'Tħallu lil ħadd iwaqqafkom milli tagħmlu dak li tixtieq qalbkom'

Kayleigh Chetcuti – talent żagħżugħ fil-futbol tan-nisa lokali fejn m'hemmx dubju li għandha futur mill-isbaħ quddiemha kemm ma' Hibernians kif ukoll mat-tim nazzjonali.

Kif nibtet fik l-imħabba lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ta’ disa' snin, fejn jien kont nilgħab mas-subien ġewwa l-iskola Primarja. Darba dawn kienu ħeġġewni biex immur nitħarreġ mat-tim ta’ St George’s. Minn hemm nista’ ngħid li bdiet il-karriera tiegħi tal-futbol.

X'tikkummenta fuq l-aħħar staġun kemm tiegħek personali kif ukoll tat-tim tiegħek?

Din is-sena, personalment, kienet tikkonsisti minn staġun ferm importanti għalija, għaliex kienet l-aħħar sena tiegħi mat-tim ta' taħt id-19-il sena u kelli x-xewqa li nispiċċa l-istaġun bir-rebħ tal-kampjonat. 

Peress li din is-sena ġew ħafna plejers minn timijiet oħra, ħsibna li ħa tkun diffiċli biex nintegraw ma’ xulxin, imma bl-għajnuna ta’ kull plejer u l-kowċis, ingħaqadna flimkien biex nilħqu l-għan li xtaqna. Din is-sena, kelli opportunità kbira fejn kważi lgħabt f’kull logħba mat-tim tal-kbar u akkwistajt ħafna esperjenzi li se jservu ta' ġid kbir għall-futur tiegħi.

Kif tirribatti għall-kritika li ssir minn bosta persuni mhux biss f'pajjiżna, li l-futbol huwa biss addattat għall-irġiel u mhux għan-nisa, minħabba s-saħħa fiżika u l-aġilità partikolari li dan l-isport jirrikjedi?

F’kull sport l-aspett fiżiku huwa importanti. F’kull sport hemm min huwa b’saħħtu, aġli u veloċi iktar minn ħaddieħor. Dan issibu f’kull dixxiplina sportiva li tintlagħab mill-irġiel kif ukoll min-nisa. Id-differenza bejniethom tista’ tiġi mkejla biss meta ż-żewġ sessi jilagħbu kontra xulxin. Fil-logħba tal-futbol dan mhux il-każ. Għalhekk inħoss li din il-kritika mhix waħda valida. 

X'tikkummenta fuq wieħed mill-imħuħ wara l-qawmien tal-futbol tan-nisa f'dawn l-aħħar snin f'pajjiżna, li huwa wkoll l-eks kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa, u li preżentament qed jokkupa l-kariga ta' Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa lokali, Pierre Brincat? 

Nemmen li l-kowċ Pierre Brincat jaħdem ħafna għall-futbol tan-nisa u bil-ħiliet tiegħu l-futbol tan-nisa ħa spinta kbira 'l quddiem.

Hemm xi logħbiet memorabbli li jibqgħu mmarkati b'ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek sa issa?

Personalment nista’ ngħid li għandi ħafna memorji u emozzjonijiet memorabbli minn dan l-istaġun. Ftit mill-memorji sbieħ li kelli personalment u ma’ sħabi tat-tim tul dan l-istaġun kienu l-logħba kontra l-Luxol fejn konna qed nitilfu 1-0 u rnexxielna ndawru r-riżultat għal 3-2 fl-aħħar 15-il minuta. Affaċċjajna l-istess sitwazzjoni kontra t-tim ta’ Għawdex fejn erġajna dawwarna l-iskor favurina. Apparti hekk kellna logħba oħra kontra Birkirkara, fejn konna qed nitilfu 2-1 u fl-aħħar ftit minuti ġibna d-draw. Għalkemm ma rbaħniex kien riżultat importanti li żammna fit-tiġrija biex nirbħu l-kampjonat. Biex irnexxielna nġibu dawn ir-riżultati kontra dawn it-timijiet b’saħħithom, kien diffiċli imma meta tara li kull plejer kellha determinazzjoni u grinta u kollha bqajna naħdmu u nemmnu sal-aħħar minuta kienet xi ħaga pożittiva ħafna. Kieku ma konniex magħqudin bħalma konna, ma kienx jirnexxilna niksbu t-titlu ta’ champions tal-kampjonat.

X'tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-akbar ġid tal-futbol tan-nisa f'pajjiżna jew tħoss li tista' tagħmel iktar?

Inħoss li l-MFA għalkemm taħdem ħafna għall-futbol Malti, nemmen li għandha taħdem iktar fis-settur tan-nisa sabiex tgħinna aktar, ħalli f’dak li hu futbol tan-nisa nimxu iktar ’il quddiem fil-futur. 

Tikkunsidra l-possibiltà li fil-futur tmur tilgħab ma' xi tim barra minn Malta?

Onestament ma nistax ngħid x’se jiġri fil-futur imma jekk ikollha tiġini opportunità, nikkunsidraha. 

Kif jirnexxilek tlaħħaq mal-istudju u mal-futbol?

Jien jirnexxili nlaħħaq mal-istudju u mal-futbol billi nipprova nqassam il-ħin. Għalkemm xi kultant dan ikun diffiċli, bl-għajnuna tal-ġenituri tiegħi, dejjem irnexxieli nlaħħaq. Inħoss li kull student u ħaddiem għandu jkollu bilanċ tajjeb fil-prijoritajiet tiegħu ħalli jkun jista’ jlaħħaq magħhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Fil-futur tiegħi nixtieq inkompli nitgħallem iktar fuq l-isport li huwa ferm għal qalbi. Jien nemmen li fil-futbol titgħallem kemm titgħallem qatt mhuwa biżżejjed. Jien se nkompli naħdem iktar ħalli nkun nista’ ngħin lit-tim tiegħi bl-aħjar mod possibbli.

Tħoss li l-media sportiva f'pajjiżna tesponi biżżejjed lill-futbol tan-nisa, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prinċipali u importanti, li fihom ikun involut it-tim nazzjonali tan-nisa?

Personalment, ma nemminx li l-media sportiva tesponi biżżejjed lill-futbol tan-nisa. L-uniċi sitwazzjonijiet fejn iġibuna fuq il-media jkunu meta pereżempju f’xi okkażjoni ta’ rebħ tal-kampjonat jew meta t-tim nazzjonali jkun sejjer jirrappreżenta lil Malta. Jien inħoss li l-futbol tan-nisa għadu ftit lura meta kkumparat mal-attenzjoni li tingħata lill-futbol tal-irġiel.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew jieħdu bis-serjetà l-futbol, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġġuhom jagħmlu dan.

Il-messaġġ tiegħi għal dawk it-tfajliet li jixtiequ jilagħbu l-futbol huwa biex ma jħallu lil ħadd iwaqqafhom milli jagħmlu dak li tixtieq qalbhom. Jiena dejjem sibt sapport mill-ġenituri tiegħi u nħoss li kull ġenitur għandu jagħti l-appoġġ lil uliedu biex jgħinhom jimxu 'l quddiem. Il-mentalità llum il-ġurnata hi li l-futbol m’għadux sport tal-irġiel biss iżda sar irrelevanti mis-sess ta’ min għandu l-imħabba u l-passjoni sabiex jilagħbu.

 

More in Lokali