat-23 Kampjonat fl-istorja glorjuża tiegħu intervistat mis-sit illum.com.mt

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minkejja li l-familja tiegħi ma kinitx waħda attiva fil-logħba tal-futbol, moħħi kien dejjem iridni nilgħab il-futbol. Kont inqatta’ ħafna ħin nilgħab il-logħba barra jew anke l-iskola, sakemm bdejt nilgħab ma’ xi timijiet, peress li f’dawk iż-żminijiet ma kinux għadhom jeżistu n-nurseries. Imbagħad, bis-saħħa ta’ Leli Fabri, ingħaqadt mal-ewwel nursery li kien hawn, li kienet tas-Sliema.

Irrakkonta l-esperjenza tiegħek ma’ Sliema Wanderers.

Jien inħossni persuna xxurtjata, li mat-timijiet taż-żgħażagħ ta’ Sliema, irbaħt kollox, inkluż il-YFA Footballer of the Year 1986. Dak iż-żmien kien hemm il-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, it-18-il sena, u l-21 sena. Meta ħriġt mit-tim ta’ taħt it-18-il sena, kont iffurmajt parti wkoll mit-tim ta’ Sliema li kien ittrijonfa fil-kampjonat tal-istaġun 1988/89. Meta nħares lura lejn il-karriera tiegħi ma’ Sliema, inħoss li kienet esperjenza tajba sabiex inkompli naħdem u ntejjeb il-livelli tiegħi bħala plejer.

Il-prestazzjonijiet tiegħek maż-żgħażagħ ta’ Sliema Wanderers, wassluk sabiex anke tkun mgħajjat man-nazzjonal ta’ taħt il-21 sena. Kif tħares lejn l-esperjenzi tiegħek man-nazzjonal ta’ din il-kategorija?

Kont mgħajjat mat-timijiet ta’ taħt is-16-il sena, ta’ 18-il sena u anke ta’ taħt il-21 sena. Mat-tim nazzjonali A qatt m’għamilt preżenza iżda kont għamilt żmien nittrenja mal-iskwadra u kont mgħajjat għal żewġ partiti ta’ ħbiberija taħt il-gwida ta’ Pietro Ghedin, fl-ewwel avventura tiegħu, kontra l-Armenja u Georgia.

Wara Sliema, ingħaqadt mat-tim ta’ Rabat. Kif tiddeskrivi dik l-esperjenza?

Wara l-prestazzjonijiet pożittivi mat-tim ta’ Sliema fil-kampjonati taż-żgħażagħ, kien imissni li nagħmel il-qabża għall-kampjonat tal-kbar. Kienu avviċinawni r-Rabat, fiż-żmien fejn kienu waqgħu fl-Ewwel Diviżjoni. Nista’ ngħid, li għamilt seba’ snin sbieħ ma’ tim li wara suċċessi kbar, kien bena tim fuq iż-żgħażagħ u kbirna bis-saħħa tiegħu. 

Wara l-esperjenza ma’ Rabat, kien imiss l-avventura f’Raħal Ġdid mat-tim ta’ Hibernians. Kif żvolgiet l-avventura tiegħek hemmhekk?

Wara seba’ snin mar-Rabat, għamilt żewġ staġuni mat-tim ta’ Hibernians. Kienet esperjenza pożittiva oħra hemmhekk. Wara dik l-avventura, kont ingħaqadt mat-tim ta’ Ħamrun Spartans.

Mat-tim ta’ Ħamrun Spartans, għamilt il-vera qabża ta’ kwalità bħala attakant. Irrakontalna dik l-esperjenza.

Jien kont noqgħod il-Ħamrun mal-familja tiegħi, jiġifieri naf eżattament l-ambjent tal-Ħamrun, kif inhu u x’joffri u kienet esperjenza sabiħa ħafna ma’ Klabb li għandu partitarji li jħobbu ħafna t-Tim.

Wara Ħamrun Spartans, ingħaqadt ma’ Mosta. L-esperjenza tiegħek ma’ dan it-tim.

