L-Avukat Adrian Delia għal President tal-MFA?

Jekk jiġri dan se tkun battalja bejn Bonett, l-istess Delia u Bjorn Vassallo

Jekk hemm persuna li f’dawn l-aħħar xhur semma’ leħnu b’mod pubbliku u bl-iktar mod voċiferu għall-akbar ġid tal-futbol lokali, m’hemmx dubju li dan ma kien ħadd ħlief l-Avukat,  Dr Adrian Delia. Huwa wkoll il-Viċi President ta’ Birkirkara u f’din l-intervista jitfa’ dawl fuq diversi temi li qegħdin l-iktar fl-aħbarijiet, f’dak li jikkonċerna futbol lokali bħalissa. Huwa fatt magħruf li l-intelliġenza tiegħu hija ta’ gwadann enormi għall-futbol lokali. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas Dr Delia ma jeskludiex li se jkun qed jikkontesta lill amministrazzjoni preżenti tal-MFA għall-presidenza tal-istess assoċjazzjoni fis-snin li ġejjin.

Meta u fejn twelidt?

Twelidt fl-isptar Blue Sisters f’Awwissu tal-1969. Għalkemm ma staqsejtnix…tgħammidt nhar il-festa tal-Patruna, fil-Bażilika ta’ Santa Liena. 

Kif bdejt tinteressa ruħek fil-futbol?

Meta kelli madwar 16–il sena u bdejt noħrog mid-dar waħdi mill-ewwel bdejt insegwi lil Birkirkara sajf u xitwa, xemx u xita. Għal snin twal ma kontx nitlef logħba. Wara li żżewwiġt ġejt noqgħod is-Siġġiewi (ukoll ħomor u sofor) u bejn xogħol u familja, naqqast mill-grawnd. Qatt però, ma waqaft insegwi lit-tim tiegħi.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek bħala avukat u ma’ dak ta’ viċi president ta’ Birkirkara? 

Mill-ewwel bdejtli bl-iebes! Meta ħajruni biex noħroġ għall-kumitat aċċertawni li bħala ħin kont se niddedika xi sagħtejn fil-ġimgħa. Din kienet l-ikbar gidba kalċistika li qatt blajt. Irrid ngħid però li Birkirkara għandna xorti li hawn nies li fil-kwiet u mingħajr daqq ta’ trombi jagħmlu xogħol bla qies b’risq il-klabb tagħna u allura għal-logħba tal-futbol. Sigħat twal wara l-kwinti ta’ volontarjat li ma jidhirx u qajla allura jiġi apprezzat, ħlief forsi minn dawk il-ftit li verament jaraw u jafu l-ħin u s-sagrifiċċji personali li jagħmlu dawn in-nies. Il-voluntiera li huma l-ossiġnu veru tal-futbol Malti. Minn hawn nissellef żewġ linji biex minn qalbi u f’isem kull min iħobb il-futbol nirringrazzjahom. 

Ippermettili niddeskrivi dan l-istaġun ta’ Birkirkara bħala wieħed diżappuntanti. Taqbel miegħi u x’taħseb li mar ħażin f’dan l-istaġun għat-tim tagħkom?

Ma naqbilx. Fl-aħħar tliet snin aħna konna fil-quċċata. Sentejn ilu rbaħna l-kampjonat. Is-sena li għaddiet tlifnih fl-aħħar logħba. Din is-sena qegħdin it-tieni u bħalissa ilna ma nitilfu logħba għal 13–il partita. Fi tliet partiti infila tlifna t-tliet punti fl-aħħar sekondi tal-logħba. Iktar milli ma konniex tajbin biżżejjed aħna, naħseb li kienu konsistenti għall-aħħar il-Hibernians. Batejna wkoll bl-injuries fejn infakkrek biss biss, li t-top scorer tagħna Liliu, li qabel il-Milied kien ras imb ras ma’ Tarabai li llum jinsab waħdu fil-quċċata tal-klassifika tat-top scorers; weġġa’ u nqala’ barra għal erba’ xhur. Infakkrek ukoll li fil-bidu tal-istaġun sfajna ltiema minn żewġ plejers importanti bħal Rowen Muscat u Joseph Zerafa fejn dawn marru jfittxu żvilupp tal-karriera barra minn xtutna u li ma stajniex frott is-sistema lokali nsibu sostituti tagħhom fil-pożizzjonijiet rispettivi kif ġieb u laħaq. Ir-ritorn tagħhom flimkien mal-akkwisti fit-transfer window ta’ Jannar, fosthom Mazzetti u Macchi li daħħlu sew mal-kumplament tal-iskwadra sahhew it-tim mhux ftit. 

