'Nemmen li ma' Gudja United se jkolli spazju fejn ħa nkompli niżviluppa bħala goalkeeper għall-futur tiegħi'

Timmy Aquilina - goalkeeper żagħżugħ ta' talent li għadu kemm ingħaqad ma' Gudja United, fejn qed jaspira li jikseb post regolari bejn il-lasti ta' dan it-tim neo-promoss fil-Premier.

Timmy Aquilina
Timmy Aquilina

TIMMY AQUILINA

Huwa goalkeeper żagħżugħ ta' talent li għadu kemm ingħaqad ma' Gudja United.

Qed jaspira li jikseb post regolari bejn il-lasti ta' dan it-tim neo-promoss fil-Premier.

Fil-passat lagħab ukoll ma' Melita, Senglea Athletic u Sliema Wanderers.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Meta kelli erba’ snin kont inħobb nara l-futbol fuq it-televixin jew immur nara lis-Sliema Ta’ Qali, u  minn hemm tħajjart u kont bdejt nilgħab il-futbol ta’ ħames snin mal-Melita u iktar ma lgħabt iktar kelli passjoni lejn il-logħba tal-futbol, u minn hemm qatt ma ħarist lura.

U għaliex għażilt proprju l-irwol ta’ goalkeeper?

Meta kont tifel dejjem xtaqt nilgħab il-futbol. Bdejt il-karriera mal-Melita bħala plejer u qatt ma kelli l-ħsieb li nsir goalkeeper imma kont ippreferejt plejer. Meta kelli xi seba’ snin konna se nilagħbu logħba waqt it-taħriġ u konna mingħajr goalkeepers. Għidt lill-kowċ ta’ dak iż-żmien Daniel Mulligan biex nidħol nipprova goalkeeper. Wara dik il-logħba, il-kowċ kien qalli biex l-għada niġi għat-taħriġ  liebes ta’ goalkeeper. Minn dakinhar ’l hawn bqajt goalkeeper u għalija kienet l-aħjar deċiżjoni li ħadt u l-iktar waħda importanti. 

X’tikkummenta fuq l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Gudja United?

S’issa l-esperjenza tiegħi mal-Gudja hija waħda pożittiva ħafna u ninsab kuntent bid-deċiżjoni li ħadt. Hemm atmosfera sabiħa ħafna bejn il-plejers u ħafna rispett lejn il-kowċis. Ninsab eċitat għal din l-esperjenza kif ukoll li ħa nkun qed nilbes il-flokk tal-Gudja għall-ewwel darba. Nemmen li hemm grupp li kull plejer se jkun importanti għall-Gudja din is-sena. Il-livell tat-taħriġ huwa tajjeb fejn nemmen li se jkolli spazju fejn ħa nkompli niżviluppa bħala goalkeeper għall-futur tiegħi. Ninsab eċitat biex nibda l-istaġun mal-Gudja!

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Melita u Senglea Athletic?

Mal-Melita tgħallimt ħafna bħala plejer speċjalment li tilgħab il-futbol biex tieħu gost. Ovvjament, dak kien żmien li qatt ma jien se ninsa. Nemmen li bħala nursery Melita kien u għadu wieħed mill-aħjar u din kienet ta’ għajnuna għalija biex niżviluppa iktar u bl-aħjar mod li nista’. Bħala Melita konna grupp magħqud u għadna sal-lum ħbieb sew u kien hemm żewġ plejers li lgħabt magħhom ukoll ma’ Sliema Wanderers.

Mal-Isla kienet sena tal-ġenn fejn ksibna promozzjoni għall-Premier kif ukoll lgħabt l-ewwel partijiet tal-istaġun fil-Premier fejn kellna ħafna riżultati pożittivi. Madankollu l-esperjenza tiegħi kienet waslet fi tmiemha minħabba injury serja li kont sofrejt. Mal-Isla għamilt sena fejn ħadt spinta kbira kemm bħala goalkeeper u anke mentalment. Dejjem ħassejt ċerta merħba mal-Isla, speċjalment mal- plejers, partitarji u kumitat li dejjem kienu hemm għalija u tawni l-appoġġ meta kelli bżonn. 