Kont wasalt lejn l-aħħar tal-karriera u t-tim ta’ Mosta, taħt il-presidenza ta’ Charles Abela, bdew jibnu skwadra sabiex jitilgħu fil-Kampjonat Premier. Il-proġett kien interessani ħafna u tħajjart ningħaqad magħhom. Lgħabt kemm fl-Ewwel Diviżjoni u anke fil-Premier magħhom, iżda sfortunatament konna ġejna relegati. Madankollu, Charles Abela, kien beda jemmen fil-karatteristiċi tiegħi bħala kowċ u hemmhekk bdejt l-esperjenza bħala plejer-kowċ, għaliex fl-istess ħin xtaqt inkompli nilgħab. Madankollu, rajt li ma stajtx naħdem ħafna hekk. Ta’ min ifakkar, li meta kont ma’ Sliema Wanderers, kont diġà nagħmel il-korsijiet tal-kowċing u anke kont nikkowċja gruppi ta’ tfal iżgħar minni. Mat-tim ta’ Mosta, irnexxieli nirbaħ il-promozzjoni għall-Premier u kont anke bdejt il-Kampjonat Premier bħala kowċ ta’ Mosta. Ftit wara, kienet ġietni l-offerta mingħand Valletta sabiex inkun kowċ tagħhom u aċċettajt li nibda kapitlu ġdid magħhom fil-karriera tiegħi bħala kowċ.

Minn hemmhekk bdiet l-ewwel avventura tiegħek ma’ Valletta. Kif tħares lejn dik l-esperjenza?

Meta mort ma’ Valletta, kienu għaddejjin minn tranżizzjoni sħiħa fejn minn taħt idejn Joe Caruana Curran, għaddew għand Charles Camilleri. Dan tal-aħħar kien bniedem ħabrieki ħafna u ried jibni xi ħaġa ġdida u kellu ħafna fiducja fija, minkejja li bħala kowċ kont għadni żgħir fl-età, nista’ ngħid li dawk is-sentejn li għamilna kienu pożittivi ħafna, għaliex minkejja li ma rbaħna xejn, tellajna ħafna element żagħżugħ li għadu jilgħab fil-Premier sal-lum il-ġurnata, fosthom Justin Grioli, Kurt Magro, Ian Zammit u Steve Bezzina. Wara dawk is-sentejn, kien ġie Victor Sciriha, fejn fl-ewwel sena, fl-istaġun 2007/2008 anke rbaħna l-kampjonat b’dak l-element żagħżugħ li tellajna, inklużi wkoll plejers t’esperjenza li għenuna ħafna. Sena wara, għalkemm bdejna bir-rebħ tas-Super Cup, konna tlifna l-kampjonat għas-spejjeż ta’ Hibernians u ġimgħa wara konna tlifna l-finali tat-Trophy bil-penalties. Madankollu, ma kontx spiċċajt ma’ Valleta fuq nota negattiva, għaliex huma xtaqu jinvestu f’kowċ barrani u nfatti kien ġie l-Olandiż Ton Caanen. Hemmhekk, imbagħad, bdiet l-avventura ma’ Birkirkara.

Il-partitarji numerużi u qalbiena ta’ Valletta, matul din is-sena, forsi iktar minn snin oħra kienu verament it-12 -il raġel fil-ground, għax kienu dejjem warajna anki meta l-affarijiet kienu qed jidhru mhux daqshekk pożittivi

Kif għidt int, hemmhekk bdiet l-avventura tiegħek bħala kowċ ta’ Birkirkara, liema tim wassaltu wkoll għar-rebħ tal-unuri. X’tikkummenta?

Kien klabb li kien għaddej minn tranżizzjoni wkoll bħalma kien Valletta. Madankollu, kien hemm elementi tajbin ta’ plejers żgħażagħ lokali u anke barranin bħal Jorge Mora, Sylvano Comvalius u Nikola Vukanac. Jaħdem miegħi bħala assistent kowċ, kien hemm ukoll Branko Nisevic, li minħabba xi limitazzjonijiet li kellna, kien anke lagħab magħna. F’dik l-ewwel sena tal-istaġun 2009/2010 konna rbaħna l-kampjonat. Wara dak il-kampjonat bqajna nibnu fuq dik l-iskwadra u kien irnexxielna nerġgħu nirbħu l-kampjonat fl-istaġun 2012/2013. L-istaġun ta’ wara kien beda bir-rebħ tas-Super Cup u għamilna żmien twil fil-quċċata tal-klassifika, però sfortunatament tlifna l-kampjonat fl-aħħar ġurnata kontra Valletta. L-istaġun 2014/2015 kien wieħed ta’ emozzjonijiet diversi għax filwaqt li ġejna fit-tielet post fil-kampjonat, it-tim kien irnexxielu jirbaħ is-Super Cup u t-Trophy. L-avventura tiegħi ma’ Birkirkara kienet intemmet għaliex il-klabb kien xtaq li jinvesti f’kowċ barrani. Nixtieq insostni iżda, li lejn Birkirkara għandi rispett kbir bħalma għandhom huma lejja u kienet deċiżjoni li nirrispetta. Wara kollox għandhom id-dritt li jħejju direzzjoni oħra għall-klabb tagħhom.