Kemm taħseb li hija tabilħaqq reali l-possibiltà li tisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat meta Hibernians għandhom vantaġġ sostanzjali fuqkom?

Tmien punti, iebsa ħafna. Mhux impossibbli imma. Li nista’ ngħid żgur li mhux se naqtgħu qalbna qatt. Nibqgħu mhux biss nonoraw l-iskeda tal-partiti imma nitqabbdu sal-aħħar. Jien għandi mhux biss mentalità rebbieħa, imma wkoll leali u ġellieda (fis-sens Ingliż tal-kelma fighting spirit). Leali lejn l-avversarji u lejn l-ispirtu tal-logħba imma ġellieda fis-sens li ma naqta’ qalbi qatt u nemmen li fid-dinja wieħed irid jibqa’ jiġġieled sal-aħħar imbgħad jiġri li jrid.  Bħala fatt, illum it-tim komplut, qed jirritornaw il-plejers mill-injuries u hemm għaqda kbira fl-iskwadra. Maturazzjoni, professjonalità u motivazzjoni li jekk jibqgħu hekk nistgħu nsejħu fuqha f’kull ħin u bżonn. 

Il-futbol Malti marid?

Il-futbol huwa riflessjoni tas-soċjetà. Mhux il-futbol marid. Midneb il-bniedem li dejjem isib mezzi biex jisfrutta d-dgħajfin għall-gwadann personali. Dak li huwa sintomatiku fil-bniedem jiġi rifless fl-attivitajiet kollha li jagħmel u fl-oqsma kollha li jabita u jimmilita fihom. Bħal fil-politika, bħal fin-negozju. Bħal fil-ħajja. 

Il-livell tal-futbol Malti żdied jew naqas f’dawn l-aħħar snin?

Ma nippremettiex li għandi l-esperjenza teknika li nwieġeb din il-mistoqsija imma nista’ nosserva allura nikkummenta u ngħid li bħala kompetizzjonijiet Ewropej kien hawn min hu daqsna bħala pajjiz u wasal ferm iktar ’il boghod milli wasalna t-timijiet Maltin. Għalissa.

Taħseb li l-kampjonat Malti bil-format kif introdott minn din is-sena  qed  iħalli l-frott mixtieq?

Hux qed iħalli l-frott jew le jista’ jiġġudika kulħadd, għax bħalma jien involut fil-futbol jien ukoll spettatur bħalma hu kuħadd.  F’dik li hija ġlieda għar-relegazzjoni żgur li hemm taqtiegħa li qatt ma niftakar li kienet daqstant mifruxa fuq numru ta’ timijiet. Fil-ġlieda għall-Ewropa l-istess. Għar-rebħ tal-kampjonat l-istorja tisbieħ appena dawk fil-quċċata jfallu l-ewwel punti.  Qatt ma nista’ naqbel personalment però li l-punti li tim jikseb jinqasmu. Nemmen li dak mhux l-ispirtu sportiv.

Kemm taħseb li hija kbira l-problema tal-korruzzjoni f’pajjiżna?

