Intervista Lokali Barranin

' Fil-ħajja tgħallimt li qatt m’għandek teskludi xejn’

It-tweġiba ta’ Chris Bonnet meta mistoqsi jekk jarax lilu nnifsu president tal-MFA fil-futur 

Cristian Muscat / 1 ta' Diċembru 2016 12:07
Chris Bonnett
Chris Bonett hu avukat li jispeċjalizza fil-liġi tal-isport u li wara sitt snin bħala viċi president tal-MFA issa se jkun Integrity Officer tal-UEFA, bl-iskop li tkompli għaddejja l-battalja kontra l-kankru tal-korruzzjoni u l-betting.

Chris Bonett sadattant jidher li ma qatax għal kollox li xi darba jkun il-president tal-MFA,  “Bħalissa iffukat u kkonċentrat biex ikolli impatt tajjeb mal-impjieg il-ġdid tiegħi u nħares 'il quddiem għal din l-isfida. Rigward il-futur, min jaf x’hemm lest għalina. Tista’ tagħmel ħafna pjanijiet dwar futur, però nemmen li ma tantx għandek kontroll fuq id-destin tiegħek. Sitt snin ilu kont avukat naħdem il-Qorti, u għalkemm iffissat fuq il-logħba tal-futbol, qatt ma stennejt li kont se nkun involut fl-MFA, wisq anqas li dan kellu jsir ix-xogħol prinċipali tiegħi u li kont se nkun viċi president tal-MFA u mbagħad Integrity Officer tal-UEFA, jiġifieri ma nistax ngħidlek x’għad jiġri fil-futur. Illum, aċċettajt il-kariga ta' Integrity Officer tal-UEFA u ninsab kburi u kuntent biha. Però min jaf, fil-ħajja tgħallimt li qatt m'għandek teskludi xejn!”

Bonnett li kien jaħdem mill-qrib mill-President Norman Darmanin Demajo u ma’ Bjorn Vassallo qal li r-relazzjoni bejniethom kienet waħda li aktar ma jgħaddi żmien, aktar kienet qed issir b’saħħitha u organizzata. “Naħseb il-fatt li bħala President għandna persuna ta’ età matura, u jien u Bjorn Vassallo għadna kemxejn żgħażagħ ħolqot relazzjoni ta’ missier u ulied. Fil-fatt, il-President kien iħallina naħdmu ħafna fil-libertà u kien jintervjeni biss meta jħoss li konna qed immorru barra mil-linja tal-ħsieb tiegħu.”

Mistoqsi jekk il-Futbol Malti hux marid Chris Bonett qal ma jemminx li l-futbol Malti huwa moribond, “iżda nemmen li ħafna għandhom l-impressjoni li huwa fil-fatt marid. Qed ngħid hekk għaliex l-interess xorta hemm qiegħed u għadu b’saħħtu. Tmur f’ħanut tal-gazzetti filgħodu wara tmiem il-ġimgħa, tisma’ lil kulħadd jitkellem fuq il-logħbiet tal-Premier ta' tmiem il-ġimgħa. Però, ninsab konxju li l-amministraturi tal-futbol f’Malta jridu jaħdmu flimkien mal-klabbs u mal-plejers biex jekk hemm xi ħadd li qiegħed jirrovina l-logħba tagħna għall-gwadann personali tiegħu, għandna nagħmlu minn kollox biex neħilsu minnu.

“Għandna lil Franz Tabone u lil Adrian Camilleri li flimkien mat-tmexxija tal-MFA qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jiġġieldu din il-pjaga. Sfortunatament, minħabba s-sensittività tas-suġġett hemm ħafna xogħol li jsir li ma jidhirx u għalhekk tista’ tingħata l-impressjoni li mhux isir biżżejjed. Barra minn dan, aħna konxji mill-fatt li l-MFA m’għandhiex poteri biżżejjed biex tiġbor l-informazzjoni u tieħu l-azzjoni neċessarja biex teqred din il-problema. Irridu nieqfu naħsbu li din hija problema biss ta’ futbol. Illum irridu nifhmu li qed nitkellmu fuq reat kriminali, magħmul minn gruppi ta’ kriminalità organizzata, li fi ftit snin oħra kapaċi jsir reat iktar popolari mit-traffikar tad-droga.Jidher li wara ħafna diskussjonijiet wasalna biex flimkien mal-Gvern, l-Oppożizzjoni, il-Pulizija, il-Malta Gaming Authority u SportMalta fiż-żmien li ġej jitressaq abbozz ta’ liġi ġdid li se jimmodernizza radikalment il-liġi li diġà teżisti. Qed nipproponu li jiħraxu l-pieni u l-multi għal min jinqabad.” Meta mistoqsi kemm jaħseb li l-korruzzjoni hi kbira qal, “Mhux kbira daqskemm ħafna nies jaħsbu, però jrid isir ħafna xogħol għax il-perċezzjoni li hemm korruzzjoni kbira mhijiex tgħin.”

L-eks viċi president tal-MFA qal ukoll li l-livell tal-Football Malti għola, “nemmen li r-riżultati tat-tim nazzjonali tagħna fl-aħħar żminijiet, kif ukoll il-wirjiet eċċezzjonali tal-klabbs tagħna fl-Ewropa huma xhieda ta’ dan kollu. Ġieli anki nara xi filmati tal-futbol Malti għaxar snin ilu u nemmen li mxejna 'l quddiem. Il-problema jidher li ġejja mill-fatt li pajjiżi oħra għollew il-livell tagħhom b’mod iktar rapidu u veloċi minna, u dik qed tiġi indirizzata.

Xogħol qed isir ħafna u qed jidher.”

Mitlub jikkumenta jekk jibżax li se jkun qed jiġġieled battalja mitlufa bħala integrity officer il-ġdid tal-UEFA, Bonett qal, “Le, lanqas xejn. Li kieku kont inħoss li se nkun qed niġġieled ġlieda mitlufa bħala Integity Officer tal-UEFA ma kontx naċċetta din il-kariga. Tajjeb wieħed jirrimarka li jien mhux se nkun qed niġġieled din il-ġlieda waħdi iżda se jkolli s-sostenn ta' diversi persuni esperti ta' dan is-suġġett. Jien għandi ħafna ideat ta' kif jistgħu jsiru l-affarijiet iżda ma nistax ngħid għalissa x'inhu dak li għandi f'moħħi”

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook