“Il-Futur tiegħi hu mal-Inter anke jekk għadni ma nafx ir-rwol”– Beppe Baresi

Nieħdu gost nirbħu d-derby iżda l-akbar sodisfazzjon meta nirbħu lil Juve”

Giuseppe Baresi twieled fis-7 ta’ Frar 1958 (58 sena) Travgliato fil-provinċja ta’ Brescia. Iddebutta ma’ Inter fis-Serie A fli staġun 1977/78 ta’ 19-il sena. F’16-il sena lagħab 559 partita maħhom u skorja 13-il goal. Irtira bħala player ta’ 36 sena bl-aħħar sentejn jilgħabhom ma’ Modena. Kien coach tas-settur ġiovanili u fli staff tekniku ma’ diversi coaches tal-Inter.

 

Iltqajt ma’ Beppe Baresi fil-club tal-Inter Pupo Zanetti fl-Imsida fejn jistennewh kien hemm għexieren ta’ partitarji Interisti lesti biex jgħidu kelma miegħu u ritratt kommemorattiv. Ħadna b’idejn xulxin u wera mill-ewwel li fejn tidħol kontroversja kien lest għal tweġibiet diplomatiċi. Poġġejna bil-qiegħda u kif lemaħ il-karta li kelli l-mistoqsijiet preparati quddiemi, bid-daħka qalli li jien ippreparajt teżi mhux intervista. Iżda kif tistgħu taraw f’din l-intervista ippruvajt biss nlaqqa il-karattru magħluq u riservat ta’ Baresi magħkom il-warrejja ta’ danw il-paġni sportivi, speċjalment għal dawk kollha li huma dilettanti tal-Football barrani.

 

Iddebutta ma’ Inter fis-Serie A fli staġun 1977/78 iżda sena qabel iddebbutta bil-flok Neroazzurro fil-Copppa Italia fir-rebħa kontra Juventus ta’ 1-0 fejn dam jilgħab magħhom 16-il sena. Lagħab 559 partita maħhom, 392 fis-Serie A, 73 partita fl-Ewropa u 94 fil-Coppa Italia u skorja 13-il goal. Bħala player rebaħ 2 titli Taljani, żewġ Coppa Italia, UEFA Cup u Super Cup. Fl-aħħar tal-karriera lagħab żewġ staġuni ma’ Modena fejn irtira ta’ 36 sena. Lagħab 18-il partita mat-team Nazzjonali Taljan.

 

Dan juri li Beppe Baresi hu simbolu tal-bandiera Interista u għalhekk tlabtu jgħidli din l-imħabba lejn Inter minfejn nibtet, “Min meta kont ċkejken bdiet din l-imħabba lejn Inter speċjalment meta dħalt fis-soċjeta meta kelli biss 14-il sena. Tant snin f’din is-soċjeta bilfors tagħmlek parti minnha.”

Staqsejtu kif ħassu meta libes l-ewwel darba l-flokk ta’ Inter mal-kbar, “L-ewwel darba kienet f’partita Ewropea kontra Dinamo Tbilisi, iżda fil-kampjonat lgħabt l-ewwel partita tiegħi kontra Vicenza. Kien għad kelli 19-il sena u kienet ta’ sodisfazzjon kbir iżda ma bżajtx anzi kont konċentrat ħafna u attent il-ħin kollu.” U l-emozzjoni meta libes l-aħħar darba l-flokk ta’ Inter? “Kont ili l-aħħar sentejn ma nilgħabx regolarment u kont qed inħoss li kont wasalt biex nitlaq lil dan it-team bħala palyer. Dak in-nhar bdew għaddejjin minn moħħi, ir-rebħiet u t-telf matul il-karriera kollha. Bdew għaddejjin memorji sbieħ li daħħlu lil dan it-team f’qalbi. Kont ċert li għalkemm se nispiċċa bħala player kien hemm iżjed x’nagħti lil din is-soċjeta.”

 

Baresi barra l-unuri li rebaħ bħala player kien fl-istaff tekniku u assistant coach ta’ diversi coaches ta’ Inter, Mourinho, Leonardo, Benitez, Ranieri, Stramaccioni u Mazzarri, fejn magħhom rebaħ mhux biss it-tripletta ta’ Mourinho, iżda għaqqadhom f’ċinkwina meta ma’ Benitez rebaħ is-super Cup Taljana u t-tazza tad-dinja tal-clubs. Bħala unur individwali kien rebaħ il-Premio Scirea għal karriera eżemplari tiegħu. Iżda l-akbar sodisfazzjon ħadu bħala player jew fis-settur tal-coaching? “Kollox fih is-sodisfazzjon tiegħu. L-ebda sodisfazzjon ma jegħleb lill-ieħor. Anke meta kont coach tas-settur taż-żgħażagħ kien ta’ sodisfazzjon kbir meta tara players li bdejthom int isibu posthom fis-serie A u jirbħu tournaments bħal dak ta’ Viareggio.”

 

Kulmin hu interist bħali dejjem neqirdu għax ir-referes ma tantx jgħinuna, “Dik hi perċezzjoni ta’ kull partitarju. Kull team li jirbaħ ma jirbaħx bir-referees iżda bix-xogħol kollu li jsir mis-soċjeta. Ir-referee jista jiżbalja u mhux dejjem jiżbalja kontrik. Anzi wisq naħseb li t-teams il-kbar jkunu ftit favoriti mir-referees meta jilagħbu kontra teams inqas kwotati u aħna club magħdud mal-kbar. Hu t-team li jirbaħ u mhux ir-referee. Meta nirbħu aħna wkoll jgġidulna li niġu megħjuna mir-referees.” Allura ngħid jien kif Mourinho kien dejjem jattakka il-kontroll tar-referees Taljani meta kien coach ta’ Inter? ”Dak kien mod kif jsaħħan lil players biex iqumu għall-okkażżjoni u jilagħbu b’ċerta kattiverija biex jirbħu. Il-psikoloġija kif jimmotiva lil players kienet waħda mill-akbar forzi tiegħu.”

 

Baresi qal li hu dejjem kellu rapporti tajbin ma’ kull coach li ħadem miegħu “iżda r-rebħ dejjem jagħmlek aktar magħqud u għalhekk ma’ Mourinho dejjem kien hemm xi ftit aktar affidibilita. Dwar jekk kellux xi ħbiberiji speċjali ma’ players li kien jilgħab magħhom, qalli li fil-bidu tal-karriera tiegħu kien qrib ħafna Oriali u Bergomi. “Iżda fit-taħriġ u fil-club. Barra l-club qatt ma kelli ħbieb players.”

 

Kien obbligu li nsemmilu lil ħuh Franco, li kellu suċċess aktar minnu sew mal-Milan kif ukoll mat-team Nazzjonali. X’kien li t-tnejn li huma għażlu toroq differenti? “Mhux aħna għażilna t-toroq differenti, hi s-soċjeta li għażlitna. It-tnejn morna ma’ Inter bħala żgħar iżda żammew lili u Franco mar ma’ Milan. Iċ-ċirkostanzi għażlulna l-karriera tagħna.

 

“Pero jkolli ngħid li għalkemm id-dar konna niddiskutu d-derbies ta’ bejnietna u nitkellmu dwar min kien il-favorit li se jirbaħ, dejjem kont kburi li t-tnejn li aħna mmexxu u nilagħbu mal-clubs ta’ Milan f’derby mill-isbaħ. U dejjm kont kburi b’ħija Franco għas-suċċessi li għamel sew ma’ Milan kif ukoll mal-Italja. Franco hu wieħed mill-aqwa players tad-dinja.”

 

Ħasra biss li l-ġenituri tagħhom qatt ma rnexxielhom jaraw lill-uliedhom lebsin bil-flokkijiet ta’ Inter u Milan għax mietu żgħar qabel huma saru players professjonali, qalli Beppe.

Staqsejtu wkoll liema kien jagħtih l-aktar sodisfazzjon li jgħeleb lil Juve jew lil Milan. Hawnhekk mingħajr tlaqlieq qalli, “Bla dubju lil Juve. Nieħdu gost nirbħu d-derby iżda l-Interisti kollha jieħdu gost l-iżjed meta nirbħu lil Juve anke aħna l-players.”

 

Il-fatt li wara t-tripletta it-team tal-Inter sfaxxa dejjem kienet mistoqsija li xtaqt nistaqsiha lil xi ħadd li kien parti minnha u issa sibt iċ-ċans li nistaqsiha lill-assistant coach ta’ dak it-team rebbieħ. “Ifhimni wara Mourinho komplejna nirbħu fejn ħadna s-super Cup u t-tazza tad-dinja tal-clubs ma’ Benitez. Iżda wara s-soċjeta bidlet ħafna coaches u nkiser il-ġugarell. Tlifna l-ekwilibriju kollu u t-team ma baqax jirbaħ.”

 

Mistoqsi jgħidli d-differenza bejn moratti u Thohir dritt weġibni, “Moratti kien bniedem kbir li rebaħ tant unuri. Thohir għadu jibda iżda nemmen li qed jibni team fejn l-Inter huma lesti biex jibdew jirbħu.”

 

Staqsejtu min jaħseb li kien l-aqwa player ta’ kull żmien tal-Inter, “Kien hemm wisq bravi biex nagħżel wieħed, f’kull era dejjem kien hemm xi ħadd partikolari, nista nsemmilek ftit bħal Mattheus, Ibrahimovic, Zanetti, Altobelli, Beccalossi u ħafna u ħafna oħrajn.”

 

Pele..Maradona…jew Messi l-aqwa player ta’ kull żmien? “Pele ma nafux, niftakru ftit wisq, Maradona u Messi għandhom kwalitajiet differenti. NMaħseb li t-tlieta huma l-aqwa għax kellhom teknika differenti minn xulxin li jagħmilhom fost l-aqwa fid-dinja.”

Fl-aħħar tlabtu x’inhu l-futur ta’ Beppe Baresi u pront weġibni, “Inter. Kif mmur lura mill-vaganzi hemm kuntratt jistennieni biex niffirmah. Li ma nafx hu eżatt x’se jkun ix-xogħol offrut lili. Iżda żgur li l-futur tiegħi se jkun ma’ Inter.”

 

Lanqas ilħaqt ħadt ritratt tal-okkażżjoni miegħu li l-partitarji Interisti ma daruhx u tlaq kwiet kwiet lura d-dar, kuntent li ltqajt ma’ leġġenda ta’ Inter, u staqsejtu dak li xtaqt naf dwaru u dwar l-Inter.

 

 

More in Sports