Jekk tqis biss biss, il-kliem li qal l-Integrity Officer tal-MFA fin-Newsletter 35 hija kbira ħafna. Mhux sorpriż però meta tqis ukoll li barra minn Malta fejn plejers igawdu salarji ferm ogħla u timijiet idaħħlu flejjes ferm iktar partikolarment minn drittijiet televiżivi xorta jaħkem dan il-fenomenu ikrah. Però jien mhux tip li noqgħod ninħela niżen kemm il-korruzzjoni hija kbira jew le. Minflok irridu lkoll ningħaqdu flimkien fi ġlieda qalila kontra tagħha. Klabbs, Federazzjoni, plejers, ufficjali, media u partitarji. Bis-serjetà. Mhux bil-paroli. Mhux bit-tgħajjir, mhux bl-ippuntar tas-swaba’. Imma billi kulħadd jibda minnu nnifsu u b’min huwa l-eqreb tiegħu u jara, jiżen, jiddeċiedi u jgħid x’jista’ jagħmel hu. Imbagħad ixammar il-kmiem. Imidd għonqu u verament tibda l-battalja.  

Taħseb li huma ħafna l-plejers Maltin li jilgħabu l-flus fuq siti internazzjonali fuq logħbiet li fihom ikunu involuti huma stess f’pajjiżna u li għalhekk imbagħad jippruvaw jinfluwenzaw ir-riżultat finali tal-logħba li jkunu involuti fiha?

Spekulattiva għall-aħħar u informazzjoni ovvjament m’għandix. Żgur però li biex ikun hemm match fix bilfors li jkun hemm plejer jew plejers involuti. Tant hemm permutazzjonijiet li impossibbli tgħid eżatt. Imma anki jekk l-imħatra tkun biss kemm karti sofor se jingħataw f’logħba pereżempju, u plejer jew iktar ikunu involuti, dak xorta jinfluwenza l-logħba għalkemm forsi mhux ir-riżultat. Ejjew allura nibdew indaħħlu minnufih miżuri anki hawn biex dan ma jibqax iseħħ. Fil-kuntratti tal-plejers, u jekk hemm bżonn fil-kundizzjonijiet tal-liċenzja li l-siti tal-Gaming li joperaw minn jew huma liċenzjati f’Malta.  

Ma taħsibx li l-kastig li ngħata mill-MFA lill-plejers li ġew akkużati b’korruzjoni fl-aħħar snin kien żgħir wisq?

Iva naqbel. Però, dik mhix l-ikbar problema. Il-liġijiet tal-pajjiż iridu wkoll ikunu eħrex. Ħafna eħrex. Għax hawn issa qed nitkellmu mhux biss fuq imħatri bejn erba’ Maltin imma fuq kriminalità organizzata li qed jużaw l-imħatri llegali biex jaħslu l-flus. Din hija problema serja li għandha riperkussjonijiet gravi. Għanqbuta li jekk titħalla tinfirex tifga’ kulma jipprova jwaqqaf il-ħakma tagħha. Dan l-awtoritajiet iridu jifhmuh. Hemm bżonn li nfehmuhom u hemm bżonn li jieħdu l-passi u l-miżuri kollha neċessarji biex jipprevenu anki billi jillegalizzaw biex jirriflettu din ir-realtà. 

Ma taħsibx li n-numru ta’ referees li jikkontrollaw il-logħbiet f’pajjiżna huwa ftit wisq fejn ħafna drabi naraw lill-istess referees jikkontrollaw il-logħbiet fid-diviżjonijiet kollha?

Fl-aħħar snin l-MFA għamlet investiment kbir fil-qasam tar-referees u għandna numru dejjem jikber ta’ referees ta’ kwalità u li dejjem iġibu riżultati tajbin ħafna meta jirreffjaw barra xtutna. Li jrid isir huwa li jibda jiġu addottati wkoll testijiet msejħin fit and proper tests - testijiet serji u hawn mhux qed nitkellem fuq fiżika, sabiex nassiguraw li anki huma jkunu lil hinn minn suspetti u tentazzjonijiet.  Nixtieq nara wkoll iktar trasparenza fl-għażla ta’ min ikunu l-uffiċjali tal-logħba. It-trasparenza hija l-bażi ta’ kull kontabbilità. 

Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-MFA li saret ftit tal-ġimgħat ilu u li jien kont preżenti għaliha rajtek  u smajtek tgħaddi kummenti li fihom sostnejt  ir-rabja tiegħek b’mod diplomatiku  u paċifiku għall-kummenti li kien għadda Franz Tabone li fihom stqarr li wħud mill-klabbs Maltin qed jiġu ffinanzjati esklussivament mill-match fixing. Għaliex ħassejtek irrabjat u għaliex flimkien ma’ presidenti oħra tal-Premier ħassejtu l-bżonn li tippreżentaw affidavid li fih tistqarru li l-klabbs li tmexxu  intom qed jiġu ffinanzjati b’mod nadif?

Nixtieq kif anki esprimejt pubblikament li npoġġi ġebla fuq dan l-episodju. Kont urtat għax wara li tqatta’ sigħat twal tiddedika ruħek għall-futbol u tagħmel minn kollox biex tiġġieled il-ħażin minn kull fejn jiġi, tiġi perċepit bħala parti minn borma tinten. Ħassejt ukoll li jekk l-Integrity Officer kellu provi li hemm klabbs finanzjati minn logħob illeċitu kellu jmexxi kontra tagħhom minnufih. Dan nemmen li għad jista’ jagħmlu. U jekk ma jsirx nixtieq nifhem għalfejn ma jseħħx. Dan l-episodju issa però ġie wkoll iċċarat permezz ta’ stqarrija konġunta li nifhem li diġà ntbagħtet lill-media.             

Taqbel mal-proposta tat-tmien plejers barranin? Norman Darmanin Demajo stqarr b’mod pubbliku li hu ma jaqbilx magħha. Int tikkondividi l-istess idea tal-President tal-MFA jew għandek fehma oħra?

Jien naqbel li għandna nilagħbu skond ir-regoli tal-FIFA. U hawn qed nitkellem biss fuq il-Premier Division għax nemmen li d-deċiżjoni fuq id-diviżjonijiet l-oħra hija l-ewwelnett differenti diġà u kieku biss għandhom jiddeċiedu huma. Deluż li wara xhur sħaħ ta’ konsultazzjonijiet, laqgħat u kontro-proposti, it-top management tal-MFA tesprimi ruħha fis-sens li uriet li kienet diġà ddeċidiet. Dan huwa diżrispettuż. 

X’inhuma l-opinjonijiet tiegħek fuq it-Task Force kontra l-korruzzjoni li twaqqfet riċentament mill-MFA? 

Jidher li l-MFA qed tifhem id-daqs tal-problema u taċċetta wkoll li waħedha mhux se tasal kontra dan il-mostru ferm ikbar minnha. Hemm bżonn l-involviment tal-Pulizija, tal-Gvern u tal-Awtoritajiet inkluż dik tal-Gaming. Inizzjattiva tajba li però mhux se tkun bizzejjed jekk nieqfu hemm. Huwa l-bidu mhux it-tmiem. 

M’hemmx dubju li l-fatt li int espert tal-liġi jista’ jgħin bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-futbol lokali. Il-kummenti tiegħek.

Jien mhux espert tal-liġi. Jien sempliċi avukat. Imma għandi rabja kbira. Rabja li l-isbaħ logħba fid-dinja qed tinħataf ostaġġ ta’ kriminali bla skrupli li se jħallu lil uliedna ltiema mill-ferħ, passjoni, sodisfazzjon u emozzjonijiet li jista’ jtik biss il-futbol. 

X’taħseb fuq ir-Riforma tal-Plejers - il-Players Reform li tant qed tissemma’ fl-aħbarijiet bħalissa?

Bżonnjuza u kien wasal iż-żmien għaliha. Kif diġà forsi aċċennajt se nerġgħu nieqfu nofs triq. Għal darb’oħra se nagħmlu eċċezzjoni għal kull regola tal-FIFA. Fid-dinja jekk vera trid il-bidla, meta vera trid tavvanza, trid tkun kuraġġuż. Qed nitilfu okkażjoni tad-deheb li forsi ddum ma terġa’ tfeġġ li nagħmlu xi ħaġa li verament tbiddel il-futbol Malti. Kuraġġ! Ejja ma nibżgħux! 