Fis-sajf li għadda, ħassejtek xi ftit inkwetat minħabba t-tranżizzjoni li kien hemm fil-kamp ta’ Valletta. Qatt kont temmen li kont kapaċi tirbaħ il-kampjonat matul dan l-istaġun fit-tmun ta’ Valletta bħala kowċ?

Onestament, kont ċar mill-ewwel ġurnata li ngħaqadt mat-tim ta’ Valletta għaliex rajt sapport qawwi mill-amministrazzjoni. Għadni niftakar l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ fejn it-tim ta’ Valletta kien mibdul ħafna, b’bosta plejers Maltin fosthom Ryan Fenech u Steve Borg li kienu telqu u anke l-plejers barranin kollha ħlief għat-Tuneżin, Abdelkarim Nafti. Madankollu kif diġà semmejt, kelli sapport qawwi mill-kumitat li dejjem fehmu l-esiġenzi tiegħi. L-esperjenza fl-Ewropa ma kinitx waħda pożittiva fejn sfajna eliminati mit-tim minn Wales, Newtown FC u onestament naħseb li bħalma jiġri ħafna drabi, iċ-ċirkustanzi ma ppermettewx li l-klabb ikun ippreparat tajjeb għall-kompetizzjonijiet Ewropej. Wara l-esperjenza fl-Ewropa, erġajna ffukkajna fuq ix-xena lokali. Nirringrazzja ħafna lill-plejers Maltin li kien għad baqa’ u anke lill-plejers barranin, għall-paċenzja u l-karattru li wrew, għaliex fehmu x’ridna minnhom. Meta bdejna l-kampjonat, minkejja li kellna l-limitazzjonijiet tagħna, rajna li kellna żgħażagħ importanti li setgħu jagħmluha mal-iskwadra. Aħna ma konniex bdejna l-istaġun billi nagħmlu premessi u ambizzjonijiet li konna ħa nirbhu l-kampjonat. Iżda aħna bħala Valletta konna nafu xi skwadra għandna u iżjed ma beda jgħaddi ż-żmien, iżjed rajna li konna kapaċi nagħmluha. Nieħu spunt personali, jien bniedem li jekk qiegħed nikkowċja klabb kbir bħal Valletta, l-objettiv tiegħi huwa li nibqa’ kompettitiv u nirbaħ.

F’dan l-istaġun emmint ħafna fl-element żagħżugħ fejn introduċejt u tajt spazju fl-ewwel skwadra lill-plejers bħal Llywelyn Cremona, Jean Borg, Russell Fenech, Nicholas Pulis, Jurgen Suda u Daniel Camilleri fost oħrajn. X’inhi r-raġuni?

Ħafna mill-plejers nafhom telgħin min-nursery ta’ Valletta u dis-sena kienu mat-tim ta’ taħt id-19-il sena. Ovvjament, fil-bidu ma kinitx sempliċi għalihom iżda meta beda għaddej iż-żmien, bdew jintegraw sew fl-iskwadra u anke kellhom sehem importanti. Nemmen ħafna li kull fejn inkun, nieħu ħsieb is-settur taż-żgħażagħ.

Inti kont il-kowċ li emmint f’Rowen Muscat u Zach Muscat, li t-tnejn li huma qegħdin jilagħbu l-Italja bħalissa. Xi tħoss meta tara dan?

Ovvjament, huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija għaliex għamlu pass kbir fil-karriera tagħhom. Jien nirringrazzja ‘l Alla li kelli ċ-ċans li nemmen fihom, u nagħtihom iċ-ċans mat-tim ta’ Birkirkara. Jalla jkollhom aktar suċċess.

Waqt konferenza stampa li ndirizzajt qabel ingħata bidu għas-Summer Cup, kont semmejt li int kont iġġorr il-blalen tat-taining fil-karozza. Possibli kienu jew forsi għadhom jeżistu dawn is-sitwazzjonijiet strambi fil-futbol lokali?