Kemm tgħallimt minn din l-esperjenza mal-Isla?

Tgħallimt ħafna mal-Isla għax emmnu fija wara li sofrejt injury serja u kienu lesti jagħtuni ċans magħhom għax wara injury l-iktar ħaġa li jkollok bżonn huwa l-match practice li kont ilni nieqes minnu. Kieku ma ħadtx din l-opportunità kont insibha diffiċli ħafna biex nilgħab. Mil-logħob tjibt u sirt iktar matur bħala bniedem. U llum inkompli nibni fuq dak li tgħallimt kemm mas-Sliema, Melita u Isla.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Sliema Wanderers?

Dejjem hu ta’ unur li tilgħab għall-flokk ta’ Tas-Sliema, u kburi li lgħabt mas-Sliema ta’ età żgħira. Kont kuntent bit-taħriġ u l-atmosfera fid-dressing room. 

U fuq l-eks kowċ Marco Maccoppi u l-president Keith Perry?

Il-kowċ Marco Maccoppi wera fiduċja fija speċjalment meta Jake Galea kien weġġa’. Dejjem tani kuraġġ qabel u wara kull logħba. Ukoll ma nistax ma nsemmix lill-kowċ tal-goalkeepers Mark Vella u l-kowċ Ivan Woods li dejjem kienu hemm għalija.

Mal-president Keith Perry kelli u għad għandi relazzjoni tajba. Hu dejjem wera fiduċja fija sa mill-ewwel ġurnata li ġejt ma’ Tas-Sliema, u fejn kelli bżonn l-għajnuna dejjem sibtu hemm għalija u dejjem jifhem il-plejers tiegħu għax ma jarax il-futbol biss mill-aspett tal-klabb imma jara kollox li jixtieq il-plejer, u jekk plejer ikun jixtieq xi ħaġa jipprova jagħmel kollox biex jgħinu.

X’emozzjoni tħoss kull darba li tilgħab kontra l-eks timijiet tiegħek?

Dejjem tħossok ftit iktar motivat għal-logħbiet bħal dawn imma dejjem trid turi rispett speċjalment lejn dawk in-nies li dejjem kienu hemm għalik u rrispettawk kif ukoll turi rispett lejn il-klabb li f’dak iż-żmien emmen u investa fija.

Int tilgħab ukoll mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena. X’inhi l-esperjenza tiegħek meta tirrappreżenta lil pajjiżek speċjalment wara l-aħħar riżultati pożittivi li ksibtu bħala tim?

Li tirrappreżenta lil Malta dejjem hi esperjenza mill-isbaħ imma fuq kollox unur kbir, fejn dejjem trid tagħti kollox għal pajjiżek, għax tabilħaqq m’hemm xejn isbaħ milli tilgħab għal pajjiżek, speċjalment kontra plejers ta’ kalibru. F’mumenti bħal dawn nitgħallmu aħna bħala plejers fejn rridu nitjiebu biex nagħmlu l-qabża meħtieġa.

Kemm titgħallem mill-kowċ Silvio Vella?

Nitgħallem ħafna mingħandu. Ovvjament huwa kowċ ta’ esperjenza speċjalment fix-xena internazzjonali tal-U21. 

Dejjem jikkoreġi biex nifhmu aħjar il-livell tal-under21 biex inkunu nistgħu ntejbu l-ħażin u t-tajjeb intejbuh iktar. 

Dan speċjalment li għadna lanqas bdejna l-qualifiers. Bħalissa jipprova jippreparana tattikment kif ukoll mentalment, għax biex tilgħab ma’ dawn it-timijiet trid tkun ippreparat f’kull aspett. 

Ovvjament li nitgħallem man-nazzjonal. Inżomm f’moħħi dak li nitgħallem mal-klabb ħalli nkun nista’ nibqa’ naħdem fuqu. Il-kowċ Simon Agius ukoll jgħinni man-nazzjonal biex nitjieb bħala goalkeeper.

Nitkellmu dwar l-aħħar staġun ta’ Sliema Wanderers. X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu?

Nemmen li Sliema matul l-aħħar staġun kien tim b’saħħtu fejn urejna x’nafu kontra kull tim. Ovvjament, nemmen li kien jixirqilna wkoll niksbu post fl-Ewropa. 

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Naqbel għax nemmen li l-kampjonat ġie aktar kompetittiv, imma ma naqbilx ukoll għax nilgħab 26 logħba fi staġun li huwa ftit ħafna! Dan fejn f’pajjiżi oħra jilagħbu madwar 38 logħba fi staġun.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Differenza hemm ovvjament għax ikollhom baġits differenti imma meta tara ħafna mit-timijiet t’isfel ġieli jieħdu punti mat-timijiet ta’ fuq, hemmhekk naraw li t-timijiet t’isfel mhumiex daqshekk dgħajfin. Eżempju l-Isla, fl-aħħar staġun ksibna punti kważi mingħand kulħadd fit-tieni rawnd.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f’tim?

Ma naqbilx magħha għax nemmen li nkunu qegħdin nagħlqu ħafna bibien għall-plejers Maltin speċjalment għaż-żgħażagħ.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Hemm barranin tajbin ħafna u ta’ livell u mbagħad nemmen li hemm timijiet fejn iġibu barranin flok Maltin u jkunu jew tal-istess livell jew saħansitra l-Maltin ikunu aħjar, imma peress li barrani nemmnu li jkun aħjar għax barrani. Ħafna plejers Maltin kapaċi jilagħbu flok ċerti barranin hawn Malta.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?

Il-grawnds ta’ Malta jridu jitranġaw waħda sew. Il-Victor Tedesco Stadium tal-Ħamrun huwa żgħir u l-art mhux tajba għal-logħbiet tal-Premier. Dan filwaqt li s-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, ikollok logħba futbol issir u wara l-pitch ikun b’ħafna trab tal-muturi dieħel fuqu. L-Istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, nemmen li għandhom jirranġaw l-istands tal-partitarji. 

Dan speċjalment għax inħoss li dan l-istadium ġie wisq maqtugħ mill-partitarji. U rigward il-Hibs Stadium, għandhom jirranġaw is-saqaf tal-istands tal-partitarji kif ukoll il-grawnd fejn meta tagħmel ix-xita jinfaqa’ bl-ilma.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Tajbin ir-referis, avolja ċerti deċiżjonijiet ma taqbilx magħhom imma qatt ma jistgħu jkunu perfetti.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Jitħarreġ tajjeb u dejjem jagħti l-100% tiegħu. Trid tkun immotivat u determinat biex tasal sa fejn għandek tasal u li dejjem iżżomm saqajk mal-art u qatt m’għandek taqta’ qalbek minn xejn.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudju u x-xogħol tiegħek mal-futbol?

Tipprova ssib bilanċ minn kollox. Jekk veru tħobb l-isport, kollox tagħmel biex tirnexxi l-ħolma tiegħek.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq li nibqa’ naħdem biex inżomm posti ma’ club fil-Premier, bħalissa Gudja United, dejjem jekk ma jiġinix iċ-ċans li nilgħab barra minn Malta. U dejjem bl-ghan li tilgħab tajjeb ħalli xi darba niġi mgħajjat mat-tim nazzjonali ta’ Malta tal-kbar li hija ħolma għal kull ċittadin Malti.

M’hemmx dubju li l-pass li jmiss tiegħek huwa li tilgħab mat-tim nazzjonali mmexxi mill-kowċ Ray ‘Żażu’ Farrugia. X’taħseb?

Nemmen li jekk naħdem u nistinka l-mument f’xi ħin jiġi. Imma nżomm saqajja mal-art u kollox pass pass. Jien se nibqa’ naħdem biex il-ħolma tiegħi xi darba ssir realtà.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol. 

Li qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom fil-futbol jew f’xi sport ieħor. U jekk tiġi opportunità barra minn Malta biex imorru u jagħmlu kollox li jistgħu minnha għax darba biss jiġik dan iċ-ċans!

 

More in Lokali