Niġu issa għas-suġġett kontroversjali tal-parametri biex plejer jiċċaqlaq ma’ klabb lokali ieħor. Ma taħsibx li dawn huma ta’ barra minn din id-dinja? Għalkemm għandi informazzjoni li se jkun hemm tiġdid fihom u mhux se jibqgħu l-istess...

Parti mir-riforma. Għarukaża li llum il-ġurnata għadna nemmnu li għandna njassru n-nies permezz ta’ regolamenti punittivi. Imma trid tara l-istampa sħiħa. Għalhekk ir-riforma trid tittieħed bħala pakkett wieħed. Tneħħija ta’ parametri. Tneħħija ta’ capping. Linejar ta’ regolamentazzjoni. Libertà u protezzjoni lit-tfal taħt l-età. Numru ta’ barrannin. Introduzzjoni ta’ numru senjalat ta’ plejers li jkunu ‘home grown’ fil-‘line up’ tat-timijiet. Dur dur dur, nerġgħu naqgħu għall-FIFA rules. 

X’ġiegħlek u x’ħajrek tidħol fid-dinja tal-futbol? Hawn min isemmi li avukat bħalek x’fettillek tidħol f’din id-dinja li kulma tmur qed tinqered mill-kankru mondjali tal-betting u tal-korruzzjoni?

Ħajruni numru ta’ nies Karkariżi li xtaquni ngħin. Għalkemm l-ikbar għadu tiegħi jibqa’ l-ħin, inħobb lir-raħal wisq biex nirrifjuta li mill-ftit li nista’, noffri s-servizzi tiegħi. Kemm nista’. Meta nista’. Meta bdejt nifhem eżatt kemm hi kbira l-problema tal-korruzzjoni però flok tlaqt, iktar kibret ir-rieda ġewwa fiha li nibqa’. Biex niġġieled. Biex nagħmel li nista’. Għax jien ma trabbejtx naħrab mill-problemi. Imma nisfidahom. U deċiż li sakemm Alla jtini s-saħħa nagħmel minn kollox biex nibqa’ niġġieled kif u kemm niflaħ.

Ma taħsibx li hawn wisq klabbs u kowċis f’Malta? Possibbli li f’Malta kulħadd huwa kkwalifikat biex ikun kowċ u amministratur ta’ klabb partikolari?

Hemmx wisq klabbs jew le mhux il-problema. Iktar ma hemm klabbs iktar hemm tfal jilgħabu u telgħin. Trid issir differenza però bejn klabb amateur u dak professjonali. Nifhem li din waħda mill-ikbar sfidi li se tindirizza r-riforma. Dwar il-kowċis mhux posti nikkummenta għax m’għandi ebda kwalifika. Imma dwar l-amministratturi għadna lanqas bdejna. Naħseb li lanqas klabb wieħed m’għandu wieħed fuq bażi full-time. Ilkoll bil-voluntiera li jagħmlu xogħol imprezzabbli u huma n-nifs fil-futbol Malti imma jekk irridu nimxu ’l quddiem irridu nsiru professjonali. F’kollox. Inkella nibqgħu dilettanti, tajbin biss għal daqqtejn ballun bejnietna.

Teskludi l-possibiltà li fil-futur tikkontesta għall-amminstrazzjoni tal-MFA?

Jien ma dħaltx fil-futbol għax jien amministratur jew naspira li nsir. Dħalt fil-futbol għax inħobb lir-raħal twelidi u għandi passjoni lejn il-klabb tiegħi, u l-logħba tal-futbol. Valuri sodi u prinċipji li ma jagħmlux kompromessi, madankollu, xi minn daqqiet iġiegħluk tħares madwarek u meta tosserva ċerti nuqqasijiet ma jippermettulekx li tibqa’ lura sieket. F’ċirkostanzi fejn min huwa mutu jibqa’ jħares, isir kompliċi meta f’idejh ikollu l-għodod tat-tiswija. 

More in Sports