Galea jirbaħ l-Autocross u Camilleri jirbaħ il-Motocross

Nhar il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi kompliet bil-Kampjonati Autocross u Motocross tal-ASMK Pasta Poiatti 2014/2015. B’kollox għal din l-attività rreġistraw 30 kompetitur.

Christian Galea fuq Fiat Ritmo
Christian Galea fuq Fiat Ritmo

Intant ħarsa lejn l-Autocross tal-ġurnata fejn fil-klassi Autocross Modified Philip Vella fuq Opel Corsa  ddomina l-Heats kollha tal-ġurnata kif ukoll irnexxielu jakkwista l-ogħla punteġġ tal-ġurnata. Dan b’mod awtomatiku żgura postu fil-finali Klassi A. Miegħu kkwalifikaw Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo, Josef Abela fuq Opel Nova, Matthew Borg fuq Vauxhall Nova, Noel Vella fuq Ford Escort Mk 1 u Malcolm Borg fuq Opel Corsa.

Mat-tluq ta’ din il-finali rajna ħruġ tajjeb minn Galea u Philip Vella waqt li kienu segwiti viċin minn Noel Vella u l-aħwa Borg - Malcolm u Matthew. Galea mill-ewwel beda jinqata’ ’l quddiem lap wara l-oħra fejn ħalla lil Philip Joe u Noel Vella jikkumbattu quddiem u mal-aħwa Borg flimkien ma’ Abela. Hawn l-ispettaturi segwew spettaklu ta’ sewqan sportiv sakemm Noel Vella b’azzjoni anti-sportiva fuq Philip Joe ħalla lir referi tal-ġurnata jieħu azzjoni fuqu. Hawn l-attenzjoni tal-finali marret fuq it-tielet post fejn Noel Vella kompla jikkumbatti l-pressjoni mill-aħwa Borg u Abela. Fis-sitt dawra Matthew Borg u Abela rnexxielhom jissuperaw lil Vella iżda ftit wara Malcolm Borg spiċċa jnaqqas il-veloċità minħabba ħsara teknika. Riżultat ta’ din il-finali huwa: Galea jirbaħ għal darb’oħra segwit minn Philip Joe Vella u Matthew Borg. Fir-raba’ post spiċċa Abela segwit fil-ħames post minn Noel Vella.

Fil-Finali Klassi B rajna Start Line kompost minn Gordon Johnson fuq Peugeot 205, JeanPaul Grech fuq Peugeot 106, Godfrey Gauci fuq Ford Fiesta, Godwin Martin fuq Opel Corsa, Noel Zammit fuq Fiat Punto u Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa. Mat-tluq ta’ din il-finali rajna lil Martin jagħmel ħruġ tajjeb ħafna flimkien ma’ Johnson biex sal-ewwel kantuniera Martin ħa t-tmun tal-finali segwit minn Johnson. Dawn kienu segwiti minn Gauci u Grech rispettivament. L-ordni tkompli b’Camilleri u Zammit. Matul din il-finali kull sewwieq iddefenda sew il-post tiegħu sakemm fis-sitt dawra Camilleri tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu bil-konsegwenza li ħareġ mal-ġenb tal-korsa tant li kellu jirtira minħabba prekawzjoni ta’ sigurtà. Ir-riżultat finali kien dan: Martin jirreġistra r-raba’ rebħa tiegħu f’din il-klassi segwit minn Johnson u Gauci. Fir-raba’ u l-ħames post spiċċaw Grech u Zammit.

Fil-Klassi Autocross Standard kellna rebbieħa differenti waqt iż-żewġ heats bejn erba’ karozzi. Il-Finali ta’ din il-klassi ntrebħet minn Dean Farrugia fuq Citroen AX segwit minn Salvu Micallef fuq Volkswagen Polo li rebaħ it-tieni post waqt li Joseph Vella fuq Ford Fiesta u John Agius fuq Peugeot 206 rebħu t-tielet u r-raba’ postijiet rispettivament.

Fil-Motocross klassi A rajna lil Clayton Camilleri fuq mutur KTM jiddomina l-ġurnata bir-rebħ tiegħu fiż-żewġ heats. Camilleri kien dejjem segwit minn Edward Ciantar fuq mutur Kawasaki u Kyle Camilleri fuq mutur KTM.

Fil-Motocross Klassi B rajna għal darb’oħra lil Ludvick Muscat fuq mutur KTM jiddomina u jirbaħ għat-tielet darba f’din il-klassi. Muscat kien segwit minn Elvin Debono fuq mutur Kawasaki u Mark Mamo fuq mutur Yamaha.

Il-Kategorija muturi Open Race ntrebħet mill-aħwa Camilleri bi Clayton jirbaħ l-ewwel post segwit minn ħuh Kyle, it-tnejn fuq muturi KTM. Fit-tielet u r-raba’ post spiċċaw Edward Ciantar fuq Kawasaki u Ludvic Muscat fuq KTM rispettivament.

L-ASMK xtaqet tieħu din l-okkażjoni biex tawgura l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd fejn għal dawn il-jiem li ġejjin tkun wiefqa mill-attivitajiet tal-motorsport għall-festi tal-Għid. L-attivitajiet tal-ASMK se jkomplu nhar il-Ħadd 19 ta’ April, fejn is-sezzjoni Trials se torganizza l-ħames attività tal-Kampjonat li fiha jkun hemm l-Autocross u l-Motocross fil-Kumpless ta’ Ta’ Qali. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew permezz tal-paġna uffiċjali fuq Facebook, A.S.M.K. Malta.

More in Sports