Ifhem, f’dawn l-aħħar snin għamilna passi kbar ‘il quddiem kollettivament bħala futbol Malti, iżda ovvjament għad baqa’ sitwazzjonijiet fejn nistgħu ntejbu l-livelli tagħna. Jien nemmen li rridu naħdmu ħafna fuq l-istrutturi tal-klabbs, għaliex dak ikun il-pass li jmiss sabiex nagħmlu l-qabża ta’ kwalità, u għandna nagħmlu dan qabel nibdew naħsbu fuq formati ta’ kampjonat u ħafna ideat oħra. Qegħdin f’sitwazzjoni, fejn ma tistax tħares lejn il-Kampjonat Premier biss. Jeżistu wkoll l-istrutturi u s-set up tal-klabbs u s-setturi taż-żgħażagħ li għandna nieħdu ħsiebhom ħafna. Rigward is-sitwazzjonijiet ta’ kowċis, nemmen li għandna talent, għaliex jien bniedem li nemmen ħafna fil-kowċ Malti. Sfortunament, però, qegħdin mifruxa ma’ ħafna klabbs u għalhekk nemmen li l-ewwel pass għandu jkun li l-MFA tagħmel kriterji aktar riġidi għall-klabbs li jridu jikkompetu fl-ogħla diviżjonijiet għax dal-pajjiż għandu bżonn klabbs organizzati, li għad-daqs ta’ Malta, ma jistgħux ikunu ħafna minħabba li r-riżorsi tagħna huma limitati.

Taqbel mal-proposta li l-Kampjonat Premier jiġi b’14-il tim?

Le, ma naqbilx li pajjiż żgħir bħal mhuwa Malta jista’ qatt ikollu Kampjonat Premier b’14-il tim. Huwa minnu li kulħadd jista’ jilgħab il-futbol iżda mhux kulħadd jista’ jilgħab elite football. B’dan il-format, inkunu qed inkomplu nifirxu r-riżorsi umani ma’ aktar klabbs, fejn ilkoll nafu li hawn Malta hemm bżonn ta’ Klabbs aktar organizzati u mmexxija b’mod aktar professjonali. Il-kwalità mhux il-kwantità itejbu l-livell tal-Futbol Malti.

Jien ma naqbilx li pajjiż żgħir bħal Malta jista’ qatt ikollu Kampjonat Premier b’14-il tim

Int ukoll għalliem kwalifikat tal-edukazzjoni fiżika fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, fejn hemmhekk tispeċjalizza fil-futbol. Tina iktar dettalji rigward dan.

Ninsab kuntent ħafna, fejn nara ħeġġa kbira għat-tagħlim fost it-tfal f’din l-iskola mmexxija tant tajjeb mill-Kap George Micallef. Il-ħeġġa ta’ dawn it-tfal tixprunani biex jien nagħti wkoll l-aħjar tiegħi biex inwassal l-għarfien tiegħi lilhom, fejn nistqarr li ħafna drabi nispiċċa nara iktar lilhom milli liż-żewgt itfal subien tiegħi matul il-ġimgħa! Inżid ngħid li għandi fiduċja kbira li wħud mit-tfal li ngħallem, se jirnexxielhom jagħmluha fl-ogħla livelli tal-futbol Malti fil-futur, hekk kif jippossjedu talent tajjeb.

Persważ li wara dan is-suċċess li rnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek, fosthom matul dan l-istaġun bir-rebħ tal-Kampjonat ma’ Valletta, tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti partikolari.

Dan is-suċċess li ksibna bħala tim żgur li ma kienx ikun possibli mingħajr il-ħidma sfieqa tal-president Victor Sciriha kif ukoll taż-żewġ viċi-presidenti, Alexander Fenech u Paul Spiteri, flimkien mal-kumitat tagħhom. Nirringrazzja wkoll lill-istaff tekniku kollu tiegħi li ħafna drabi ftit jissemma’ iżda jistħoqqlu ferm kull tifħir. Huma kienu kontinwament ta’ spalla għalija. B’sodisfazzjon nirringrazzja lill-plejers kollha ta’ Valletta, għad-dedikazzjoni, is-sagrifiċċji u l-attitudni pożittiva li wrew matul l-istaġun. Il-plejers huma l-element prinċipali ta’ dan is-suċċess. Ma nistax ma nsemmix lill-partitarji ferm numerużi u qalbiena ta’ Valletta, li matul din is-sena, forsi iktar minn snin oħra kienu verament it-12-il raġel fil-ground, għax kienu dejjem warajna bis-sapport inkredibbli tagħhom anki meta l-affarijiet kienu qed jidhru mhux daqshekk pożittivi. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, ma nistax ma nirringrazzjax minn qiegħ qalbi lill-mara tiegħi u liż-żewġ uliedi, kif ukoll lill-familjari u l-ħbieb kollha tiegħi tal-paċenzja kollha li jieħdu bija u tas-sapport kontinwu li huma jtuni biex jien stajt nasal ma’ Valletta għat-tragward tar-rebħ tat-23 Kampjonat fl-istorja glorjuża tagħhom. 

More in Sports