Padova rieduni imma ma ridtx għax trattawni ferm ħażin- Jurgen Degabriele

Għax ma nitkellimx bit-Taljan qatgħuni barra u ma jkellimni ħadd

Il-plejer internazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena ta’ Hibernians, Jurgen Degabriele, għadu kemm irritorna minn esperjenza pjuttost negattiva ma’ Padova fl-Italja. Nhar is-Sibt 8 ta’ Awwissu huwa kien involut f’logħba ta’ ħbiberija ma’ dan it-tim fejn daħal jilgħab fl-aħħar tmien minuti tal-konfront kontra Abano Calcio, li Padova rebħu bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Padova, fl-istaġun li għadda ġew promossi mis-Serie D u matul l-istaġun li ġej se jkunu qed jibdew avventura ġdida fil-Lega Pro, fl-Italja.

Madankollu, sfortunatament, Jurgen Degabriele, ma tantx kellu esperjenza pożittiva f’dan il-pajjiż ġar tagħna, anzi wieħed jista’ jiddeskrivi din l-esperjenza tiegħu bħala waħda negattiva.

F’kummenti li għadda lil dan il-ġurnal immedjatament mal-wasla tiegħu f’Malta minn Padova, huwa saħaq li: “Prattikament Padova kienu qed jikkunsidraw li jżommuni, imma jien min-naħa tiegħi ma ridtx nibqa’ magħhom. Ma ġejtx trattat tajjeb u dik hi r-raġuni. Qed ngħid hekk fis-sens li per eżempju l-amministraturi ta’ Padova, la kienu jgħiduli meta u x’ħin kelli ninżel għat-taħriġ, meta li kieku ma kontx nara lill-plejers neżlin bil-basktijiet, ma kontx inkun naf.

Dan kollu għax ma nitkellimx il-lingwa tagħhom. Ħadd ma kien ikellimni. La l-kowċ u wisq anqas il-plejers ta’ Padova. Xejn ma kienu jgħiduli - la l-ħin li fih kellna nieklu, xejn! Kont nagħmel ġurnata fil-kamra tiegħi mingħajr televixin, u saħansitra, lanqas ħaduni biex għall-inqas nara l-post fejn kelli nagħmel it-taħriġ. Kont noqgħod biss fil-kamra, ħlief għall-ħinijiet tal-ikel u l-bqija ma kont nagħmel xejn,” temm jgħid Jurgen Degabriele.

Lura f’Mejju tal-2011, Jurgen Degabriele, meta dak iż-żmien kien għad kellu biss 14-il sena, kellu esperjenza oħra ta’ prova fl-Italja din id-darba ma’ Triestina, iżda f’din l-okkażjoni kellu esperjenza mill-aktar pożittiva ma’ dan it-tim.

Intant, Jurgen Degabriele, rebaħ l-unur ferm prestiġjuż tal-Aqwa Plejer Żagħżugħ fil-Kampjonat BOV Premier, waqt is-serata tal-unuri organizzata b’tant suċċess mill-MFA nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju li għadda, f’Dar il-Mediterran ġewwa l-Belt Valletta.

M’hemmx dubju li għalkemm Jurgen Degabriele kellu esperjenza mhux xierqa ma’ Padova fl-Italja, huwa għandu futur mill-isbaħ quddiemu. Dan hekk kif huwa għad għandu biss 18-il sena, u għalhekk huwa jirrapreżenta l-futur tal-futbol Malti permezz tat-talent mill-aqwa li jippossjedi fil-logħba li tant iħobb - il-futbol. 

 

More in Sports